Jista' il-Ministru jgħid, wara li ġie ffirmat il-ftehim mal-MUT dwar il-kapijiet ta' l-iskejjel, jista' jgħid xi problemi ta' implimentazzjoni hemm, b'mod partikolari dwar allowances marbuta mat-telephone?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli fl-ufffiċju fil-ħin meħtieġ, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li l-pjanti ta' l-elettriku tal-Karwija qed isiru l-Ingilterra? X'inhi r-raġuni li sar dan u min ħa din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli fl-uffiċju fil-ħin meħtieġ, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Maltacom — Ħlasijiet pendenti tat-telefon minn għaqdiet sportivi
Question
Jista' il-Ministru jelenka kemm hemm għaqdiet sportivi u liema huma, li għadhom lura fil-ħlasijiet tat-telefon? X'inhu l-ammont li kull wieħed għandu jagħti? Kien hemm każi fejn inqatagħlhom it-telefon?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 1130.
Meta kienet ġiet maħtura bħala konsultant tal-PBS l-ewwel darba l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament? Min kien ħatru? Minn fejn kien jitħallas, mill-ministeru jew mill-PBS?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-persuna imsemmija kienet inħatret bħala konsulent mal-PBS fl-1 ta' Jannar 2001. Huwa kien inħatar mill-Bord tad-Diretturi.
Ix-xogħol għal konsulenza mal-PBS tħallas mill-PBS.
X'inhi eżattament il-ħatra tal-persuna indikata separatament il-lum fil-PBS? Jaħseb il-Ministru li għadu mhux fl-interess tal-poplu li jiżvela x'kien qed jiswa lit-taxpayer dan il-konsulent tal-PBS? Jista il-Ministru jħabbar ir-remunerazzjoni, u vantaġġi oħra li jieħdu l-memmbri tal-Bord Editorjali.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Qrati — Traffikar ta' persuni bi skop ta' prostituzzjoni
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-qorti f'dawn l-aħħar ħames snin, mill-1999 'il hawn dwar traffikar ta' persuni bi skop ta' prostituzzjoni? F'liema sena? Minn fejn kienu l-persuni barranin li dwarhom saru l-akkużi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn meta daħlu fis-seħħ f'Mejju 2002, l-emendi għall-Kodiċi Kriminali (artikolu 248B ta' Kap. 9) dwar traffikar ta' persuni għal prostituzzjoni, kien hemm 14-il persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti b'dan ir-reat. Il-persuni li dwarhom saru l-akkużi huma mir-Russja u mill-Ukrajna.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm nies li f'dawn l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena ma tħallewx jidħlu fil-port u fl-ajruport separatament u x'kienu r-raġunijiet prinċipali għal dan? Tinżamm statistika kemm kien hemm irġiel u kemm kien hemm nisa? Mil-liema pajjiżi kienu prinċipalment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 240 persuna li ma tħallietx tidħol wara li waslet Malta. Minn dawn 7 waslu fil-baħar filwaqt li 233 waslu bl-ajru. Ir-raġunijiet li għalihom dawn in-nies intbagħtu lura kienu prinċipalment li:
Ma jkollhomx id-dokumenti kollha neċessarji
Ikollhom dokumenti falsifikati
Ma jkollhomx mezzi biżżejjed biex imantnu lilhom infushom f'Malta
Jiġi stabbilit li ma jkunux ġew Malta għal skop ġenwin ta' turiżmu
Ma jkollhomx biljett għar-ritorn
Ikunu suġġetti ta' xi struzzjonijiet biex ma jitħallewx jidħlu Malta minħabba xi każ preċedenti jew xi raġuni oħra.
Dawn kienu minn dawn il-pajjiżi:
Algeria
Chad
Guatemala
Moldovia
Pakistan
Sri Lanka
Angola
China
India
Morocco
Philippines
Syria
Belgium
Colombia
Kenya
Nepal
Romania
Turkey
Bulgaria
Egypt
Libya
Nigeria
Russia
Ukrania
Cameroon
Yugoslavia
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jibdew jaslu b'mod aktar regolari lill-konsumatur? Jaf li l-fatt li qed ikun hemm dewmien, xi kultant esaġerat, dan qed jikkawża tbatija f'ċertu familji?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li d-dewmien fil-qari ta' l-arloġġi ta' l-ilma u l-elettriku (u allura d-dewmien fil-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma) kien riżultat ta' diffikultajiet inizjali biex tkun introdotta sistema kompjuterizzata għal qari ta' dawn l-arloġġi. Permezz ta' din is-sistema, il-qari ta' l-arloġġ issa qed jiddaħħal direttament fuq strument żgħir li l-meter reader iżomm f'idejh. B'hekk il-qari ta' l-arloġġ jista' jiġi vverifikat fuq il-post.
