Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7858 u cioe' jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' vetturi u mobile phonesużati minn staff impjegat kemm fis-segretarjat privat tal-ministru kif ukoll mad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni separatament? Kemm mill-vetturi huma mikrija u b'liema prezz? Min jużahom? Jista' jgħid ukoll kemm hu stmat li jiswew il-kirjiet tal-vetturi matul din is-sena finanzjarja?
Rigward il-mobile phones, min huwa ntitolat biex jużahom u kemm hu stmat li jiswew il-kontijiet tagħhom matul din is-sena finanzjarja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' mobile phones użati mill-istaff tas-Segretarjat Privat fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol hu tlieta (3). Dwar stima ta' kontijiet, din hija diffiċli li ssir b'mod vijjabbli peress li l-użu ta' mobile phones isir skond in-neċessita' u ċ-ċirkostanzi tal-mument fid-diversi pożizzjonijiet ta' min ikun intitolat għalihom. Informat ukoll li l-Ministeru tiegħi xorta waħda jissorvelja kif meħtieġ dwar il-massimu ta' Lm350 fis-sena għal kull mobile phone, skond kif indikat fiċ-ċirkulari Numru 4/2002 ta' 1 ta' Frar, 2002, tal-Ministeru tal-Finanzi. Dawk intitolati li jużaw il-mobile phone huma; Il-Kap tas-Segretarjat Privat - Is-sur Charlo' Bonniċi, is-Segretarju Privat - is-Sur Pierre Cauchi u il-Kordinatur tal-Komunikazzjoni - is-Sur Claude Sciberras.
Informat ukoll li n-numru ta' vetturi fis-segretarjat privat huwa għaxra (10). Disgħa (9) minn dawn huma mikrija. Waħda minn dawn li tintuża mill-Ministru bi prezz ta' Lm17.70 kuljum, tnejn (2) għal użu tas-segretarju privat u assistent privat, bi prezz ta' Lm8.26 kuljum kull waħda u sitta (6) għal użu ġenerali fis-segretarjat għal prezz ta' Lm7.08 kuljum kull waħda, bl-eċċezzjoni ta' vettura waħda, li tinkera bi prezz ta' Lm4.36 kuljum. L-ispiża għall-kirjiet ta' vetturi fis-segretarjat privat għal din is-sena finanzjarja hija stmata li tammonta għal Lm27,100.
Jista' il-Ministru jgħid meta daħal is-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex? X'kienu r-raġunijiet li wasslu għan dan is-servizz bl-ajru? Jista' jgħid kemm kien il-qliegħ jew it-telf għal kull sena, sena b'sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li s-servizz bil-helicopter bejn Malta u Għawdex beda f'Lulju tal-1990 u kien jopera biss matul x-xhur ta' Lulju, Awwissu u Settembru. Ir-riżultati finanzjarji għas-snin 1990/1 sa 1992/3 kienu amalgamati ma' dawk ta' l-Air Malta.
Ta' min jgħid li l-kumpannija li kienet topera dan is-servizz għamlet telf totali, ta' Lm1,482,138 kif ġej:
1993/4 Lm(22,410)
1994/5 Lm5143
1995/6 Lm(25,280)
1996/7 Lm(106,583)
1997/8 Lm(183,044)
1998/9 Lm(184,855)
1990/0 Lm(234,242)
2000/1 Lm(160,426)
2001/2 Lm(173,137) - sittax-il xahar
2002/3 Lm(195,985)
2003/4 Lm(201,319)
Figuri fil-parentesi jfissru telf.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8025, jista' il-Ministru jgħid x'inhuma s-suġġetti tal-48 educational officer fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Jista' jgħid ukoll kemm hemm vakanzi u f'liema suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li b'kollox hemm 74 post li 26 minnhom huma vakanti. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-postijiet kollha li hemm ta' l-Educational Officers, inklużi dawk vakanti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tinżammx statistika ta' postijiet/proprjeta' mibjugħa lill-barranin? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid matul din is-sena, xahar b'xahar, kemm kien hemm proprjeta' li nxtrat minn barranin? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' huma u kemm hu l-valur ta' dawn il-postijiet, xahar b'xahar?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġett tal-Mistoqsija jirrigwardja l-Capital Transfer Department, u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-btajjel ta' l-iskola, speċjalment dawk tas-sajf, jitnaqqsu minn kif inhuma llum? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid xi studju qed isir u minn min?
Response (GALEA, LOUIS)
M'hemm l-ebda ħsieb li jitnaqqsu l-btajjel ta' l-iskola, inkluż dawk tas-sajf.
