Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel — Ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri matul din is-sena skolastika fejn tidħol il-kwestjoni ta' x'ħin jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel u dan mhux biss fid-dawl ta' dak li ġara matul is-sena skolastika l-oħra, iżda anke issa li ċertu skejjel diġa' informaw lill-ġenituri x'ħin se jinfetħu l-bibien ta' l-iskola u minħabba l-fatt ukoll li t-trasport li jeħodhom lejn l-iskola jwassalhom ħafna ħin qabel ma jinfetħu l-bibien ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fit-22 ta' Settembru 2004, intbagħtet ċirkulari OPS 71-2004 lill-iskejjel biex tinfurmhom dwar is-superviżjoni tat-tfal li jużaw it-trasport organizzat mit-Taqsima tat-Trasport għall-iskejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Skond il-ftehim li sar mal-kuntratturi li jipprovdu t-trasport għall-iskejjel kien intlaħaq qbil li "l-kuntrattur jobbliga ruħu li jassikura li l-istudenti jitwasslu l-iskola u lura u ma jinġabrux mill-ewwel post ta' kull vjaġġ iżjed kmieni minn siegħa qabel il-ħin ta' l-iskola li jattendu l-istudenti konċernati, u li jittieħdu lura d-dar sa l-aħħar post ta' kull vjaġġ mhux aktar minn siegħa mill-ħin li fih jintemm il-jum skolastiku ta' l-istudenti konċernati". Kopja taċ-ċirkulari in kwistjoni se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel Sekondarji tal-Gvern — Assistenti Kapijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm assistenti kapijiet fl-iskejjel sekondarji tal-gvern li se jirtiraw sa Ġunju 2005? Jista' jgħid ukoll x'inhi l-policy tad-diviżjoni biex jimtlew dawn il-vakanzi li jinħolqu sa dak iż-żmien?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li sa Ġunju 2005, ser jirtiraw erba' Assistenti Kapijiet fl-Iskejjel Sekondarji (tlett irġiel u mara) meta jagħlqu 61 sena. Fl-istess perjodu 4 assistenti kapijiet fl-iskejjel Sekondarji (tlett irġiel u mara) ser jagħlqu 60 sena. Wieħed mill-irġiel diġa informana li ser jirtira. Informat ukoll li meta assistent kap ta' skola ikun ser jirtira jew bl-eta' jew bil-leave ta' qabel l-irtirar, l-Operations Department tavża lis-sezzjoni tar-reklutaġġ li jieħu ħsieb li ssir rakkommandazzjoni ta' assistent kap ġdid skond minn ikun imissu mill-lista li jkollu ta' l-aħħar intervisti li jkunu saru. Ir-rakkommandazzjoni tintbagħat lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) u l-Management and Personnel Office (MPO) għall-verifika u aċċettazzjoni. Meta tiġi t-tweġiba mill-PSC u l-MPO il-persuna tingħata l-ittra tal-ħatra.

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija — Chairman

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jew le jekk iċ-chairman tal-Malta Council for Science and Technology irriżenjax fil-31 ta' Lulju 2004? Jista' jinforma lill-Kamra jekk din ġietx aċċettata u x'kienu r-raġunijiet tar-riżenja tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Iċ-Chairman tal-MCST, is-Sur Peter Diacono talab lill-Gvern li ma jkomplix fil-kariga tiegħu minħabba impenji ġodda li daħal għalihom fl-industrija fejn jaħdem.

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija

Question

Jista' il-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-budget li għandha għad-dispożizzjoni l-MCST kemm biex topera u kemm biex tipparteċipa fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea f'dawn l-aħħar erba' snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Budget ta' l-MCST hu kif indikat fl-Estimi għas-snin mitluba.

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti kemm Ewropej u kemm nazzjonali li qegħda tmexxi bħalissa l-MCST? X'inhu ż-żmien tagħhom u l-kontribuzzjonijiet mill-MCST għall-parteċipazzjoni u l-ammonti li qegħdin jingħataw lilha?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

MCST

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-MCST użatx is-servizzi ta' barranin għal xogħol li tagħmel? Jekk iva, jista' jagħti rendikont tax-xogħol li sar u l-ispejjeż tagħhom għal dawn l-aħħar erba' snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wassallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Programm għal riċerka, żvilupp u innovazzjoni

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-programm nazzjonali li twaqqaf għal skopijiet ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni ngħata budget ta' Lm300,000? Jista' jgħid kemm intefgħu proposti għal dan il-programm? Jista' jagħti rendikont ta' kemm-il proposta bbenefikat minn dan il-programm?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tweġiba għall-ewwel parti tal-Mistoqsija hija fl-affermattiv kif jidher fl-Estimi għal din is-sena. Informat li hemm 30 applikant għal dan il-programm li qed jiġu evalwati.