Il-korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma diġa ħadet passi biex fix-xhur tas-sajf jiżdied il-qari tal-meters biex b'hekk is-sistema terġa tiġi għan-normal.
Konsumaturi li jkollhom diffikultajiet billi l-ħlas mitlub ikun għal-perjodu itwal minn normal jistgħu jagħmlu arranġament mal-Korporazzjoni biex il-kont ma jitħallasx f'daqqa.
Enemalta — Qtugħ fis-servizz kawża ta' kontijiet pendenti
Question
Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, kemm kien hemm każi fejn inqata' id-dawl lil xi djar jew stabbiliment talli kienu lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet? F'liema lokalitajiet kienu dawn?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li fil-perjodu bejn Jannar '04 u Mejju '04 kien hemm madwar 412 każ ta' sospenzjoni fi djar u stabbilimenti minħabba kontijiet pendenti skond kif jidher fit-Tabella li se npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
L-informazzjoni għal Ġunju għada qed tinġabar.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont totali li għandha tieħu l-korporazzjoni Enemalta sa l-aħħar ta' Ġunju 2004 minħabba nuqqas ta' ħlas ta' kontijiet? Jista' jgħid kemm għandu jingħata minn konsumaturi privati, kemm minn stabbilimenti turistiċi (lukandi, ristoranti, barijiet, eċċ.), kemm mill-fabbriki u minn azjendi oħra nklużi kumpanniji fejn għandu sehem l-Istat?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Maltacom — Qtugħ fis-servizz kawża ta' kontijiet pendenti
Question
Jista' il-Ministru jgħid sa l-aħħar ta' Ġunju ta' din is-sena, x'kien l-ammont totali li jrid jitħallas minħabba kontijiet tat-telefon li ma tħallsux lill-Maltacom? Kemm kien hemm każijiet fejn inqata' it-telefon? Jista' jelenka kemm hu dovut minn konsumaturi privati, stabbilimenti turistiċi, fabbriki u minn azjendi oħra, inkluż kumpanniji fejn għandu sehem l-Istat? Jista' jagħti dawn ta' l-aħħar separatament?
Ġaladarba biex wieħed isuq vettura jrid ikollu polza ta' assigurazzjoni, il-Gvern għamel xi ħaġa biex jiżgura li l-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni, li bil-liġi għandhom suq maħluq għalihom, ma jieħdux vantaġġ minn din is-sitwazzjoni a skapitu tal-konsumatur? Il-Gvern għandu xi kontroll fuq il-premiums li l-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni jitolbu? X'inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar l-ilmenti li jidhru ġustifikati ta' sewwieqa tal-muturi dwar żidiet esaġerati mitluba għall-polza tal-muturi? Il-Gvern indaga dwar din is-sitwazzjoni? X'inhu r-riżultat ta' din l-indaġini, jekk saret? Jaf il-gvern li l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi jidhrilha li l-kumpanniji ta' assigurazzjoni għandhom tendenza li joħolqu cartel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellat illi:
1) is-suq Malti ta’ l-assigurazzjoni huwa wieħed li jimxi fuq il-prinċipju ta’ kompetizzjoni bejn il-kumpanija u għażla tal-konsumatur. Is-suq ta’ l-assigurazzjoni huwa miftuħ għal kull min hu interessat li jaħdem fiħ u li huwa f’pożizzjoni li jaqdi l-obbligazzjonijiet kollha taħt il-liġi sakemm ikompli f’dan il-kummerċ;
2) il-premium huwa wieħed maħdum mill-kumpanija ta’ l-assigurazzjoni u hemm fatturi varji fuqiex jiġi bbażat per eżempju t-tip ta’ riskju, tibdil fil-liġijiet li jkabbru r-riskju għall-assiguratur, il-claims records tad-detentur tal-polza eċċ. Din hija prattika li teżisti f’kull suq finanzjarju internazzjonali li hu ħieles u liberu;
3) l-ilmenti li rċeviet l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta minn sidien ta’ muturi ġew investigati. Mill-investigazzjoni tagħha jidhru li dawn iż-żidiet huma riżultat ta’ varji fatturi: tibdil fil-leġislazzjoni li għamlet obbligatorja l-ħtieġa li ‘l-pillion rider’ ikun kopert mill-polza ta’ l-assigurazzjoni, il-ħtieġa li kull kuntratt ta’ l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għar-riskji tat-terzi persuni ikun awtomatikament estiża biex tkopri inċidenti li jiġru ġewwa l-Ewropa u EEA states. Numru ta’ kumpaniji barranin ta’ l-assigurazzjoni li jiktbu dan it-tip ta’ riskju m’għadhomx joperaw f’Malta;
4) l-indaġini tal-prezzijiet tal-‘premiums’ hija materja li taqa’ taħt l-Uffiċċju dwar Kompetizzjoni Ġusta. L-awtoritajiet finanzjarji ma jistgħux jieħdu azzjoni dwar spekulazzjonijiet ta’ presunt kartel u barra minn hekk il-liġi tassenja responsabbilta’ għal din il-materja lill-Uffiċċju dwar Kompetizzjoni Ġusta.
