B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6588, jista' il-Ministru jgħid kemm mill-1,337 subien u 1,637 bniet ġejjin mill-iskejjel ta' l-Istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Mejju 2004, l-eżami tal-letteratura Ingliża fil-livell tas-Sec resqu għalih 417 subien u 884 bniet mill-iskejjel ta' l-Istat u 720 subien u 753 bniet mill-iskejjel tal-Knisja, skejjel Indipendenti u kandidati privati.
Tista' il-Ministru tgħid x'għajnuna se tagħti lir-Razzett tal-Ħbiberija għas-sena skolastika li jmiss? Il-Ministru hija nformata li din l-organizzazzjoni għandha diffikultajiet finanzjarji anke minħabba l-fatt li tagħti s-servizzi tagħha b'xejn inkluż lill-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-flus mgħotija lill-NGOs mill-Vot bħala sapport għal dawn l-organizzazzjonijiet jkopru sena kalendarja. Għal din is-sena kalendarja li qegħdin fiha, l-organizazzjoni ndikata mill-Onor. Interpellant ingħatat is-somma ta' Lm5,000.
Din l-allokazzjoni, bħal l-allokazzjonijiet l-oħra kollha mogħtija minn dan il-Vot, issir fuq rakkomandazzjoni ta' Projects Selection Committee maħtur apposta, wara li dan il-kumitat jevalwa t-talbiet mid-diversi organizzazzjonijiet volontarji u fid-dawl tal-flus disponibbli għal dan l-iskop kif ivvutati minn dan il-Parlament.
Kumitat dwar il-kontroll ta' l-abbuż ta' l-alkoħol
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5084 fejn intqal li fil-ministeru hemm kumitat dwar il-kontroll u l-abbuż ta' l-alkoħol, tista' il-Ministru tgħid minn min hu magħmul dan il-kumitat? Sar xi rapport u/jew xi suġġeriment biex, b'mod partikolari, iż-żgħażagħ jiġu protetti mill-abbuż ta' l-alkoħol? Meta se jidħlu miżuri aktar stretti biex jaraw li tfal taħt is-16-il sena ma jitħallewx jidħlu f'bars, nightclubs, eċċ.?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumitat li għamel referenza għalih hu wieħed informali u hu kompost minn persuni ġejjin minn firxa wiesgħa ta' setturi differenti nkluż dawk li b'xi mod għandhom x'jaqsmu mal-konsum ta' l-alkoħol minn minuri. Dawn kienu jinkludu Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, il-Pulizija, nies mill-industrija, għaqdiet ta' ġenituri, kif ukoll minn aġenziji li huma nkarigati mill-kura u l-prevenzjoni mill-abbuż ta' l-alkoħol.
Dan il-kumitat iltaqa' darbtejn u matul dawn il-laqgħat ġew diskussi modi ta' kif l-abbuż mill-alkoħol minn minuri jista' jiġi kkontrollat, speċjalment f'postijiet tad-divertiment. Inizjattiva speċifika kienet li jitwaħħlu f'bars tabelli li javżaw li hu llegali li jinbiegħ alkoħol lil persuni taħt is-sittax-il sena. Kienet ġiet diskussa wkoll il-Bye Law tal-Kunsill Lokali ta' San Giljan, li issa ġiet fis-seħħ, li tipprojbixxi l-konsum ta' alkoħol f'kontenituri tal-ħġieġ fit-toroq. Għalkemm l-għan prinċipali ta' din il-Bye Law kien li jiġu evitati perikli u ncidenti, l-effett sekondarju hu li jonqos ix-xorb alkoħoliku fost il-minuri.
L-imsemmi kumitat mistenni jerġa jiltaqa' fil-ġimgħat li ġejjin biex, fost affarijiet oħra, jħares lejn il-liġijiet eżistenti li għandhom x'jaqsmu max-xiri u konsum ta' l-alkoħol mill-minuri u jindirizza xi anomaliji li jista' jkun hemm.
Irrid ngħid ukoll li l-Kummissjoni Nazzjonali kontra l-Abbuż mid-Droga, Alkoħol u Vizzji oħra ġiet inkarigata biex issegwi x-xogħol ta' dan il-kumitat f'qafas usa tat-tfassil ta' pjan nazzjonali kontra l-abbuż mill-alkoħol. Dan il-pjan qed isir bil-konsulenza u l-fondi pprovduti mill-Unjoni Ewropea.
Żgħażagħ taħt l-eta' — Dħul f'postijiet ta' divertiment
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm żgħażagħ taħt is-16-il sena li nqabdu f'bars, nightclubs u postijiet oħra ta' divertiment mill-1 ta' Ġunju 2004 sal-lum? Kemm kien hemm barranin? F'liema lokalitajiet? X'passi ttieħdu kontra s-sidien ta' dawn il-postijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Ġunju u l-20 ta' Settembru 2004 kien hemm 19-il persuna, waħda minnhom ta' nazzjonalita' barranija, li nqabdu mill-Pulizija f'postijiet ta' divertiment. Qed jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra s-sidien ta' dawn il-postijiet, li jinsabu f'San Ġiljan, il-Fgura u Birżebbuġia.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet is-somma totali li tħallset mill-gvern lill-iskejjel tal-knisja bħala parti mill-ftehim biex jitħallsu l-għalliema, eċċ.? Kemm ħadet kull skola individwalment?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont li se jingħata lil-iskejjel tal-Knisja għal din is-sena skond l-estimi finanzjarji tal-Gvern (kif riveduti) jiġifieri sa' Diċembru 2004, huwa ta' Lm10,900,000.