Pulizija — Breathalyser tests

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm matul din is-sena saru testijiet tal-breathalyser fuq sewwieqa? Kemm instabu pożittivi? Dawn kollha tressqu l-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena kien hemm 70 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs fuq suspett li kienu qed isuqu taħt l-influwenza ta' l-alkoħol. Minn dawn 36 irriżultaw fil-pożittiv, filwaqt li 34 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. F'kull każ qed jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti.

Eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 6301, jista' il-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-bord tas-sillabu tal-Letteratura Ingliża? Dak il-bord li mistenni jiltaqa' ix-xahar id-dieħel huwa l-istess tas-sena li għaddiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-bord tas-sillabu tal-Letteratura Ingliża fil-Livell tas-Sec kien magħmul mis-Sur George Camilleri u s-Sur John Preca tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, s-Sur Charles Calleja mill-Universita' u s-Sinjorina Antoinette Pace minn skola privata. Informat ukoll li f'Ottubru 2004, il-Bord tal-Matsec ser jistaqsi lill-għalliema tas-suġġett biex jagħtu s-suġġerimenti tagħhom ta' kotba li jixtiequ jaraw fis-sillabu l-ġdid għall-2007. Wara l-Bord jagħżel numru ta' kotba u jitlob l-approvazzjoni tas-Senat ta' l-Universita'.

Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali

Question

Peress li fix-xhur tas-sajf kien hemm diversi ittri fil-ġurnali dwar diversi nuqqasijiet fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq, jista' il-Ministru jgħid min hu responsabbli mit-tmexxija bħalissa? kemm hu stmat li jrid jintnefaq biex isiru t-tiswijiet kollha neċessarji fil-vaska prinċipali? Il-vaska ż-żgħira qed tintuża b'mod regolari? Min hi l-persuna li b'mod dirett hi responsabbli f'isem il-kunsill Malti ta' l-isport?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Isports huwa responsabli għall-faċilitajiet sportivi. Fil-preżent qed isiru testijiet biex jiġi stabbilit x'tiswijiet huma meħtieġa. Stima provizjonali għax-xogħol preliminari tammonta għal Lm10,000. Iż-żewġ vaski qed jintużaw fuq bażi regolari. Is-Sur Sinclair Cassar hu l-persuna responsabli direttament f'isem il-Kunsill Malti għall-Isports.

Birgu — Skola tal-Fortini

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx kap ta' skola fl-iskola tal-Fortini għax jidher li s'issa għadu ma ġiex appuntat kap ġdid? Jista' jgħid meta hu maħsub allura li jkun hemm kap f'din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

L-iskola sekondarja Lorenzo Gafa' (Fortini) għanda kap u tim ta' tmexxija. L-iskola bdiet ix-xogħol tagħha b'mod normali.

Xogħlijiet ta' Restawr — Eżenzjoni mill-VAT

Question

No question text.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li, f’dan il-każ, ir-rwol tal-Ministeru tal-Finanzi kien l-aspett finanzjarju tat-transazzjoni nfisha, jiġifieri, il-finanzjament ta’ l-ispiża relatata.

Xogħlijiet ta' Restawr — Eżenzjoni mill-VAT

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jiġix kkonsidrat li xogħlijiet ta' restawr, b'mod partikolari/anke restawr fi knejjes, jiġi meħlus mill-ħlas tal-VAT anke minħabba l-fatt li dan ix-xogħol isir wara ġbir li jsir minn fost il-poplu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li, f’dan il-każ, ir-rwol tal-Ministeru tal-Finanzi kien l-aspett finanzjarju tat-transazzjoni nfisha, jiġifieri, il-finanzjament ta’ l-ispiża relatata.

