Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel ta' l-Istat — Tagħlim tal-lingwa Ingliża lill-barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel ta' l-Istat li se jintużaw minn organizzazzjonijiet biex jiġi mgħallem l-Ingliż lill-barranin f'dan is-sajf? F'kull każ, kemm hu l-ħlas li ntalab u x'kondizzjonijiet oħra jridu jitħarsu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Skejjel tal-Knisja/Skejjel indipendenti — Kapijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx kapijiet ta' l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti li m'għandhomx ir-rekwiżiti rikjesti mil-liġi biex ikollhom din il-kariga? Jekk iva, jista' jelenka l-iskejjel konċernati u jgħid għaliex dawn in-nies ġew mogħtija din il-kariga? Jista' jgħid ukoll jekk warrant temporanju huwiex suffiċjenti għal kariga ta' kap jew deputat kap ta' skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Sa fejn jirriżultali t-tweġiba għall-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija hi fin-negattiv. Warrant Temporanju mhuwiex meqjuż suffiċjenti għal-kariga ta' kap jew assistent kap ta' skola.

Skejjel — Bejgħ ta' ikel mit-tuck shops

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6302 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' u cioe' peress li qed ikolli diversi lmenti minn ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom fid-diversi skejjel ta' l-istat, privati u tal-knisja, fejn dawn jilmentaw minn ikel u xorb li jevitaw id-dar, iżda li jinbiegħ f'tuck shops u canteens ta' l-iskejjel, jista’ jgħid għaliex minflok linji gwida ma toħroġx ordni biex ċerti ikel, xorb u ħelu ma jkunux jistgħu jinbiegħu? Ma jaħsibx li dan jgħin bil-kbir biex jevita l-obesita' fit-tfal u b'hekk jgħin inaqqas l-ispiża fil-kura?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kummissjoni Elettorali — Każ dwar votazzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6308, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi d-diffikulta' li l-Kummissjoni Elettorali ma tieħux inizjattiva hi sabiex tirranġa din l-istramberija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Elettorali jieħu l-passi meħtieġa malli jkollu rapport. F’dal-każ partikolari malli waslet l-informazzjoni permezz tal-mistoqsija parlamentari numru 6308, saret spezzjoni fuq il-post. Il-persuni konċernati ġew avżati verbalment u b’ittra reġistrata biex jibdlu l-indirizz fuq il-karta ta’ l-identita u fir-reġistru elettorali.

Skejjel tas-sajf — Ħlas ta' 18% VAT

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6307 u cioe' peress li issa ġie kkonfermat li trid titħallas VAT ta' 18% fuq kull tifel u tifla li jattendu skejjel tas-sajf, jista’ jgħid jekk kull skola jew organizzazzjoni li torganizza dawn l-iskejjel tas-sajf trid tirreġistra bħala tali? Meta tkun mistennija li tagħmel il-ħlas tal-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6307 f’din l-istess seduta.

MEPA — Tibdil ta' faċċati ta' djar fl-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għall-Belt antika ta' l-Imdina għal tibdil ta' faċċati ta' djar privati f'dawn l-aħħar sitt xhur, mill-1 ta' Jannar 2004? Għal liema bini kien (numru u triq) u x'kien jinvolvi dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk fl-istess perijodu kienx hemm min inqabad jagħmel xogħol fuq il-faċċata tad-dar fl-Imdina mingħajr permess? X'passi ttieħdu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 10 PQ #6583 Sitting 152 2004-07-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Inbejjed — Tneħħija ta' levy

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5673 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi u cioe' jista' jgħid, issa li tneħħiet il-levy mill-inbid prodott fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, x'se jsir biex dan ir-roħs jiġi rifless fil-prezzijiet li jżommu għall-inbid ir-ristoranti, bars, eċċ.? Jista' jgħid jekk dawn jaqgħux taħt il-kontroll tal-prezzijiet anke fil-każ ta' prodotti oħra bħal birer?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-prezzijiet ta' l-ikel u xorb fir-ristoranti huma liberizzati, jiġifieri, l-Gvern jew l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu ma jistgħux jistabilixxu prezzijiet. Naturalment dawn l-istabilimenti jrid jkollhom menu bil-prezz ta' l-ikel u xorb li huma joffru biex il-klijent ikun jaf minn qabel kemm se jħallas. Għalkemm huwa s-suq li jistabilixxi l-prezz, fil-każ tat-tnaqqis tal-levy mill-imbejjed importati mill-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja, dan għandu jwassal għal tnaqqis fil-prezzijiet ta' dawn l-imbejjed.

Persuni li mietu kawża tat-tipjip

Question

Jista' il-Ministru jgħid bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' Ġunju ta' din is-sena, kemm kien hemm imwiet direttament jew indirettament minħabba t-tipjip? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Kemm kien hemm f'kull każ taħt is-60 sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' każijiet ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet bejn Jannar u Mejju tas-sena 2004 u li huma meqjusa li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta' 168 mewt f'residenti ta' Malta u Għawdex. Kien hemm 121 irġiel u 47 nisa. Minn dawn kien hemm 15 irġiel u 4 nisa taħt is-60 sena.

