Jista’ il-Ministru jgħid fl-ewwel term ta’ din is-sena skolastika kemm kien l-assenteiżmu rapportat xahar b’xahar fil-livelli differenti ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid fl-ewwel term ta’ din is-sena skolastika kemm kien l-assenteiżmu rapportat xahar b’xahar mill-iskejjel tal-knisja u indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx xi proġett quddiem l-awtorita` ta’ l-ambjent u l-ippjanar biex titkabbar il-korsa tal-golf fil-Marsa? Jista’ jgħid jekk dan ikun approvat ikunx ifisser li ċerti faċilitajiet oħra sportivi li diġa` jeżistu jiġu milquta? Jista’ ipoġġi kopja tal-pjanta proposta fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ma saret l-ebda applikazzjoni ma' l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex titkabbar il-korsa tal-golf fil-Marsa.
Tista' il-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 9712 u taġġorna l-figuri biex jinkludu wkoll Novembru u Diċembru 2004?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2004, kien hemm total ta' 1,047 persuna li ngħataw kura fiċ-Ċentru tad-Detox. Minn dawn 889 kienu rġiel u 158 kienu nisa.
Fost dawn il-persuni kien hemm 53 ta' nazzjonalita' barranija. Il-pajjiżi li kienu ġejjin minnhom huma; Bulgarija, Ingilterra, Italja, Jugoslavia, Libja, Palestina u Repubblika ta' Giorgia.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9710 u cioe' jgħid kemm intnefaq s’issa fuq ix-xogħol ta’restawr fil-Villa Rumana fir-Rabat? Jista' jelenka x-xogħol li sar s’issa u kemm ġie jiswa kull xogħol? Jista' jgħid meta beda u ntemm kull xogħol u min ħadem kull xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onor. interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9780.
Jista' il-Ministru jara li wara li fil-bidu tas-sena 2005 l-eco tax ġiet introdotta fuq prodotti oħra, inkluż fuq kull tip ta' skrataċ, dawk l-iskrataċ li qed jintużaw għall-isport jiġu eżentati mill-ħlas ta' din it-taxxa u dan minħabba li qed joħloq piż fuq dawk l-isportivi li jipprattikaw dan it-tip ta' sport, li wara kollox għamlu unur lil Malta f'kompetizzjonijiet internazzjonali?
Jaqbel il-Ministru li fl-aħħar mill-aħħar iż-żieda fil-prezz fuq dawn l-iskrataċ minħabba l-eco tax mhux se tgħin biex persuni jitilqu d-delizzju tal-kaċċa u minflok jibdew jisparaw fuq il-plattini?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-iskrataċ ta' fuq ir-'range' dejjem jistgħu jiġu rkuprati u eżentati jekk jinstabilhom mezz ta' kif jiġu disposti mingħajr ħsara lill-ambjent. Il-Ministeru ta istruzzjoni lil WasteServ Malta Limited biex tara kif tista' tiffaċilita' dan billi tgħin jinstabu mezzi ta' riċiklaġġ.
Sadanittant hemm kuntatti bejn iż-żewġ partijiet sabiex l-impatt ikun minimu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk irċeviex ilmenti minn persuni li jipprattikaw l-isport ta' l-isparar dwar id-deċiżjoni li ħa l-gvern li ntroduċa l-eco tax anke fuq l-iskrataċ li jintużaw għal dan l-isport?
Jaqbel li dawn għandhom jiġu eżentati minn dan il-ħlas, kemm minħabba li huwa sport li ta sodisfazzjon lil pajjiżna anke f'kompetizzjonijiet internazzjonali, kif ukoll għax jista' iħajjar persuni li jitilqu d-delizzju tal-kaċċa u jibdew jipprattikaw dan it-tip ta' sport?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li sal-lum il-Kunsill Malti Għall-Isport ma rċieva l-ebda ilment dwar l-eco-tax minn persuni li jipprattikaw l-isport ta' l-isparar.