Jikkonferma l-Ministru li hemm ilmenti li l-biljetti ta’ l-ajru maqtugħa għal titjiriet ta’ l-Air Malta huma ogħla minn dawk ta' kumpanniji oħra ta’ l-ajru? Jikkonferma li biljett ma’ l-Air Malta dirett minn Malta għal Dusseldorf fil-Ġermanja jiswa madwar Euro150 aktar minn biljett għall-istess destinazzjoni iżda via Ruma l-ewwel b'titjira ta’ l-Air Malta u minn Ruma bl-Alitalia? Għaliex?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-"pricing" tal-biljetti tal-ajru hi kwistjoni purament kummerċjali u ma jidhirlix li għandi nidħol fiha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7459, jista' il-Ministru jgħid kif intqal li hemm 30 applikant meta fil-ġurnali kien rapportat li hemm madwar 100?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ħamsa u tmenin (85) proposta ġew mitfugħa fl-ewwel sejħa għall-Proposti. Jirriżulta li r-rapport dwar 30 applikazzjoni huwa żbaljat. Informat ukoll li l-proċess għadu għaddej.
Wara numru ta' ġimgħat li ġew introdotti l-bus lanes f'numru ta' toroq arterjali, jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-analiżi tiegħu u ta' l-esperti dwar l-andament tat-traffiku?
Jista' jgħid ukoll jekk jirriżultax li qed jiżdied in-numru ta' nies li qed jużaw it-trasport pubbliku?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Wara li sar l-ewwel rapport preliminari rigward il-bus lane tal-Marsa, sar ukoll it-tieni fażi ta' monitoringbir-riżultat anness, li qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Bħal issa l-Awtorita' Dwar it-Trasport ta' Malta qiegħda fil-proċessa li taghmel is-surveys tal-bus laneta' l-Imrieħel.
Mhuwiex fin-norma li jkun hemm żieda fil-patrunaġġ tat-trasport pubbliku i żmien qasir. Dan jieħu żmien aktar fit-tul sabiex id-drawwiet tal-poplu jibdew jinbiddlu. L-Awtorita' Dwar it-Trasport ta' Malta ser tanaliżża l-bejgħ ta' biljetti tar-rotot tal-linja li jgħaddu miż-żona tal-Marsa u tħejji rapport fejn jiġu mqabbla dawn il-figuri tar-riżultat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk li applikaw biex jgħallmu l-PSD? Kemm daħlu s'issa? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jidħlu aktar għalliema għal dan is-suġġett? Jekk fl-affermattiv, kemm u meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 40 kandidat li applikaw biex jgħallmu l-PSD, 8 minnhom kienu ineliġibbli. It-32 l-oħra ġew intervistati u għaddew kollha.
Jista' il-Prim Ministru jelenka dawk l-għaqdiet sportivi li huma eżentati mill-ħlas tat-taxxa tad-dħul? Minn liema sena ngħatat din l-eżenzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-għaqdiet sportivi huma eżenti mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul permezz ta’ l-artikolu 12(1)(o) ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income (Kap 123). Dan ilu japplika mis-sena ta’ stima 1998.
Għaldaqstant id-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma għandux għalfejn iżomm lista ta’ dawn l-għaqdiet.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm daħħal il-Gvern s'issa f'din is-sena finanzjarja mill-VAT fuq l-għaqdiet sportivi? Kemm hemm għaqdiet u liema huma li suppost ħallsu l-VAT din is-sena u diġa' skadielhom iż-żmien meta kellhom jagħmlu dan? X'kienu l-ammonti f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-15 ta’ Lulju ta’ din is-sena, id-Dipartiment tal-Value Added Tax daħħal Lm41,077 mingħand Għaqdiet Sporitivi.
In-numru ta’ għaqdiet li suppost ħallsu l-Value Added Tax din is-sena u diġà skadielhom iż-żmien huwa 21, li 9 minn dawn bagħtu l-formola tal-Value Added Tax u għandhom bilanċ ta’ Lm11,205.78. Filwaqt, li 12 oħra kellhom jibagħtu l-formola u baqgħu ma bagħtuhiex, lil dawn ħarġitilhom stima li tammonta għal Lm9,523.
Il-provvediment tal-konfidenzjalità li hemm fil-liġi tal-Value Added Tax iżżommni milli nagħti l-ismijiet ta’ dawk l-għaqdiet konċernati kif mitluba fid-domanda.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm u liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li għandhom jagħtu ħlasijiet fuq id-dħul u dan għadu ma tħallasx mill-2000 'l hawn sena b'sena? X'inhu l-ammont f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari Numru 8241.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm għaqdiet sportivi u liema huma li għad għandhom iħallsu l-VAT għas-snin 2000 sa l-2003 sena b'sena u kemm kienet is-somma f' kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2000 kien hemm 3 għaqdiet sportivi li kien għad għandhom iħallsu l-Value Added Tax, filwaqt li fl-2001 kien hemm 4, fl-2002 kien hemm 9 u fl-2003 kien hemm 17.
Is-somma f’kull sena kienet ta’ Lm1,651.32, Lm1,858.77, Lm2,770.15 u Lm10,258.58 rispettivament.
Il-provvediment tal-konfidenzjalità fil-liġi tal-Value Added Tax iżżommni milli nsemmi l-ismijiet ta’ dawk l-għaqdiet konċernati mitluba fid-domanda.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta' studenti li qed jattendu l-Universita' ta' Malta? Jista' il-Ministru jgħid kif huma mqassma fil-korsijiet diversi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li qed jattendu l-Universita' ta' Malta hu 8919. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-korsijiet.
