Jista' il-Ministru jgħid x'makkinarju u riżorsi għandu l-mechanical institute ta' l-MCAST għad-diversi korsijiet li għandu? Jista' jgħid ukoll meta nxtara dan il-makkinarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-makkinarju inxtara minn Settembru 2003 s'issa, ħlief xi ftit oġġetti li kienu ttrasferiti minn Umberto Calosso u t-Technical Institute. L-Istitut għandu l-makkinarju u riżorsi kollha meħtieġa għad-diversi korsijiet.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8466 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' jgħid jekk tinżammx statistika ta' postijiet/proprjeta' mibjugħa lill-barranin? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid matul din is-sena, xahar b'xahar, kemm kien hemm proprjeta' li nxtrat minn barranin? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' huma u kemm hu l-valur ta' dawn il-postijiet, xahar b'xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ permessi li ngħataw lill-persuni barranin biex jixtru proprjetà immobbli f’Malta mill-1 ta’ Jannar, 2004 sal-31 ta’ Ottubru, 2004 u l-valur ta’ l-istess proprjetà immobbli qed jingħataw fit-Tabella A li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Iċ-ċittadinanza tax-xerrejja tidher fit-Tabella B li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. In-numru taċ-ċittadini hu akbar minn numru tal-permessi minħabba għall-istess permess ikun hemm aktar minn persuna waħda b’ċittadinanza differenti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8353, tista' il-Ministru tgħid jekk dak li ntqal fit-tweġiba japplikax ukoll għal rigali taħt forma finanzjarja u li xi drabi tilħaq l-eluf?
Jista’ il-Ministru jgħid jekk il-bini li se jgħaddi l-Konsorzju MIDI lill-gvern hux se jgħaddih dirett lill-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne’ jew inkella lill-Kunsill Malti għall-Isport?
Jekk it-tweġiba hija li dan il-bini se jingħata dirett lill-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne’, jista’ jgħid jekk ittieħdux il-prekawzjonijiet kollha possibbli sabiex ikun aċċertat li din l-assoċjazzjoni baqgħet waħda ħajja, u li t-30 għaqda li ssemmew f’ mistoqsija parlamentari 6063 li saret fit-28 ta’ April, 1999 għadhom jezistu?
Fil-kaz li din l-assoċjazzjoni baqgħet waħda ħajja, jista jgħid min huma t-tmien membri li jiffurmaw il-Kunsill tat-Tmexxija ta’ l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne’ skond kif stipulat fl-istatut li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u f’liema laqgħa ġenerali dawn ġew eletti?
Jista’ ipoggi fuq il-Mejda tal-Kamra r-reġistru tal-membri ta’ l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne’ sew dawk individwali kif ukoll dawk fuq bażi ta’ block membership?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għadhom għaddejin diskussjonijiet bejn il-Ministeru, id-Dipartiment ta' l-Artijiet u l-Konsorzju MIDI dwar it-trasferiment ta' dan il-bini.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne’ hijiex reġistrata mal-Kunsill Malti għall-Isport?
X’ passi se jieħu l-Ministru sabiex jaccerta ruħu li din l-Assoċjazzjoni li dalwaqt se jingħatalha bini ġewwa Tigne’ tinsab konformi ma’ l-istatut tagħha li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fl-1999?
Jista’ jinnota li skond dan l-istatut hu għandu d-dritt li jaħtar liaison officer fuq il-Kunsill tat-Tmexxija ta’ din l-Assoċjazzjoni?
Min huwa dan il-liaison officer?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne mhijiex reġistrata mal-Kunsill Malti għall-Isport.
