Legislature:
Category:
Reset
Active:

Single mothers — Children's allowance

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhu n-numru ta' ommijiet mhux miżżewġa li bħalissa qed jingħataw xi forma ta' għajnuna? F'din is-sena kemm ingħataw f'children's allowance u benefiċċji oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid — Skola Ġuże' D'Amato

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex minnhom l-ilmenti li wasluli li fl-iskola Ġuże` D’Amato ta’ Raħal Ġdid, l-istudenti qed ikollhom bosta free lessons, tant li x-xogħol li jkollhom għad-dar jilħqu jlestuh l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Iskola konċernata, jirriżulta li mill-bidu tas-sena skolastika kurrenti, kull klassi kellha lezzjoni waħda biss fil-ġimgħa 'free' minn totali ta' 35 lezzjoni. Kien hemm iżda klassi waħda li kellha 'average' ta' żewġ lezzjonijiet 'free' fil-ġimgħa mill-istess total ta' lezzjonijiet. Informat li r-raġuni għal dawn il-'free lessons' hi l-assenza ta' l-għalliema konċernata minħabba raġunijiet ta' mard.

Ħal Kirkop — Ċentru tal-komunita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux fis-seħħ il-pjan tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni li jinbena ċ-Ċentru tal-Komunita` li jiġbor fih ukoll l-Iskola Primarja San Benedettu, Ħal Kirkop, b'sala komunitarja li tlaħħaq ma' l-esiġenzi tal-komunita’?

Response (GALEA, LOUIS)

Skond il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali l-Iskejjel Primarji għandhom funzjoni ta' ċentru ta' tagħlim u kultura fil-komunita'. Ix-xogħolijiet meħtieġa isiru skond prioritajiet. Bħalissa l-FTS qed tagħmel xogħol fuq is-sit f'Ħal Kirkop.

Ħal Kirkop — Ċentru tal-komunita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx sar xi ftehim mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Kirkop fl-1999 sabiex l-istess Kunsill jippreżenta l-pjanti taċ-Ċentru tal-Komunita` ħalli l-Ministeru ta’ l-Edukaazjoni jibni l-binja taċ-Ċentru tal-Komunita` f'Ħal Kirkop għas-spejjeż tal-Ministeru? Jista’ l-Ministeru jgħid jekk ħallasx għall-pjanti u x-xogħol li twettaq mill-periti mqabbda sabiex jiġu fornuti l-pjanti taċ-Ċentru Kommunitarju li kien ġie mwiegħed ġewwa l-iskola f'jum il-premjazzjoni mill-Ministru bħala l-proġett tal-millenju għall-komunita` ta' Ħal Kirkop?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm arranġament bejn l-FTS u l-Kunsilli lokali sabiex xi xogħolijiet isiru mill-FTS u oħrajn isiru mill-Kunsill Lokali. Informat ukoll illi l-FTS u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni applikat għal dawn il-permessi : 1-Application 5472/01 - "Provision for Sports facilities including 5 aside football pitch, dressing rooms and landscaping to existing primary school" - Application - Education Division. 2-Application5660/02 - "To upgrade existing school and community facilities" - Application - FTS. 3-PA2259/03 - "To amend permit PA5472/01 - "To remove change in level, remove running track and shift dressing rooms" - Application - FTS. Informat ukoll li l-FTS ħallset dawn il-pagamenti - MEPA - Lm2,842 : MP&DC - Lm6,000. Bħala parti mill-arranġament li kien sar, parti minn dawn l-ispejjeż ser jitħallsu lura lill-FTS mill-Kunsill Lokali.

Tal-Karwija — Skola Sekondarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskola sekondarja tal-Karwija hix se tiftaħ il-bibien is-sena d-diehla (2005)? Jista’ jgħid ukoll meta se jkun varat il-kumpless sportiv biswit din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li l-FTS qegħda tagħmel minn kollox biex l-iskola l-ġdida fil-Karwija tiftaħ il-bibien tagħha s-sena d-dieħla.

Tal-Karwija — Garaxx

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bodybuilder tal-karozzi tal-linja li bħalissa qiegħed jaqla' l-għajxien tiegħu minn garaxx mibni fuq il-post fejn se jiġi utilizzat bħala car park ta’ l-iskola tal-Karwija, hux se jiġi megħjun biex jingħata post alternattiv?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-FTS qegħda tagħmel dak kollu possibli biex jingħata post alternattiv.