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Peress li jidher li d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni hija nkwetata minħabba l-assenteiżmu fis-sena skolastika li għaddiet, jista' il-Ministru jgħid x'se jsir matul din is-sena biex isir sforz ħalli dan jitnaqqas? Kemm fil-fatt kien l-ammont ta' tfal li m'attendewx l-iskola fis-sena skolastika li għaddiet f'kull livell?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni isostnu li anke jekk tifel jew tifla waħda jfallu mill-iskola din hija raġuni biżejjed biex wieħed jinkwieta. Bħalissa qed nieħu passi biex naġġorna l-policy u l-azzjoni f'dan is-settur. Ser inwaqqaf 'School Attendance Improvement Taskforce'. L-objettiv ewlieni ta' dan it-taskforce huwa li janalizza s-sitwazzjoni ta' l-assenteiżmu f'pajjiżna, jipproponi pjan straġetiku u linji ta' gwida konkreti ta' azzjoni għall-iskejjel. Huwa l-ħsieb li dan ix-xogħol ikun lest sa nofs is-sena d-dieħla. Sadanittant ix-xogħol tal-ħaddiema soċjali fl-iskejjel ikompli. Barra minn hekk huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali tas-servizz għall-istudenti fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li jgħinu l-istudenti ta' eta obbligatorja jattendu l-iskola f'aħjar kundizzjonijiet possibli. Kull xahar, l-iskejjel jirrapurtaw dawk l-istudenti kollha li jkunu fallew l-iskola, mingħajr raġuni valida. Is-Sezzjoni ta' Ħidma Soċjali fl-Iskejjel tara li l-istudenti jattendu l-iskejjel regolarment. Minn naħa tagħhom il-ħaddiema soċjali jagħmlu l-interventi neċessarji, skond il-każ li jkun. Dan permezz ta' żjarat fid-djar u fl-iskejjel, laqgħat mal-ġenituri u t-tfal fl-iskejjel u kif ukoll fid-Dipartiment. Dawn l-interventi huma kollha mmirati sabiex: joħolqu iżjed għarfien qalb in-nies, dwar l-importanza tal-edukazzjoni. Il-Ħaddiem Soċjali jkun jista' jara' xi jkun qiegħed ifixkel lill-ġenituri, milli jibgħatu l-uliedhom l-iskola. Il-Ħaddiem Soċjali juża l-mezzi kollha possibli, sabiex jgħin lill-familja issolvi, jew ittaffi, dawn il-problemi. Meta l-ġenituri/studenti ma jikkoperawx, u l-assenteiżmu, mingħajr raġuni valida jkompli, jittieħdu passi fil-konfront tal-ġenituri. Sena Skolastika 2003-2004 Informat li n-numru ta' każijiet ta' studenti li ġew irraportati li fallew anke ġurnat waħda mill-iskejjel tal-Gvern (Malta u Għawdex) hu kif ġej: Skejjel Primarji 2,035 Skejjel Sekondarji 7,076 Liċej 1,363 Għandu joħroġ ċar li l-istatistika kkwotata ma tfissirx li l-istudenti kollha kienu assenti mill-iskola għall-żmien twil. Filwaqt li numru min dawn huma 'habitual absentees', pero l-maġġoranza jkunu tilfu xi ġurnata jew tnejn skola mingħajr raġuni valida u jiġu rrapurtati.

Birżebbugia — Korporazzjoni Enemalta

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-pjan biex jingħalqu l-operazzjonijiet tal-korporazzjoni Enemalta f'Birżebbugia? Min fejn huwa propost li topera?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat illi t-trasferiment tal-"Petroleum Division" ta' B'Bugia għall-post il-ġdid f'Ħas Saptan, għadu fill-fażi inizzjali tiegħu. Għalissa, l-applikazzjoni flimkien mas-'site plans' ġew sottomessi lill-MEPA.

Qrati — Sentenza dwar klinika involuta f'każ ta' DNA

Question

Peress li l-imħallef l-Onor. Ray Pace fit-30 ta' Ġunju f'sentenza li ta fil-Qorti tal-Familja talab lill-pulizija tinvestiga l-operat ta' ċerta klinika fejn l-imħallef qal li ma mxietx b'etika f'każ tad-DNA, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fil-fatt saritx din l-investigazzjoni? X'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Il-każ qed jiġi studjat u jekk ikun hemm lok għal xi proċeduri dawn jittieħdu.

Korp tal-pulizija — Ħatra ta' surġenti maġġuri

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5088, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi progress kien hemm fil-ħatra ta' surġenti maġġuri fil-korp tal-pulizija peress li dan il-proċess ilu jkarkar żmien twil?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5088, għadha tgħodd.

Dipartiment tas-Saħħa — Persuni nfettati bil-Hepatitis C

Question

Jista' il-Ministru jgħid bħalissa kemm hawn nies, nisa u rġiel, li huma effettwati bil-Hepatitis C (HCV)? Dawn huma kollha Maltin? Jista' jgħid ukoll jekk din il-marda tiġix biss mill-użu ta' siringi minn aktar minn persuna waħda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Mill-1996 sa llum kien hemm 14-il każ ta' Epatite Ċ akuta (acute Hepatitis C) nnotifikati lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, kif ġej: Sena Numru ta' Notifiki 1996 2 1997 7 1998 2 1999 2 2000 0 2001 0 2002 1 2003 0 Total 14 Minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalita' u biex nipproteġu lill-individwi, informazzjoni fuq in-nazzjonalita' u s-sess ma tingħatax. Il-mod prinċipali li tiġi trasmessa l-Epatite Ċ huwa mill-użu ta' siringi minn aktar minn persuna waħda. Id-demm kollu li jintuża għat-trasfużjonijiet jiġi ttestjat għall-Epatite Ċ. L-Epatite tista' tiġi trasmessa wkoll waqt is-sess u mill-omm għat-tarbija waqt il-ħlas.