Informat ukoll li l-Kunsill Malti għall-Isport qed isegwi l-każ mal-Kummissarju tal-Artijiet.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx policy li l-uniformijiet, inkluż it-track suits, jinxtraw bilfors mill-iskejjel? F’każ li dan mhux il-każ, jista’jgħid x’ inhi r-raġuni li fl-iskola Sir Adrian Dingli ta’ Pembroke qed isir dan? Jista’ jgħid ukoll għalfejn il-ġenituri ma jitħallewx jidħlu mat-tfal tagħhom biex jixtru l-uniformjiet, aktar u aktar meta jgħidulhom li dak li jixtru t-tfal ma jistgħux jirritornawh?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola ta' Sir Adrian Dingli, Pembroke hija waħda mill-iskejjel li ddisinjat track suit għall-istudenti tagħha. Fis-sajf, l-iskola toffri s-servizz u tistieden lill-ġenituri biex ma' uliedhom jixtru l-uniformi inkluża t-track suit.
Skola Sekondarja Giovanni Curmi — Għalliem tal-Matematika
Question
Jista’ il-Ministru jgħid meta se jkun hemm għalliem tal-Matematika fil-kors ta’ l-ewwel sena tal-matriculation fil-Higher Secondary Giovanni Curmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jirriżultax li fl-iskola Giovanni Curmi hemm xi nuqqas ta' għalliema tal-Matematika. Informat ukoll li il-complement sħiħ ta' l-għalliema tal-Matematika ilu f'din l-iskola sa mill-ewwel jum tas-sena skolastika.
Jista’ il-Ministru jara jekk tistax tinstab soluzzjoni aħjar għat-trasport tat-tfal tal-kindergarten u l-primarja ta’ l-Imtarfa minhabba li l-private li fil-preżent hemm mhux possibbli li tidħol qalb il-bini minħabba t-toroq dojoq li hemm? Jista’ jkun hemm numru ta’ mini buses li jagħmlu x-xogħol minflok il-private?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tfal li jużaw it-trasport huma moqdijin tajjeb għax informat li fejn ma jidħolx il-coach qed tidħol il-van. Il-problema kienet inqalgħet meta t-tfal tat-toroq laterali kellhom mixja. Min nhar l-Erbgħa, 10 ta' Novembru 2004 il-coach reġa beda jaħdem regolari. Informat ukoll li issa kulħadd jidher moqdi.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-Awtorita` dwar it-Trasport irċevietx talba għall-permess sabiex bankina fi Triq Sir Temi Zammit fl-Imtarfa tidjieq minħabba li qed ikun hemm problema sabiex tgħaddi l-private li tieħu t-tfal l-iskola? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm talba mill-istess kunsill għal dan?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-bankina fi Triq Sir Temi Zammit hija responsabbilta tal-Kunsill Lokali għalhekk għal aktar informazzjoni l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallset l-orkestra nazzjonali tas-servizzi tagħha matul iċ-ċelebrazzjonijiet li saru f'Malta fl-okkażjoni tas-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea? Minn min u meta sar dan il-ħlas u jekk dan kienx biżżejjed sabiex ikopri l-ispejjeż ta' l-istess orkestra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurtmat li l-ispejjeż ta' l-orkestra nazzjonali b'rabta ma ċ-ċelebrazzjonijiet li saru f'Malta fl-okkażjoni tas-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea kienu ta' Lm 3,330.19. L-orkestra nazzjonali tħallset is-somma ta' Lm 1,808.94 mill-kumpanija Where's Everybody. Id-differenza kienet il-kontribuzjoni ta' l-orkestra għal dawn iċ-celebrazzjonijiet ta' natura storika.