Postijiet ta' divertiment

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fiż-żjarat li saru biex jiġi żgurat li kull post ta’ divertiment huwa attrezzat kif suppost skond il-liġi għal affarijiet bħal ħruġ ta’malajr minħabba ħruq jew inċidenti oħra, liema kienu dawk il-lokalitajiet li nstabu b’nuqqasijiet? Kemm saru żjarat din is-sena? Jeżisti l-poter ta’għeluq tal-post jekk in-nuqqasijiet ikunu serji?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8074.

Injezzjoni kontra l-influwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm–il persuna ħadet l-injezzjoni kontra l-influenza s’issa din is-sena miċ-ċentri tas-saħħa? Kemm kienu persuni anzjani ’l fuq minn 60 sena? Jista’ jagħti dettalji għal kull ċentru separatament? Jinżamm rekord ta’ kemm ingħataw injezzjonijiet privatament minn tobba?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li t-total tat-tilqim kontra l-influwenza li ngħataw miċ-Ċentri tas-Saħħa din is-sena (sat-18 ta' Ottubru) separatament f'Malta u Għawdex huwa kif ġej: Furjana 2229 Mosta 1350 B'Kara 1986 Bormla 705 Raħal Ġdid 1627 Qormi 1206 Rabat 837 Għawdex 1401 Total 11,341 Fl-istess żmien ġew distribwiti 3026 il-tilqima lill-Kunsilli Lokali u 6732 lill-istituzzjonijiet bħal djar tal-anzjani jew sptarijiet, biex jingħataw minnhom direttament lill-anzjani, morda b'ċerti kondizzjonijiet jew lis-staff u b'hekk jiffrankawlhom li jiġu iċ-Ċentri tas-Saħħa. Minn din is-sena bdiet tinġabar informazzjoni aktar dettaljat mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika dwar min qed jieħu t-tilqima, liema informazzjoni, tinkludi kemm mill-persuni imlaqqma kontra l-influwenza huma ta' eta' il fuq minn 60 sena. Din l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura u analiżżata. Ma tinżammx statistika ta kemm jingħataw injezzjonijiet fil-privat.

FTS — Rapporti dwar l-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport dwar l-istat ta’ kull skola li kien qed isir mill-FTS tlestiex jew le? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-FTS għandha rapport dwar il-bżonnijiet ta' immodernizzar fuq kull skola tal-Gvern li jiġbor fih ċertu ammont ta' dettal. Ma jidhirlix li hu l-każ li f'dan l-istadju ir-rapporti jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marsa Sports Ground — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol li qed isir fil-Marsa Sports Ground fejn hemm il-ground li fuqu jsir il-logħob tar-rugby? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol hux ser ikun lest fil-ħin għal logħob internazzjonali tat-tim nazzjonali tar-rugby?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li x-xogħol li kellu jsir minn naħa tal-Kunsill Malti għall-Isports fil-Marsa Sports Ground sar, inkluż iż-żriegħ ta' l-istess grawnd. Informat li l-grawnd ser ikun lest għall-ewwel logħba internazzjonali li ser issir nhar is-Sibt 6 ta' Novembru.

FTS — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema jaħdmu mal-FTS? Min huma u x’inhu x-xogħol li dawn qed jagħmlu? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn hux qed jaħdmu b’kuntratt jew le?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-FTS timpjega fuq bażi ta' kuntratt 19 il-impjegat kif ġej : 4 Periti, Inġinier Elettriku, 3 Draughtsman, Chief Finance Officer, Executive Accountant, Koordinatur tal-Proġetti, Management Consultant, tliet persuni fuq xogħol klerikali / segretarjali, Receptionist, Koordinatur Servizzi Skejjel u Messaġġier / Handyman.

FTS — Membri tal-bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-FTS li jinsabu mmexxija mis-Sur Ray Fenech? Jista’ jgħid ukoll xi kriterji ntużaw għall-għażla tagħhom u x’inhu l-qasam li ġejjin minnu? X’inhuma r-responsabiltajiet tagħhom fi ħdan l-istess fondazzjoni? Kemm qed jitħallsu kull wieħed u waħda minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Bord tal-FTS huwa magħmul minn : Mr.Raymond Fenech - Chairman Ms.Louise Aquilina - Board Member (Ministeru Edukazzjoni) Dr.Peter Fenech - Board Member (Avukat) Mr. Joseph Magro - Vice Chairman (Direttur Edukazzjoni) Mr.Alfred Rizzo - Board Member (Ministeru Finanzi) Ms.Marilyn Sciortino - Board Member (Assistent Direttur Edukazzjoni) Informat li l-membri ta' dan il-Bord huma intitolati Lm100 fix-xahar bħala onorarju. Ir-responsabilitajiet tagħhom huma dawk ta' membri ta' Bord ta' Ente Pubblika kif stabbilit fl-Istatut li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Summer schools