Skejjel — Tipjip fost l-istudenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għandha ppreparat id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għas-sena skolastika li jmiss biex tkompli jnaqqas il-ħajra għat-tipjip fost l-istudenti fl-iskejjel? Dan japplika wkoll għall-iskejjel mhux statali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dwar it-Tipjip, "Il-Politika dwar -Imġieba tajba u d-dixxiplina għall-Iskejjel" tgħid li "L-istudenti huma assolutament ipprojbiti milli jpejpu" u "taħt l-ebda ċirkostanza m'għandhom in-nies fl-iskola jpejpu quddiem l-istudenti"(pg17). Dwar it-tipjip, isiru lezzjonijiet u diskussjonijiet fil-P.S.D. (Personal and Social Development) u l-istudenti jsiru jafu il-ħsara li t-tipjip jagħmel għas-saħħa. Dawn ilhom isiru għal aktar minn għaxar (10) snin, u s-suġġett ikopri l-istudenti mill-Form 1 sa' Form 5. Id-Dipartiment tas-Servizzi għall-Istudenti qiegħed f'kuntratt mal-Health Promotion Unit biex minn Ottubru naħdmu biex dawk l-istudenti li jixtiequ jaqtgħu dan il-vizzju jiġu mgħejjuna permezz ta' counselling u mezzi oħra.

Skejjel — Studenti li jixorbu l-alkoħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid huwiex aċċettabbli li qed ikun hemm numru dejjem akbar ta' żgħażagħ ta' l-eta' ta' l-iskola li qed jixorbu l-alkoħol? X'beħsiebha tagħmel id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex tipprova tikkontrolla u tnaqqas it-tehid ta' alkoħol fost l-istudenti fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-"Politika dwar l-imġieba tajba u d-dixxiplina għall-iskejjel" tgħid li "L-istudenti huma assolutament ipprojbiti milli jixorbu l-alkohol". "Taħt l-ebda ċirkostanza m'għandhom in-nies fl-iskola jieħdu alkohol quddiem l-istudenti" (pg 17). Jekk jinqabdu, hemm sanzjoni mill-ewwel sat-tielet livell marbutin na' kemm hi serja l-offiża. Għalhekk hu fatt magħruf li m'huwiex aċċettabli li qed ikun hemm numru dejjem akbar ta' żgħażagħ ta' l-eta ta' l-iskola li qed jixorbu l-alkohol. F'dawn l-aħħar għaxar snin isiru lezzjonijiet u diskussjonijiet fil-lezzjonijiet tal-P.S.D.(Personal and Social Development) u l-istudenti jsiru jafu fuq il-ħsara li x-xorb jagħmel lil saħħithom. Dawn il-lezzjonijiet isiru lill-istudenti mall-Form 1 sa' Form 5 u hemm servizzi oħra minn N.G.O's fl-iskejjel Primarji. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ilha li bdiet bil-programmi tagħha biex tipprova tikkontrolla u tnaqqas it-tehid ta' l-alkohol fost l-istudenti u se tkompli bil-programmi li hemm. Dwar studenti fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti, l-informazzjoni tinkiseb min-NonState Schools Section fid-Dipartiment tal-Further Studies and Adult Education.

Drama Unit

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-involviment tas-Sur Mario Azzopardi fid-Drama Unit? Jista' jgħid jekk hemmx xi persuni oħra minbarra l-persuna imsemmija? Jekk iva, jista' jgħid x'inhu x-xogħol li qed jagħmlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li is-Sur Mario Azzopardi huwa inkarigat mit-tmexxija ta' l-iskola tad-Drama li torganizza korsijiet ta' filgħaxija. Fit-Taqsima tad-Drama ( Drama Unit ) hemm Uffiċjal Edukattiv, s-Sur John Suda, li jmexxi t-Taqsima, kif ukoll dsatax-il għalliem Peripatetiku u Koordinatur tas-Suġġett. Hemm ukoll żewġ għalliema tad-Drama f'Għawdex. Ix-xogħol tagħhom huwa fl-iskejjel kif ukoll fil-produzzjoni ta' " Theatre In Education" , li huma rappreżentazzjonijiet b'suġġett edukattiv.