L-ammont li tiehu kull skola individwalment huwa amministrat mit-taqsima edukazzjoni tal-Knisja skond il-bżonn ta' kull skola, liema ammont jiġi imqassam skond is-sena finanzjarja Jannar-Diċembru, u għalhekk l-ammont li jingħata lil kull skola ikun magħruf kif tagħlaq is-sena finanzjarja li tispiċċa f'Diċembru 2004.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jitħallas lill-iskejjel tal-knisja fis-sena skolastika li jmiss bħala finanzjament mill-Gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont li jgħaddi l-Gvern lil Knisja jiġi mogħti fuq bażi ta' l-estimi tas-sena finanzjarja tal-Gvern, jiġifieri minn Jannar sa Diċembru, u fil-fatt il-Knisja tagħmel it-talba tagħha fuq il-bażi tas-sena normali u mhux fuq bażi ta' sena skolastika. L-ammont għas-sena finanzjarja 2005 jiġi definit fl-Estimi tal-Gvern għal dik is-sena kif jiġu pubblikati aktar tard din is-sena.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel indipendenti li nformaw lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li se jgħollu l-miżati għas-sena skolastika li jmiss? B'kemm għolew il-miżati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li li kien hemm 12 il-skola indipendenti li nfurmaw lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar żieda fil-miżati għas sena skolastika 2004-2005. L-ismijiet ta' l-iskejjel u ż-żidiet fil-miżati ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-iskejjel jiġu mitluba jħallsu rati kummerċjali għat-telephone, anke dawk li jagħmlu użu mill-Easy Line?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li f'każijiet fejn jidħlu l-iskejjel u entijiet oħra, Maltacom plc timxi fuq il-lista maħruġa mid-Dipartiment tal-VAT (Subsidiary Legislation 123.24), li tindika dawk l-entijiet li huma Vat-exempt. Peress li l-iskejjel mhumiex inklużi f'din il-lista, Maltacom titlob li dawn iħallsu rati kummerċjali.
Qrati — Inkjesta maġisterjali dwar il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-inkjesta maġisterjali dwar il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada hux lesta jew le? F'każ li r-risposta hija fil-pożittiv, jista' jippubblika din l-inkjesta?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6915 f'din l-istess Seduta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk instabitx soluzzjoni għal dawk l-istudenti li qed jagħmlu kors fil-Kriminoloġija fl-Universita' ta' Malta sabiex ikomplu dan il-kors li kienu bdew xi snin ilu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors tal-BA Criminology jibda f'Ottubru bħala kors 'part-time' u ta' filgħaxija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet swiet is-sistema tal-Giraff li kienet ġiet mixtrija mill-Maltacom, dak iż-żmien TeleMalta, u li bdiet tintuża f'Ġunju 1995? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm xi tip ta' kuntratt jew xi ħaġa oħra għall-maintenance tas-sistema? Dan kemm kien jiswa? Kemm-il darba ġew mitluba l-kuntratturi Franċiżi sabiex dawn jagħmlu maintenance fuq is-sistema matul dawk is-snin li damet tintuża? Jista' jgħid ukoll min kien għamel in-negozjati f'isem il-Maltacom dak iż-żmien TeleMalta, sabiex inxtrat din is-sistema u x'kien jisimha l-kumpannija li forniet din is-sistema?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-PQ 1130.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tkun lesta l-inkjesta maġisterjali dwar il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada? Jekk din tlestiet, jista' ipoġġiha fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk ir-risposta hi fin-negattiv, jista' jgħid meta din se tkun lesta?
Response (BORG, TONIO)
L-inkjesta li fetħet il-Maġistrat Consuelo Herrera fuq informazzjoni mill-Onor. Carmelo Abela ingħalqet u l-proċess verbal relattiv wasal għand l-Avukat Ġenerali fit-2 ta' Settembru 2004.
L-Avukat Ġenerali qed jeżamina l-konklużjonijiet tiegħu sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok għal proċeduri kriminali jew investigazzjonijiet ulterjuri kif isir is-soltu.
Dwar it-tieni parti tad-domanda, iva r-rapport eventwalment se jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
MEPA — Permess għal tibdil ta' faċċata ta' dar fl-Imdina
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'permessi nħarġu għat-tkissir u tibdil tal-faċċata ta' dar fl-Imdina li l-indirizz tagħha qed jintbagħat separatament? Liema xogħol saret applikazzjoni għalih, minn min saret u meta?