Kumpanniji ta' l-assigurazzjoni — Poloz ta' l-assigurazzjoni
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid, peress li għal ħabta ta' April l-awtorita' Maltija dwar is-servizzi finanzjarji, l-MFSA, kienet qalet li kienet talbet lil waħda mill-kumpanniji ta' assigruazzjoni biex tispjega l-pricing policy tagħha u dan minħabba żidiet fenomenali fil-poloz ta' assigurazzjoni tal-muturi li din il-kumpannija bdiet titlob, u għadha qed tesiġi, din l-ispjega ngħatat? Jekk le, l-MFSA fakkrita lill-kumpannija dwar l-ispjega li l-MFSA talbet? Jekk l-MFSA ngħatat din l-ispjega, l-MFSA aċċettata? Jekk aċċettata, l-MFSA se tgħid x'inhi din il-policy biex il-konsumaturi jkunu jafu għaliex qed jiġu mitluba dawn il-premiums, li saru ogħla għall-mutur milli huma għall-karozza?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi minn investigazzjonjiet li għamlet l-Awtorità Maltija għas-servizzi Finanzjarji ta’ Malta, jirriżulta li dawn iż-żiedet ġew imposti mill-prinċipal barrani ta’ dan l-aġent Malti. L-aġent tal-kumpanija ta’ l-assigurazzjoni huma marbuta bl-istruzzjonjiet li joħorġu l-prinċipali tagħhom.
Mill-investigazzjonijiet jidher ukoll li fis-suq hawn numru ta’ kumpaniji ta’ l-assigurazzjoni oħra li qegħdin joffru assigurazzjoni għall-muturi, u l-premium ivarja minn kumpanija għall-oħra. Il-premium li jiġi mitlub minn kumpanija huwa bbażat fuq fatturi differenti, fosthom hemm tip ta’ mutur li qiegħed ikopri, l-‘claims experience’ tas-sewwieq, l-età tas-sewwieq, eċċ.
Peress li l-Prim Ministru kien qal li l-ambjent hu wieħed mill-prioritajiet tal-gvern tiegħu, jista' jgħid jekk jarax aħjar jew agħar għall-ambjent il-muturi mill-karozzi? Jista' jgħid jekk hux beħsiebu jagħmel xi ħaġa biex jinkoraġġixxi l-użu ta' muturi bħalma jagħmlu gvernijiet oħra fl-Ewropa u b'hekk jgħin ill-ambjent?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ambjent huwa ċertament priorità għal dan il-Gvern. Dan intwera bil-fatti tul dawn l-aħħar xhur.
Għaldaqstant kull inizjattiva li hija fattibbli tiġi kkunsidrata.
F’dal-każ partikolari hemm diversi konsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati qabel ma wieħed jikkonkludi li jista’ juża muturi minflok karozzi.
Malta Insurance Association/MFSA — Rapport dwar inċidenti li jinvolvu muturi
Question
Jista' jingħata ħjiel dwar meta se jitlesta r-rapport li ġie kkummissjonat mill-Malta Insurance Association u l-awtorita' Maltija dwar servizzi finanzjarji li se jistabilixxi l-loss records dwar inċidenti li jinvolvu muturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi r-rapport ġie kkummissjonat mill-Malta Insurance Association (“MIA”) u huwa ko-sponsorizzat mill-MFSA. Ir-rapport qiegħed isir bil-għan sabiex fost affarijiet oħra jiġi stabbilit il-loss records dwar inċidenti li jinvolvu muturi. F’dan ir-rigward nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li x-xogħol fuq dan ir-rapport għadu għaddej, minħabba li hemm involut ħafna xogħol sabiex tinġabar din l-informazzjoni, mill-membri tal-MIA. L-għan huwa li dan ix-xogħol jitlesta fl-iqsar żmien possibbli.
Kumpanniji ta' l-assigurazzjoni — Muturi assigurati
Question
Jista' il-Prim Ministru jagħti statistika, not extrapolated, ta' l-aħħar ħames snin, sena b'sena, fuq muturi dwar talbiet li ġew milqugħa u oħrajn li għadhom qed jiġu kkonsidrati? Jista' f'din l-istatistika jgħid kemm kien hemm ħsara lil mutur assigurat fejn dan kien assigurat comprehensively, ħsara ta' proprjeta' lil third parties u korrimenti kaġunati lil third parties?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità għas-servizzi Finanzjarji ta’ Malta ma żżommx l-istatistika fil-format li qiegħed jintalab. L-Awtorità għandha biss informazjoni fuq il-premium u l-claims li jirrigwardaw is-settur kollu tal-vetturi bil-muturi (motor vehicles) li fiha tinkludi l-premium u l-claims tal-muturi (motorcycles). Din l-istatistika ma tiġix maqsuma fit-tip ta’ polza ta’ assigurazzjoni jiġifieri, comprehensive, ħsara ta’ proprjeta’ lil third parties u korrimenti kaġunati lil third parties.