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola Lily of the Valley minn meta bdiet l-iskola sal-lum ċertu għalliem tat-Taljan tliet darbiet biss għamel lezzjoni u dan b'detriment għall-istess studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliem tat-Taljan fl-iskola sekondarja Lily of the Valley li qed issir referenza għalih jinsab marid. L-iskola ħadet il-passi meħtieġa sakemm tiġi solvuta din is-sitwazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid min huwa d-direttur ta' l-eżamijiet fi ħdan id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Fil-każ li jirriżulta li direttur għad m'hemmx, jista' jgħid kif u meta se jiġi magħżul, meta kulħadd diġa' qed isemmi isem ta' ċertu senior principal fl-education division stess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mit-28 ta' Ottubru 2004, Is-Sur Alfred Zaffarese inħatar bħala d-Direttur il-ġdid tad-Dipartiment ta' l-Eżamijiet bil-proċess komplut tal-kummisjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' il-Ministru jgħid kemm nefaq flus s'issa matul din is-sena għall-istipendji? Jista' jagħti din l-informazzjoni maqsuma skond l-istituzzjonijiet edukattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li il-Gvern ħallas dawn l-ammonti bħala għotjiet ta' manteniment lill-istudenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet edukattivi:
SENA 2004 (S’ISSA)
Isem ta’ Istituzzjoni Educattiva Ammonti
University of Malta Lm 2,838,854.62
Junior College Lm 755,576.67
Malta College of Art, Science and Technology Lm 533,046.81
Giovanni Curmi HSS Lm 211,143.82
M A Refalo Upper Lyceum Lm 136,313.09
St. Aloysius College Lm 129,774.98
De La Salle College Lm 60,339.17
St. Edwards College Lm 19,878.86
Total Lm4,684,928.02
Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna qed tingħata mill-ETC lil dawk il-persuni li jkunu jixtiequ jsibu xogħol barra minn Malta, b'mod partikolari f'pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea? Huwa minnu li fil-preżent l-ETC kulma tagħmel f'dan ir-rigward huwa li tqassam leaflet tal-EURES?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig (ETC) tgħaddi l-informazzjoni lil individwi interessati kif ukoll għandha leaflets ta’ informazzjoni. Din l-informazzjoni tingħata bit-telefon, personali, kif ukoll permezz ta’ posta elettronika. L-ETC għandha uffiċċju tal-EURES f’Ħal Far li jiftah bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mid-9.00am sa 12.00am.
Meta d-domanda għal vakanzi tax-xogħol barra minn Malta tkun konsiderevoli, l-ETC torganizza open days u tistieden lil min hu interessat kif ukoll lill-employer barrani li jkun qed jirreklama din il-vakanza biex jiġi hawn Malta. Dan ġara fil-każ ta’ Shamrock bus drivers ġewwa Wales fejn telgħu madwar erbgħin bus driver Malti. L-ETC għenet ukoll biex tagħti lezzjonijiet ta’ bus driver Licence D lil dawk li ma kellhomx din il-liċenzja. Dan għamlitu bla ħlas għal min kien qed jirreġistra.
F’każ ukoll bħal dak ta' First Impressions, li hija private employment agency ġewwa l-Ingilterra (fil-catering), l-employer ukoll ġie Malta u għamel l-intervisti bl-għajnuna ta’ l-ETC.
Fiż-żewg każi t’hawn fuq msemmija l-ETC għenet personalment lil xi individwi biex jimlew l-applikazzjonijiet.
Naturalment l-ETC tixtieq li tkun f’posizzjoni li tinvolvi ruħha aktar biex tgħin lil individwi nteressati biex jaħdmu barra minn Malta b’mod aktar attiv.
Tajjeb jingħad ukoll li l-ETC għandha żewg EURES Advisors imħarrga u tnejn oħra dalwaqt jingħataw it-taħrig. Il- Kummissjoni Ewropeja tat somma ta’ flus lill-ETC biex tkun tista’ toffri s-servizz tal-EURES f’Malta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa l-budget jew l-infiq fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni? Jista' jgħid ukoll x'persentaġġ tal-GDP huwa dan l-ammont?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond figuri riċenti miġbura mill-uffiċju ta' l-Istatistika, b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija (MCST), l-infiq Pubbliku kien ta' Lm3,196,798 u l-infiq Privat kien ta' Lm1,643,000, b'total ta' Lm4,839,798. Informat li dan l-ammont hu ta' 0.28% tal-GDP.
