Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel ta' l-Istat — Għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'din is-sena skolastika kemm hemm għalliema ta’ l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel ta’ l-Istat? Kemm minnhom iridu jattendu aktar minn skola waħda? Kemm f' kull każ huma għalliema rġiel u kemm nisa?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li f'din is-sena skolastika (2004/2005) hemm erbgħa u disgħin (94) għalliem ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel ta' l-Istat. Hemm żewġ (2) għalliema li iridu jattendu aktar minn skola waħda. Informat ukoll li hemm tnejn u ħamsin (52) rġiel u wieħed u erbgħin (41) għalliema nisa.

Għawdex — Impjant għat-Trattament tad-Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid min kienu l-kumpanniji li applikaw għall-bini ta' l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex? X'kien il-valur ta' kull offerta? Fiex wasal il-proċess ta' l-aġġudikazzjoni u meta hu previst li se jinbeda x-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li billi din kienet talba għall-offerti maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti d-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant ġew pubblikati minn dak id-Dipartiment (u murija wkoll fin-notice board ta' l-istess dipartiment). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Dwar il-proċess ta' aġġudikazzjoni ninsab infurmat li dan huwa fi stadju avvanzat ħafna u x-xogħol mistenni jinbeda għall-ħabta ta' April 2005.

MCST

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tiegħu għall-MCST? Jista' jgħid ukoll għal xiex huwa dovut id-dewmien fil-ħatra taċ-chairman ta' l-istess kunsill?

Response (GALEA, LOUIS)

Fil-fatt qed nitlob lill-Kabinett permezz ta' Memorandum gwida dwar ristrutturazzjoni tal-MCST bl-iskop li xjenza, teknoloġija, żvilupp u innovazzjoni jintisġu aħjar fil-politika u l-istrateġija tal-Gvern fid-diversi oqsma. Is-suġġett mistenni jiġi diskuss fi żmien qasir skond id-deċiżjoni li jieħu l-Gvern isegwu l-azzjonijiet meħtieġa.
Leg 10 PQ #8221 Sitting 184 2004-11-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Villa Rumana

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-armar li qed igħatti l-faċċata tal-Villa Rumana għadu ma tneħħiex, minkejja li x-xogħol tal-faċċata ilu lest? Jista' jgħid ukoll mingħand min hu mikri dan l-armar u kemm qed jiġi mħallas ta' kuljum? Japprezza l-Ministru li dan l-armar qed iżomm lit-turisti li jkunu fl-inħawi milli jgawdu l-faċċata sabiħa ta' l-istess villa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-armar li qed jgħatti l-faċċata tar-Roman Domus qiegħed jinżamm fil-post għal diversi raġunijiet, fosthom: 1 Ix-xogħol li jinvolvi il-faċċata għadu ma tlestix. Dalwaqt trid tiġi mmuntata rampa speċjali għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Irid ukoll isir xogħol ta' elettriku fil-ġnien li jinsab quddiem il-faċċata. Hemm ukoll xogħol fuq il-bieb prinċipali li jrid jitlesta meta jiġi nstallat il-bieb tal-ħġieġ awtomatiku ix-xagħar id-dieħel. Għad fadal ukoll xogħol ta' landscaping li jrid jibda wara x-xogħol imsemmi qabel. Għaldaqstant għal fini ta' sigurta` u saħħa l-armar qed jinżamm fil-post. 2. Għalkemm ix-xogħol ta' restawr u tindif (delikat ħafna) fuq il-faċċata u l-pilastri storiċi, flimkien-mal ħadid tal-perimetru tlesta fis-sajf, l-armar tal-injam inżamm bħala protezzjoni mid-dħaħen tal-vetturi (coaches) li qegħdin, abużivament, jieqfu għal ħinijiet twal waqt li t-turisti jmorru l-Imdina. Peress li ħafna mill-ħsara li kien hemm fuq il-pilastri ta' barra kienet ikkawżata mid-dħaħen ta' vetturi (speċjalment dak min distanza viċina) u għad hemm il-periklu li dawn il-pilastri jiġu milquta meta dawn il-vetturi jrossu magħhom (għax joqodu wiċċhom il-barra) inħass li sakemm tkun riżolta l-kwestjoni ta' fejn dawn il-vetturi sejrin jibdew jieqfu, l-armar jibqa' fil-post. L-armar qiegħed mikri mingħand Scaffolding Services bir-rata ta' Lm 2.14 (excl. VAT) kuljum. L-armar jiġi mneħħi meta x-xogħolijiet jjispiċċaw u ma jkunx hemm aktar periklu għal min jersaq lejn il-perimetrtu. Fil-preżent, anke jekk l-armar jitneħħa, il-faċċata xorta qiegħdha tkun mgħottija mil-vetturi.