Jista' il-Ministru jgħid jekk persuna li huwa instructor u m'għamilx kors fil-pedagoġija jkunx intitolat għall-increments fil-paga tiegħu?
Kemm hemm instructors li m'għamlux dan il-kors fil-pedagoġija?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-Grad ta' Instructor, bħal gradi oħrajn, hu marbut ma' skala ta' paga b'minimu u massimu fuq bażi inkrementali.
L-"Interim Measures Agreement" iffirmat fl-20 ta' Mejju 1993, dwar il-Gradi ta' l-Instructor, jirrikjedu li Instructor I jiġi promoss għall-Instructor II jekk ikun għamel b'suċċess il-kors tal-pedagoġija kif rikonoxxut mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Il-"Classification, Regarding and Assimilation Agreement" ta' l-Instructors (iffirmat fit-3 t'Ottubru 1996), jirrestrinġi d-dħul fil-grad ta' Instructor għal min jippossjedi ċ-ċertifikat tal-pedagoġija maħruġ mid-Diviżjoni jew ċertifikat ekwivalenti. Naturalment, dan apparti kwalifiki oħra.
Jidher li għad hemm 15 Instructors li qatt ma' temmew b'suċċess xi wieħed mill-korsijiet tal-pedagoġija organizzat mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Peress li issa ġie kkonfermat li trid titħallas VAT ta' 18% fuq kull tifel u tifla li jattendu skejjel tas-sajf, jista’ il-Prim Ministru jgħid jekk kull skola jew organizzazzjoni li torganizza dawn l-iskejjel tas-sajf trid tirreġistra bħala tali? Meta tkun mistennija li tagħmel il-ħlas tal-VAT?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Peress li issa ġie kkonfermat li trid titħallas VAT ta' 18% fuq kull tifel u tifla li jattendu skejjel tas-sajf, jista’ il-Prim Ministru jgħid jekk kull skola jew organizzazzjoni li torganizza dawn l-iskejjel tas-sajf trid tirreġistra bħala tali? Meta tkun mistennija li tagħmel il-ħlas tal-VAT?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skejjel u entitajiet li jorganizzaw skejjel tas-sajf, fejn tkompli tingħata instruzzjoni f’materji li huma normalment mgħallma matul is-sena skolastika u li jifformaw parti mill-kurrikulu nazzjonali, mhux suġġetti għall-ħlas tal-VAT imam jkunu kkunsidrati bħala persuni eżentati mingħajr kreditu.
Iżda, meta persuni jew entitajiet jagħmlu attivatijiet u jagħtu servizzi, bħal per eżempju jieħdu ħsieb tfal biex iderrulhom il-ħin, dawn huma suġġetti għar-rata normali tal-VAT ta’ 18%. Dawn ikunu meħtieġa li jirreġistraw għall-VAT.
F’dan ir-rigward, dalwaqt ser jinħarġu struzzjonijiet lil dawk l-iskejjel u l-individwi biex ikun iċċarat kif għandhom jimxu meta jingħataw dawn it-tip ta’ servizzi matul is-sajf jew f’vaganzi oħra matul is-sena.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Letteratura Ingliża huwiex suġġett obbligatorju fl-iskejjel ta' l-Istat? Kemm kien hemm studenti subien u bniet li qagħdu għall-eżami f'dan is-suġġett fis-SEC f'Mejju li għadda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li il-Letteratura Ingliża huwa suġġett obligatorju fl-iskejjel ta' l-Istat. Dan japplika għall-Junior Lyceums kif ukoll għall-Area Secondaries.
Fil-każ tal-Junior Lyceums l-istudenti jagħmlu l-eżami tal-Letteratura tas-SEC waqt li fil-każ ta' l-Area Secondaries dawn għandhom sillabu differenti fejn is-suġġett tal-letteratura huwa obbligatorju wkoll iżda l-livell tiegħu huwa aċċessibli għall-istudenti ta' dawn l-iskejjel.
Informat ukoll li fil-Forms 1 - 3 tal-Junior Lyceum u fil-Forms 1 - 5 tal-Area Secondary il-Letteratura Ingliża tkun parti integrali mill-lezzjonijiet kif ukoll mill-eżami tal-lingwa Ingliża.
Ninsab informat ukoll li F'Mejju 2004 kien hemm 1137 subien u 1637 bniet li qagħdu għall-eżami fil-Letteratura fil-Livell tas-Sec.