Jista' il-Ministru jgħid jekk teżistix struttura biex studenti prospettivi ta' l-Universita' jingħataw pariri dwar liema kors ikun adattat għalihom? Jekk iva, kif taħdem is-sistema? Jekk le, wasal iż-żmien li tiġi introdotta?
Response (GALEA, LOUIS)
Fl-Universita’, jeżisti Unit ta’ l-iStudents Advisory Services fi ħdan l-Uffiċju tar-Reġistratur li xogħolu huwa proprju li jaħdem sabiex studenti prospettivi ta' l-Universita’ jingħataw informazzjoni u pariri sabiex dawn ikunu f’pożizzjoni aħjar li jagħzlu liema kors ikun l-aktar addattat għalihom.
Ħidma li min-natura tagħha titqassam f’diversi inizzjattivi fosthom:
· Tingħata għajnuna personali lil studenti prospettivi li jagħzlu li jiġu f’dan l-uffiċċju sabiex jiġu mogħtija informazzjoni u għajnuna għall- għażla tagħhom.
· L-iStudents Advisory Servicesiżur l-iskejjel post sekondarji li jkunu jixtiequ jlaqqgħu l-istudenti biex jingħataw l-ewwel informazzjoni, jistaqsu xi mistoqsijiet filwaqt li jsiru konxji mis-servizzi offruti f’każ li jkunu jixtiequ jagħmlu użu minnhom.
· F’kollaborazzjoni mal-Guidance and Counselling Unit tad-Dipartiment ta l-Edukazzjoni qed jiġu organizzati laqgħat għall-istudenti tal- ħames sena tas-sekondarja. Dawn jigu milqugħa fl-Universita’ stess fejn jingħataw ċans jorjentaw ruħhom għal din ir-realta’ filwaqt li jingħataw spjega tat-triq li jridu jimxu mis-sekondarja lejn l-Universita’ u l-punti importanti li jridu jżommu f’moħhom sabiex dan il-proċess iseħħ bl-aħjar mod.
· B’mod kontinwu tinġabar u tiġi addattata l-informazzjoni dwar kull kors li tkun qegħda toffri jew ser toffri l-Universita’. L-informazzjoni tkun tinkludi
o tagħrif dwar l-istitut/fakulta li joffri il-kors;
o il-professjoni li jwasslek għaliha l-kors jekk hu l-każ;
o l-oġġettivi tal-kors;
o ir-rekwiżiti mitluba biex wieħed ikun jista japplika u
o l-istruttura tal-kors.
Din imbagħad tiġi disseminatata f’diversi forom sabiex l-istudenti kollha jkunu jistgħu jaċċessawha. Fost affarijiet oħra din l-informazzjoni:
o titqiegħed fuq il-websajt http://home.um.edu.mt/sas
o titqiegħed fuq cd li titqassam lil kull għalliem tal-guidance u/jew counsellor f’Malta u Għawdex sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu użu minnha ma' l-istudenti tagħhom.
o Tiġi prodotta f’forma ta' leaflet li jitqassam mill-ufficcju.
· Regolarment issir riċerka estensiva (Tracer Study) mal-popolazzjoni tal-gradwati biex nifhmu aħjar ir-realta’ li qed jiffaċċjaw wara li jitilqu mill-Universita’. L-informazzjoni tvarja minn karrieri għal indikaturi oħra ta‘ opportunitajiet u kwalita’ ta’ ħajja tal-gradwati minn diversi korsijiet. Din l-informazzjoni hija għodda importanti kemm għall-Universita’ kif ukoll għall-għalliema fl-iskellel sekondarji u post-sekondarji fil-gżejjer Maltin, fejn tiġi mqassma.
· Il-Unit qiegħed fil-bidu ta’ proċess sabiex jinħoloq kuntatt akbar ma’ entitajiet f’diversi setturi ta’ l-impjiegi, sabiex student li wasal biex jigradwa ikun aktar espost għad- dinja tax- xogħol.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-problemi prinċipali li qed iżommu lill-Heritage Malta milli topera kif suppost? Jikkonferma li hemm problemi ta' fondi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ewwel u qabel kollox għandna lkoll ngħoddu ħajr lil Heritage Malta għall-ħidma eċċellenti ta' din l-organizazzjoni mwaqqfa b'għaqal mill-Gvern preżenti. L-istess Gvern qed jistħarreġ il-possibilta` li jgħaddi aktar fondi lil Heritage Malta biex din tkompli tkattar il-ħidma u l-inizzjattivi pożittivi tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' impjegati fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport? Kif inhuma mqassma? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom għadhom attivi f'xi sport? Min huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għal-Mistoqsija numru 7847 għall-ewwel parti tal-mistoqsija.
Nixtieq nitlob lill-Membru Interpellant jagħti spegazzjoni ta' x'irid ifisser meta jgħid "attivi f'xi sport".