Skola primarja Ġużeppi Agius — Bomb scare

Question

Jikkonferma l-Ministru li nhar it-Tlieta 19 ta' Ottubru 2004 fl-iskola primarja 'A' Ġużeppi Agius kien hemm xi bomb scare? Jekk iva, x'passi ttieħdu? Jista' jgħid jekk din kenitx l-ewwel darba jew le?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fit-18 ta' Ottubru 2004 il-Puluzija irċeviet rapport li kien hemm bomba fl-iskola Primarja A ta' Raħal Ġdid. Meta jkun hemm rapporti bħal dawn hemm proċedura stabbilita' li kull skola għandha ssegwi u fil-fatt hekk sar. Il-pulizija u l-bomb disposal unit ta' l-Armata marru l-iskola u fittxew kullimkien iżda ma nstab xejn. Informat ukoll li din kienet l-ewwel darba li kien hemm rapport ta' bomba f'din l-iskola.

Skola San Franġisk t'Assisi

Question

Minħabba li kelli xi ilmenti dwar nuqqas ta' indafa fl-iskola San Franġisk t'Assisi, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx persuni biżżejjed sabiex jagħmlu x-xogħol ta' tindif meħtieġ f'din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola 'San Franġisk D'Assisi' żdied in-numru ta' purtinara u issa hemm full-complement.

Drama Unit — Impjegat

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm jitħallas is-Sur Mario Azzopardi u x’inhu x-xogħol tiegħu fi ħdan id-drama unit, kemm filgħodu kif ukoll filgħaxija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Sur Mario Azzopardi huwa fi grad ta' Għalliem u huwa wkoll il-Kap tal-Mikelang Borġ Drama Centre (skola ta' filgħaxija) u jitħallas bir-rata ta' għalliem fl-evening classes, jiġifieri madwar Lm225 fix-xahar (approx. 45 hrs X Lm5).

Skejjel — Santa Venera

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’ġara nhar l-Erbgħa 13 ta’ Ottubru 2004 għall-ħabta ta’ nofs inhar fl-iskejjel Dun Vincenz Buġeja, Patri Manwel Gatt u Dun Xand Cortis ġewwa Santa Venera? X’kienet ir-raġuni li l-istudenti nħarġu barra mill-iskejjel imsemmija? Jista’ jgħid ukoll jekk wara li sar it-tiftix neċessarju nstabitx xi ħaġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm tgħeddida ta' bomba li wara li ttieħdu l-prekawzjonijet kollha u saru l-verifiki meħtieġa, irriżulta li ma kienx veru.

Skola Vincenzo Borg Brared — Naxxar - Dawl

Question

Jista’ il-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex id-dawl li ma jinxtgħelx fil-btieħi ta’ l-iskola Vincenzo Borg Brared fin-Naxxar, jiġi rranġat, minkejja li ilhom li rrapportaw dwar din is-sitwazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li l-FTS ma għandha l-ebda talba għal dan ix-xogħol. Tlabt li l-ilment jiġi konsidrat.

MCAST — Stipendji

Question

Jista’ il-Ministru jgħid min mill-istudenti ta’ l-MCAST jikkwalifika għall-i Smart Card ? Jista’ jgħid jekk l-istipendju li jieħdu huwiex l-istess bħal dak ta’ l-istudenti universitarji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti kollha li qed jattendu korsijiet fl-MCAST fuq bażi full-time u li jikkwalifikaw skond l-Avviż Legali 169 tal-1999 huma intitolati għall-Għotja ta' Manteniment. Hemm differenza bejn l-għotja ta' manteniment li jieħdu l-istudenti fis-settur Post Sekondarju, inkluż l-MCAST, u dak li jieħdu l-istudenti ta' l-Universita'. L-Avviż Legali msemmi jagħti d-dettalji kollha.

Skema tat-TAS — Kundizzjonijiet ta' l-Istudenti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhuma l-kondizzjonijiet ta’ l-istudenti li qegħdin fl-iskema TAS, jew xi skema oħra simili li titħaddem bejn l-MCAST u l-ETC? Xi ħlas jieħdu dawn l-istudenti? Huma intitolati għall-iSmart Card?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kundizzjonijiet tal-iskemi ta' TAS (Technician Apprenticeship Scheme) u l-ESTS (Extended Skill Training Scheme) ġew stabbiliti b'Avviżi Legali numru 82 ta' l-1990 u 73 ta' l-1998. L-avviż Legali jagħti d-dettalji kollha. Rigward il-ħlas li dawn l-apprendisti jirċievu nagħmel referenza għal kontenut ta' l-Avviż Legali 108 u 109 ta' l-2003. L-Avviż Legali msemmi jagħti d-dettalji kollha. Informat li l-apprendisti huma intitolati għall-Smart Card fl-ewwel sena tal-kors tagħhom.

Każ ta' Għajnuna Supplimentari

Question

Tista’ il-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ma tikkwalifikax għall-għajnuna supplimentari (Lm28)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Tal-Karwija — Skola sekondarja - wirt storiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada qed tħares il-wirt storiku bħall-Imtalli u x-shelters fil-konfini ta’ l-Iskola Sekondarja tal-Karwija? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx xi ħsara fuq dawn is-siti storiċi, min kien responsabbli u kif se jkun imħares il-wirt kemm waqt ix-xogħol li hu għaddej mill-ħaddiema u xi pjan hemm sabiex jitħares fil-ġejjieni meta l-iskola tkun miftuħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Fil-kustruzzjoni ta' l-iskola l-ġdida fil-Karwija qed tingħata l-ogħla konsiderazzjoni tal-wirt storiku taħt is-superviżjoni tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Malti.