Korp tal-pulizija — Membri

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' pulizija bħalissa? Jista’ jgħid ukoll kif inhuma mqassma skond ir-ranks tagħhom? Kemm hemm vakanzi bħalissa f' kull rank?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 1,820 membru fil-Korp tal-Pulizija. Dawn huma mqassma kf ġej: Kummissarju 1 Deputat Kummissarju 1 Assistent Kummissarju 9 Supretendent 24 Spettur 95 Surġent Maġġur 1 Surġent 271 Kuntistabbli 1,418 Infurmat ukoll illi fil-ġimgħat li ġejjin ser tkun pubblikata sejħa għall-reklutaġġ ta' kuntistabbli.
Leg 10 PQ #6320 Sitting 150 2004-07-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta — Membri

Question

Jista’ il-Ministru jgħid min huma l-membri ta' Heritage Malta? X'inhu l-programm imħejji għall-kumplament ta' din is-sena biex jiġu protetti l-monumenti u s-siti storiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta` tagħha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher hawn taħt: Chairman Dr Mario Tabone Deputy Chairman Ms Simone Mizzi Dun Gwann Azzopardi Dr Ray Bondin Mr Mario Farrugia Prof. Anthony Bonanno Mr Godwin Vella Mr Leslie Vella Mr Joe Schiro' Proġetti kapitali għall-kumplament ta' din is-sena jirrigwardjaw xogħol fuq ir-Roman Domus, il-Mużew Arkeoloġiku u l-Mużew ta' l-Arti. Qegħdin jitħejjew proġetti għall-protezzjoni tat-Tempji ta' Haġar Qim, Mnajdra u Ħal-Tarxien.
Leg 10 PQ #6321 Sitting 150 2004-07-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Attivitajiet kulturali

Question

Jista’ il-Ministru jagħti dettalji dwar attivitajiet kulturali għall-kumplament ta' din is-sena li se jiġu organizzati f' Malta u f’Għawdex flimkien mal-privat? Ma’ min u meta se jsiru? X' se jkun is-sehem tal-gvern f' kull każ? X' għajnuna minbarra dik finanzjarja se jagħti l-gvern f' kull każ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant. Wieħed irid jiftakar ukoll il-wirja li hemm fil-Palazz ta' l-Inkwiżitur li qed issir bi ftehim ma' kumpanija Taljana li tmexxi il-Mużew tat-Tortura li li jinsab f'San Gimigiano, l-Italja.

Riforma fl-arkivji u l-libreriji

Question

Jista’il-Ministru jinforma lill-Kamra meta se titwettaq ir-riforma fl-Arkivji u l-Libreriji msemmija minnu diversi drabi, bħal ngħidu aħna f' The Times, tat-3 ta’ Awissu 1999, kif ukoll fid-diskors tal-President fil-bidu ta’ din il-leġislatura?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 5725 ta' l-istess Onor. Membru.

Naxxar — Skola Giovanni Curmi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fl-iskola Għolja Giovanni Curmi tan-Naxxar fis-sena skolastika li jmiss hux se jkun hemm problema sabiex l-istudenti kollha li juru interess li jattendu f'din l-iskola, ikunu jistgħu jidħlu fiha? Jista' jgħid x'xogħol sar matul dawn l-aħħar sentejn sabiex din l-iskola titkabbar ħalli jkollha aktar klassijiet? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jiddaħħal xi numerus clausus sabiex jiġu magħżula l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola Sekondarja Għolja Giovanni Curmi tan-Naxxar twaqqfet biex jingħata ċans ieħor lil studenti li ma jkunux ġabu is-suġetti kollha meħtieġa (SEC) biex jidħlu l-Junior College u jibdew il-kors tal-Matsec (livell avvanzat u intermedjarju). Ma jidher li hemm ebda problema biex fis-sena skolastika li ġejja l-iskola tilqa' lil dawn l-istudenti. Informat ukoll li f'dawn l-aħħar sentejn sar xogħol preparatorju inklużi pjanti ta' iżjed lecture rooms u tfassil ta' tenders.
Leg 10 PQ #6312 Sitting 149 2004-07-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti — Ħaddiema ġodda

Question

Jista’ il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-kunsill impjegax xi haddiema ġodda full time jew part-time miegħu? Jekk fl-affermattiv, min huma, kif ġew magħżula, kemm qegħdin jitħallsu, u jekk saritx sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet? Jaħseb il-Ministru li l-ħatra tal-Professur Joe Friggieri bħala Chairman tal-Kunsill, issa li ħareġ bħala kandidat mal-Partit Nazzjonalista, għadhiex kompattibbli ma’ l-għanijiet nazzjonali u indipendenti li suppost iħaddan il-kunsill?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti ma mpjegax ħaddiema ġodda matul is-sena finanzjarja kurrenti li bdiet fl-1 ta' Ottubru 2003. Ma jidhirlix li l-kompatibbilta` tal-ħatra tal-Professur Joe Friggieri bħala Chairman tal-Kunsill ġiet b'xi mod effetwata meta huwa ħareġ bħala kandidat għall-Parlament Ewropew. Anzi, huwa dmir ta' kull ċittadin li jwieġeb għal sejħa li jagħmillu pajjiżna biex jaqdi l-poplu bl-abilita` li wieħed ikun jippossjedi.
Leg 10 PQ #6313 Sitting 149 2004-07-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti

Question

Jista’il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba iltaqa’ l-kunsill kemm ilu li ġie maħtur, f’liema dati u x’ kienet l-attendenza ta’ kull membru f’dawn il-laqghat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.