Saru spezzjonijiet fuq il-post biex jiġi żgurat li jek hemm permess, ix-xogħol qed isir kif suppost?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fuq dan is-sit inħarġu tliet permessi, cioe:
PA 2209/03 fis-16 ta' Lulju 2003 għal alterazzjonijiet u estensjoni,
PA 4690/03 fit-12 ta' Dicembru 2003 għal estensjoni żgħira fl-ewwel sular u fil-livell tal-bejt, u
PA 1178/04 fit-12 ta' Lulju 2004 "
to trim hacked surface of masonry blockwork at ground floor level of existing house and replace with old stone cladding to merge with rest of facade in terms of colour, texture and course height, to add stone cladding around door of balcony at first floor level
"
.
Saru diversi spezzjonijiet mis-sezzjoni ta’ l-Infurzar ta’ l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u rriżulta li x-xogħol qiegħed skond dawn il-permessi.
Skejjel ta' l-Istat — Tagħlim tal-lingwa Ingliża lil barranin
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6589 u cioe' jista' jgħid liema huma dawk l-iskejjel ta' l-Istat li se jintużaw minn organizzazzjonijiet biex jiġi mgħallem l-Ingliż lill-barranin f'dan is-sajf? F'kull każ, kemm hu l-ħlas li ntalab u x'kondizzjonijiet oħra jridu jitħarsu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6591 u cioe' peress li qed ikolli diversi lmenti minn ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom fid-diversi skejjel ta' l-istat, privati u tal-knisja, fejn dawn jilmentaw minn ikel u xorb li jevitaw id-dar, iżda li jinbiegħ f'tuck shops u canteens ta' l-iskejjel, jista’ jgħid għaliex minflok linji gwida ma toħroġx ordni biex ċerti ikel, xorb u ħelu ma jkunux jistgħu jinbiegħu? Ma jaħsibx li dan jgħin bil-kbir biex jevita l-obesita' fit-tfal u b'hekk jgħin inaqqas l-ispiża fil-kura?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab infurmat illi l-bejgħ ta' ikel mit-tuck shops fid-diversi skejjel ta' l-istat huwa kkontrollat minn kondizzjonijiet li jinsabu fil-kuntratt ta' l-offerti għall-kiri tat-tuckshops li, fil-maggoranza tagħhom, jinħarġu għall-pubbliku mill-amministrazzjoni ta' l-istess skejjel. Il-linji gwida jelenkaw x'għandu u x'mgħandux jinbiegħ, u l-amministrazzjoni ta' kull skola għandha d-dover li tissorvelja kull bejgħ li jsir. Jekk ikun hemm xi nuqqasijiet min-naħa tal-kuntrattur, għandha tinġibidlu l-attenzjoni u anke jintemmlu l-kuntratt jekk drabi oħra jerġa' jinstab li ma osservax il-kondizzjoniiet tal-kuntratt.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentri 6305, ma jaħsibx il-Minsitru li huwa ferm importanti li jkun hemm regolamenti speċifiċi għat-tmexxija ta' l-iskejjel tas-sajf, speċjalment dawk privati biex jiġi żgurat li t-tfal, ħafna minnhom żgħar, jiġu ndukrati sew?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li huwa tajjeb li jkun regolarizzat kemm jista' jkun kull servizz li jingħata lill-pubbliku u speċjalment lit-tfal, wieħed għandu fl-istess ħin joqgħod attent li ma joħnoqx inizjattivi tal-volontarjat li jsiru matul is-sajf favur it-tfal u ż-żgħażagħ.
Jista' il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-iskejjel li ħassru l-iskejjel tas-sajf tagħhom, anke wara li kienu żammew il-flus u bagħtu l-informazzjoni kollha lill-ġenituri? Jikkonferma li tħassar kollox wara li tħabbar li l-gvern impona 18% VAT fuq l-iskejjel ta' l-istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm l-ebda skola li ħassret il-programm tagħha ta' Skolasajf.
Belt Valletta — Parking space ta' quddiem il-Bank Ċentrali
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-parking space ta' quddiem il-Bank Ċentrali fil-Belt Valletta u li hu riservat għall-persuni b'diżabilita', mhux qed jiġi rispettat minn min ikun fil-parkeġġ?
X'inhi r-raġuni li lanqas l-awtoritajiet konċernati, inkluż il-wardens, mhux qed jieħdu l-passi biex dan ma jkomplix jiġri?
Response (BORG, TONIO)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant lill-Awtoritajiet kompetenti. Sadanittant inħarġet cirkolari mill-Korp tal-Pulizija għal iktar infurzar dwar das-suġġett.
Universita' — Ħlas ta' miżata għad-dħul fl-Universita'
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk Lm10 ħlas ma' l-applikazzjonijiet għad-dħul fl-Universita' għal kull student saritx fuq inizjattiva ta' l-Universita' biss?
Il-Ministru kien informat minn qabel b'dan il-ħlas?
Jista' jgħid ukoll x'kienet ir-raġuni li ddaħlet din il-miżata?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' stqarrija għall-stampa maħruġa mill-Universita'.