Question

Jista' il-Ministru jgħid min hu r-regolatur tas-summer schools li għandna fil-pajjiż? Jista' jgħid ukoll kemm isiru spezzjonijiet f'dawn is-summer schools, kemm f'dak li għandu x'jaqsam il-kontenut ta' dak li jsir kif ukoll dwar il-premises fejn dawn jinsabu?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li billi l-iskejjel tas-sajf privati għad ma humiex regolati, għadu ma nħatarx regolatur. Madankollu kull binja li tintuża għal skop edukattiv hija regolata mill-MEPA li wkoll għandha l-poter li tinforza dwar l-idonjeta u l-użu ta' kull binja. L-iskejjel ta' l-istat li jipprovdu Skola Sajf huma regolati u sorveljati mid-Dipartiment għas-Servizzi ta' l-Istudent u Relazzjonijiet Internazzjonali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. A.L.60 ta' l-1996 jirregola skejjel li jgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija.

Eżamijiet tal-MATSEC u tas-SEC

Question

Jista’ l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 7354?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar in-numri ta' studenti, bniet u subien, suġġett suġġett, mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, u kandidati privati li qagħdu għar-resits tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola (MATSEC) f'Settembru 2004. It-tabelli 1 u 2 juru r-riżultati tas-Sec tal-bniet u tas-subien rispettivament. Il-gradi 4 u 5 jikkwalifikaw l-istudenti għal studji ogħla fis-suġġetti rispettivi waqt li l-gradi 6 u 7 juru ukoll li l-istudenti għaddew iżda b'livell iktar baxx. Il-grad U jindika li l-istudenti ma laħqux il-livell mistenni. It-tabelli 3 u 4 juru r-riżultati tal-livell avvanzat ta' dawk l-istudenti, bniet u subien rispettivament, li qagħdu għall-eżami bħala parti miċ-Ċertifikat tal-Matrikola. Għaddew dawk kollha li ġabu minn A sa E. Tabelli 5 u 6 juru r-riżultati ta' dawk l-istudenti, bniet u subien rispettivament, li qagħdu għas-suġġetti fil-livell avvanzat separatament miċ-Ċertifikat tal-Matrikola (single subject). Għaddew dawk kollha li ġabu gradi minn A sa E. Tabelli 7 u 8 juru r-riżultati tal-livell intermedju ta' dawk l-istudenti, bniet u subien rispettivament, li qagħdu għall-eżami bħala parti miċ-Ċertifikat tal-Matrikola. Għaddew dawk kollha li ġabu gradi minn A sa E. Fil-każ ta' Tabelli minn 3 sa 8 l-informazzjoni dwar it-tip ta' skola inżammet biex tissalvagwardja l-identita' ta' l-iskejjel partikolari.

Skejjel — Survey dwar it-tipjip u l-alkoħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni xi darba jew oħra għamlitx survey nazzjonali dwar it-tipjip u l-alkohol fost it-tfal ta’ l-iskola? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti d-dettalji u jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista’ jgħid jekk jaqbilx li għandu jiġi organizzat survey biex dawn il-problemi kbar fost l-istudenti jkunu jistgħu jiġu miġġielda b’mod xjentifiku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bħala entita' waħidha, qatt ma għamlet survey nazzjonali dwar it-tipjip u l-alkohol fost it-tfal ta' l-iskola. Madankollu, id-Diviżjoni ħadet sehem f'Pilot Project li sar mill-ESPAD (European School Survey Project on Alcohol and other Drugs) F'kollaborazzjoni mal-Kunsill ta' l-Guidance Teachers mill-Guidance and Counselling Services tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u fl-istess survey ħadu sehem l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti. L-ewwel survey, li kien Pilot Project sar fl-1995 u n-National Report kien ippublikat fl-1997. Wara dan ġie deċiż li dan is-survey jibda jsir kull erba' snin. It-tieni survey sar fl-1999, u 'The 1999 Espad Report Alcohol and other Drug Use Among Students in 30 European Countries' sar fl-1999. Ir-Rapport ġie ppubblikat fi Stockholm f'Diċembru 2000. It-Tielet survey sar f'Jannar 2003 f'Malta, (u aktar tard f'postijiet oħra fl-Ewropa). Ir-riżultati ta' dan is-survey wasal biex jiġi ppubblikat. F'dawn is-surveys, fil-questionnaire hemm mistoqsijiet dwar drogi, tipjip u alcohol. Studju mniedi mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u nwettaq mill-Health Promotion Department flimkien mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni (ħadu sehem School Counsellors, Guidance Teachers u P.S.D Teachers) sar f'Malta fis-sena 2000, bħala Pilot Project. Is-Survey kien jismu 'Imġieba għall-Ħajja Aktar f'Saħħitha fi Tfal ta' l-iskola'. F'dan is-survey hemm mistoqsijiet dwar it-tipjip, alcohol u drogi. Survey ieħor sar fl-2002 u kien imsejjaħ 'Health Behaviour in School-Aged children.' Is-Survey sar kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Fost il-mistoqsijiet kien hemm dawk dwar it-tipjip, alcohol u droga. Informat ukoll li qegħdin isiru surveys minn organizzazjonijiet kompetenti f'dawn is-suġġetti.