Dipartiment tal-Psikjatrija — Studenti tal-mediċina
Question
Jista' il-Ministru jivverifika jekk hux minnu jew le li xi konsulenti fid-dipartiment tal-psikjatrija qegħdin jirrifjutaw li jżommu u jgħallmu studenti tal-ħames sena tal-mediċina waqt li dawn fil-mument preżenti qed jagħmlu kors tal-psikjatrija? Jista' jivverifika jekk konsulent impjegat fid-dipartiment tas-saħħa jistax jirrifjuta li jkollu studenti miegħu biex igħallimhom? Jekk fin-negattiv, ittieħdu xi passi biex l-istudenti tal-mediċina ma jibqgħux jitilfu tagħlim li għalih għandhom dritt?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda konsulent fid-Dipartiment tal-Psikjatrija li rrifjuta illi jżomm u jgħallem studenti tal-ħames sena tal-mediċina waqt il-kors tal-psikjatrija. Konsulent impjegat fid-Dipartiment tas-Saħħa ma jistax jirrifjuta illi jkollu studenti miegħu biex jgħallimhom. Għaldaqstant, fid-Dipartiment tal-Psikjatrija ma kienx hemm bżonn li jittieħdu l-ebda passi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li hemm xi lecturers fid-dipartiment tal-psikjatrija li għandhom pożizzjoni ta' lecturer l-Universita' fil-fakulta' tal-mediċina mingħajr ma għandhom appointment bħala psikjatra fl-isptarijiet pubbliċi bħal Monte Carmeli jew San Luqa? Jekk dan hu minnu, jista' lecturer f'dipartiment kliniku jgħallem lill-istudenti tal-mediċina mingħajr ma jkollu pazjenti fi sptar pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, informat li hemm lecturer part-time jgħallem il-psikjatrija li qabel kien konsulent anzjan mal-Gvern kif ukoll Kap ta' Dipartiment fl-Universita' b'ħafna esperjenza. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, jekk persuna hi lecturer allura tista' tgħallem.
Uffiċċju Konġunt — Skema Ixtri Darek u Ifdi ċ-Ċens
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għad fadal applikazzjonijiet pendenti biex jiġu proċessati ta' l-iskema ta' l-Uffiċċju Konġunt Ixtri Darek u Ifdi ċ-Ċens li għalqet fit-30 ta' Diċembru 1996?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-qagħda tal-applikazzjonijiet sottomessi taħt l-iskema ta' l-Uffiċċju Konġunt "Ixtri Darek jew Ifdi ċ-Ċens" li għalqet fit-30 ta' Diċembru 1996, hija kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid min inħatar bħala general manager tat-Teatru Manoel? Saret sejħa għal dawk interessati? Minn meta beda jokkupa din il-kariga? Jista' jgħid ukoll min kien qed jokkupa din il-kariga qabel? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-Sur Lino Mintoff inħatar General Manager tat-Teatru Manoel wara sejħa permezz ta' avviżi fil-gazzetti li saret f'Jannar 2004.
Is-Sur Mintoff beda jokkupa l-post ta' General Manager mill-14 ta' Lulju 2004 kif kien imħabbar anke fil-media waqt it-tnedija tal-Programm ta' attivitajiet tat-Teatru Manoel għal-istaġun 2004-2005.
Fil-passat kien hemm diversi persuni bħal Michael Fenech, A. Zammit Mangion, Paul Axiaq, Emy Scicluna u Lino Farrugia li okkupaw pożizzjoni simili.
Qed inqiegħed kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsill Malti għall-kultura u l-arti — Prof. Richard England
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Prof. Richard England irriżenja minn membru tal-kunsill Malti għall-kultura u l-arti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Professur Richard England irriżenja minn membru tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti minħabba impenji ta' xogħol li għandu sew Malta kif ukoll f'pajjiżi barranin.