Tal-Karwija — Skola sekondarja - siti storiċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid, wara li rappreżentanti tal-Gvern, li mexxew il-laqgħa konsultattiva fil-preżenza tal-Ministru u fil-preżenza tas-sindku tal-lokalita`, tennew u stqarrew fil-laqgħa konsultattiva mal-publiku illi l-FTS kellha tissalvagwardja s-siti storiċi u arkeoloġiċi fl-inħawi ta’ l-iskola tal-Karwija u tieħu ħsieb ir-rikostruzzjoni tat-toroq fil-konfini li jmissu ma’ l-iskola sabiex jingħata kontribut għall-ħsarat li ġarrbu t-toroq waqt il-kostruzzjoni ta’ l-iskola? Jekk hu hekk, x'qiegħed iżomm lill-FTS milli tirrestawra dawn is-siti qabel jiġġarrfu?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar il-wirt storiku nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija numru 8087. Dwar it-toroq pubbliċi li jikkonfinaw is-sit ta' l-iskola l-ġdida ma jirriżultalix li din hi responsabbilita' ta' l-FTS jew li sar xi ħsarat f'dawn it-toroq.

Tal-Karwija — Skola sekondarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-bini ta’ l-iskola sekondarja hu msemmi bħala tal-Karwija meta l-Karwija tinsab ħdejn il-mitjar tal-Gudja? Jikkonsidra li meta wieħed isemmi l-Karwija jista’ jkun qiegħed jurta l-intelliġenza tar-residenti ta' Ħal Kirkop, kif ukoll fost l-oħrajn kittieba li għamlu r-riċerka fuq l-istorja tal-lokalita`?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-permess tal-MEPA numru PA 02470/00 inħareġ għal bini ta' skola fuq is-sit Triq San Raffaele Caruana, Kirkop. Ninsab informat ukoll li għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni dwar l-isem ta' din l-iskola.

Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb — Membri

Question

Jista’ il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kunsill nazzjonali tal-ktieb? Jista’ jgħid kemm-il darba jiltaqa’ dan il-kunsill u x’ħidma jwettaq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb hu kompost minn dawn il-membri : Chairman -Is-Sur Philip Borġ Segretarju -Is-Sur Joe Debattista Membri -Is-Sur Victor Fenech -Is-Sur Trevor Zahra -Is-Sur Anthony Mangion -Is-Sur Louis Scerri -Is-Sinjura Priscilla Camilleri -Is-Sur Paul Mizzi -Is-Sur George Borġ -Is-Sinjura Marlene Mifsud Chircop -Is-Sinjura Tessa Balucci -Is-Sinjorina Catherine Vella Informat li dan il-Kunsill iltaqa' 11-il darba fil-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2003 u l-lum. Informat ukoll li l-Kunsill tal-Ktieb iwettaq ħidma li timxi fuq it-termini ta' referenza mogħtija lilu. Kopja tagħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fiera tal-Ktieb

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex informat fuq id-diżgwid li nqala’ dan l-aħħar dwar l-organizzazzjoni tal-fiera tal-ktieb li se ssir f’Novembru li ġej bejn il-11 u l-14 tax-xahar? Jista’ jgħid ukoll x’jaħseb fuq din is-sitwazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru tiegħi kien informat kontinwament b'dak li kien qed iseħħ u fil-laqgħat li saru biex l-organizzaturi u l-parteċipanti ftiehmu dwar il-punti kollha, uffiċjal għoli tal-Ministeru kien preżenti bħala osservatur u li ta kontribut ta' siwi għas-soluzzjonijiet meħtieġa. Informat ukoll li l-Fiera tal-Ktieb 2004 ser tkun Fiera mimlija b'attivitajiet edukattivi organizzati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u b'attivita' marbuta mad-dinja tal-ktieb bis-sehem sħiħ ta' pubblikaturi, distributuri u bejjiegħa tal-kotba.

Fiera tal-Ktieb

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm tiġi tqum l-organizzazzjoni tal-fiera tal-ktieb u x’inhu s-sehem tal-gvern f’dan ir-rigward?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ispejjeż involuti fl-organizzazzjoni tal-Fiera tal-Ktieb ivarjaw minn sena għall-oħra minħabba diversi fatturi. L-ispejjeż totali huma: Sena Spiża Totali ta' l-Organizzazzjoni Għotja mill-Gvern 2001 Lm20,389.01 Lm8,000 2002 Lm18,456.40 Lm8,000 2003 Lm20,801.80 Lm10,000 Informat ukoll li l-għotja tal-Gvern b'risq il-Fiera tal-Ktieb tikber aktar jekk jitqies il-ħin iddedikat għall-organizzazzjoni tal-Fiera min-numru ta' impjegati tal-Gvern li jieħdu ħsieb l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Fiera.