Jista’ il-Ministru jelenka x-xogħlijiet li se jsiru fil-pixxina nazzjonali? Min se jagħmel dan ix-xogħol? Kemm se jiswa? Kemm se jdum biex jitlesta? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx sejħa pubblika għal dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħolijiet ta' tiswija li ser isiru huwa dawk imsemmija mill-istess Interpellant f'Domanda Parlamentari numru 9892.
Informat li x-xogħol meħtieġa huwa maħsub li jitlesta fl-ewwel nofs ta' din is-sena. Il-ġimgħa d-dieħla ser issir s-sejħa pubblika għax-xogħol kollu meħtieġ li huwa stmat li jlaħħaq Lm100,000.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk waqt li tkun magħluqa l-pixxina nazzjonali hux se jsir refurbishing tad-dressing rooms u areas oħra pubblċi? Jekk iva, jista’ jagħti dettalji dwar dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu li l-Pixxina Nazzjonali ser tkun magħluqa hemm maħsub li jsir xogħol ta' tiswija fid-dressing rooms eżistenti u xogħol ieħor strutturali fil-Plant Room. Il-Kunsill Malti għall-Isport ħatar lill-kumpanija tal-Periti David Xuereb & Associates biex jieħdu ħsieb ix-xogħolijiet.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-2004 kemm kien in-numru ta’ żgħażagħ taħt l-eta` li nqabdu fid-diversi postijiet tad-divertiment? Jista’ jagħti informazzjoni li tinkludi wkoll il-lokalitajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 il-Pulizija sabet 96 persuna taħt is-sittax-il sena ġewwa postijiet ta' divertiment ġewwa B'Buġia, Fgura, M'Scala, Rabat, Sliema, San Ġiljan u Żejtun.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9602, dan ifisser li l-gvern u d-diviżjoni mhux se jagħtu kas tal-petizzjoni tal-ġenituri li talbu sabiex din l-iskola tiftaħ qabel?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 9776 u għad-dokument imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9676 u cioe' jgħid kemm hemm għalliema każwali fis-snin ta’ l-edukazzjoni primarja, sena b’sena separatament? X’inhuma l-kwalifiki ta’ dawn l-għalliema każwali? Tista’ tagħti l-informazzjoni separatament għal Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema każwali fis-snin ta' l-edukazzjoni primarja huwa hekk :
Numru ta' għalliema Kwalifiki
L-ewwel sena 1 'A' levels
It-tieni sena 1 'A' levels
It-tielet sena 0
Ir-raba' sena 2 'A' levels
Il-ħames sena 1 B.Psychology
Is-sitt sena 0
Informat ukoll li fl-Iskejjel Primarji ta' Għawdex m'hemmx impjegati għalliema każwali.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9709 u cioe' jgħid x’inhu x-xogħol li fadal isir biex ikunu lesti x-xogħlijiet kollha fuq il-Villa Rumana fir-Rabat? Kif inhu mqassam ix-xogħol sakemm jitlesta għal kollox? Kemm hu stmat ix-xogħol li fadal li jsir? Min qed jagħmel ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dan il-proġett jirrikjedi diversi interventi delikati u ċertu ppjanar u ma jistax isir qabel xogħol ieħor jiġi konkluż. Hemm ukoll l-aspett finanzjarju li ma jħalliniex nagħmlu kollox li hemm bżonn immedjatament. Għaldaqstant għal fażijiet li jmiss qed tiġi studjata liema sistema ta' ventilazzjoni u filtraġġ ta' arja għandha tiġi nstallata. Xogħol preliminari għal impjant ta' dan it-tip diġa tlesta.