Pulizija — Rapporti dwar persuna Niġerjana

Question

Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid jekk sarx jaf b’rapporti f’gazzetti Ingliżi li jgħidu li Niġerjan Anthony Ibafuna weħel il-ħabs fl-Ingilterra talli daħal fil-pajjiż minn Malta b’passaport falz li seraq mingħand sieħbu Ferdinand Nove waqt li kien f’pajjiżna? Jaf li l-Imhallef Ingliż kien sorpriż li tħalla jitlaq minn Malta għax ir-ritratt fuq il-passport ma kien jaqbel xejn? Jista’ jgħid il-Ministru jekk il-pulizija Ingliża nfurmatx lill-pulizija Maltija dwar dan il-każ? Saret xi inkjesta hawn dwar kif din il-persuna tħalliet titlaq minn Malta b’passaport falz li skond l-Imħallef Ingliż kellu ritratt li ma kien jaqbel xejn ma’ dak ta’ Ibafuna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija Maltija ma kellha ebda tagħrif mill-Pulizija Ingliża dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.

Postijiet ta' divertiment

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid x’jgħidu r-regolamenti dwar in-numru ta’nies li jitħallew jidħlu f’night clubs? Peress li kelli ilmenti minn xi żgħażagħ li ħafna drabi tant ikun hemm nies f’ċerti night clubs f’Paceville li jkunu ppakkjati bin-nies, jista’ jgħid jekk il-pulizija jagħtux daqqa t’għajn biex jaraw li dawn il-liġijiet qed jiġu osservati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond ir-regolament numru 12 tar-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment, għandu jiġi stipulat fuq il-permess jew il-liċenzja li jkunu jawtorizzaw li jsir xi party jew disco f'xi lokalita' ta' divertiment, l-akbar numru ta' persuni li jistgħu jiddaħħlu f'dik il-lokalita' ta' divertiment. Meta n-numru ta' persuni f'xi lokalita' ta' divertiment ikun jeċċedi l-akbar numru stipulat fil-permess jew liċenzja relattivi, il-proprjetarju u s-sid jew l-amministratur ta' dik il-lokalita' ta' divertiment ikunu ħatja ta' reat u jistgħu jeħlu l-istess pieni bħal dawk stipulati fis-sub-regolament (4) tar-regolament 6 ta' dawn ir-Regolamenti. Infurmat ukoll li l-Pulizija ser tkompli tagħmel spezzjonijiet f'postijiet ta' divertiment għal xi ksur tar-regolamenti.

Postijiet ta' divertiment

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid kull meta jsiru spezzjonijiet f’night clubs u postijiet oħra ta’divertiment biex jiġi żgurat li kull ħaġa tkun kif suppost jekk jinqala’ xi każ ta’ ħruq jew inċident serju ieħor f’dawn il-lokalitajiet? Minn min isiru? Isir rapport uffiċjali? Din is-sena kien hemm postijiet fejn instabu xi nuqqsijiet? Saru t-tibiliet neċessarji?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-liċenzji għal postijiet ta' divertiment m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija, iżda mill-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu. Madankollu, ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet f'postijiet ta' divertiment għal xi ksur tar-regolamenti. Jekk waqt dawn l-ispezzjonijiet ikun osservat li hemm xi ħaġa li tista' tkun ta' periklu f'każ ta' ħruq, isir rapport lill-Aworita' Regolatorja mill-liċenzja ta' dak l-istabbiliment. Inżid ngħid illi l-Gvern, bis-saħħa tar-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment, kien waqqaf il-Health and Safety Monitoring Board. Dan il-Bord jaqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali; u għalhekk ġentilment nitolbu biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Sigurta' Soċjali — Children's allowance

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm tħallas s'issa matul din is-sena f'children's allowance? Kemm-il familja qed tibbenefika? Kemm hu maħsub li se tkun is-somma totali li se titħallas f'din is-sena finanzjarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.