Irid isir ukoll studju ta' kif ser isir xogħol estensiv ta' restawr tal-mużajk in situ peress li s'issa sar intervent ta' tindif, dokumentazzjoni u konservazzjoni minima. Qegħdin jiġu preparati pjanijiet għall-illuminazzjoni tas-sit ta' wara. Saret applikazzjoni għal-landscaping u parking għal-karozzi ta' persuni bi bżonnijiet speċjali, twaqqif u irranġar ta' ħitan li jtejbu is-sigurta' fuq is-sit ta' wara u qed jitkompla l-iskavar ta' dan is-sit sabiex il-viżitaturi jkunu jistgħu japprezzaw x-xogħol tal-arkeoloġi u konservaturi-restawraturi.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9675, minħabba li mit-tweġiba jidher li l-mistoqsija ma kenitx ċara biżżejjed, jista' il-Ministru jgħid x'attivitajiet saru fl-iskejjel primarji matul din is-sena mill-ewwel sena sas-sitt sena waqt il-ħin ta' l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Wieħed japprezza li biex tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija jeħtieġ li jkunu identifikati l-attivitajiet. Fl-Iskejjel Primarji jsiru diversi attivitajiet fosthom dawk sportivi, kulturali, soċjali, kreattivi kif ukoll reliġjużi. Dan minbarra attivitajiet oħra edukattivi li huma marbutin mal-kurrikulu jew mal-kalendarju ta' attivitajiet nazzjonali u lokali. Kull skola għandha l-programm tagħha u mhux bilfors li jsiru l-istess attivitajiet.
Jista’ il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9739 li parti minnha ġiet imwieġba mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u cioe’ wara li fil-budget għas-sena 2005 il-gvern ħabbar żieda fil-prezz għat-trasport pubbliku, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li l-istudenti fil-junior college u l-Universita' ma jikkwalifikawx għall-eżenzjoni minn din iż-żieda?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ma kienx hemm żieda fin-nollijiet għall-istudenti li jużaw ir-rotot il-ġodda li bdew joperaw mill-11 ta' Ottubru, 2004, li jgħaddu minn ħdejn l-Universita', kif ukoll ir-rotot 475 u 453 li miċ-Ċirkewwa jgħaddu dirett lijn l-Universita'. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta' student li jikkwalifika għal pass ġiet ukoll ipreċiżżata biex tinkludi dawk l-istudenti ta' bejn is-sittax u tmintax il-sena, li ma jikkwalifikawx għal stipendju jew għotja ta' manteniment u li jattendu f'istituzzjoni edukattiva rikonoxxuta.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9715 u cioe' jgħid x’inhi s-sitwazzjoni rigward Villa Fransia f’Ħal-Lija li kienet tħalliet lill-Gvern bħala wirt? Qed isir xogħol fiha bħalissa? Il-Gvern iddeċieda x’se jsir minnha din il-villa sabiħa li ilha magħluqa għal żmien twil? X’kien jgħid eżatt it-testment u x’kienu l-kondizzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-1998 il-Gvern laħaq ftehim mat-testatur ta’ Francia Estate biex jieħu f’idejh Villa Francia. Din il-proprjetà ġiet imħollija lill-Gvern bħala legat mill-mejjet William Nathaniel Francia. B’dan il-ftehim it-testatur ċeda d-drittijiet u l-kundizzjonijiet marbuta mal-legat, fosthom li l-Villa u l-art ta’ madwarha setgħet tintuża biss bħala residenza tal-Prim Ministru ta’ Malta, jew skola, jew mużew jew dar ta’ l-anzjani. B’hekk il-Gvern ikun jista’ jiddeċiedi mingħajr ebda rbit, l-aħjar użu li jista’ jsir minn din il-proprjetà.
F’dawn l-aħħar snin saru diversi xogħolijiet ta’ restawr f’partijiet ta’ Villa Francia, kemm fl-istruttura kif ukoll fl-aperturi u ġonna.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-gvern igħin finanzjarjament lir-Razzett tal-Ħbiberija? Jekk iva, jista' jgħid minn liema budget se joħorġu dawn il-flus u kemm hu l-ammont?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9674 u cioe' jgħid jekk saritx evalwazzjoni tal-programm tal-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi? Jista’ jgħid min kienu l-persuni li għamlu din l-evalwazzjoni u kemm tħallsu? Jista’ ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra dawn id-dokumenti? Jista’ jgħid kemm ħadet fondi mill-Unjoni Ewropea f’dawn is-sentejn il-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar l-ewwel mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Membru għal-Mistoqsija Numru 988 tal-30/06/2003 dwar l-istess tema.
Informat li l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi ikkommissjonat dawn ir-rapporti :-
Evalwazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fl-attivitajiet ta' Klabb Hilti. Din l-evalwazzjoni ġiet ikkummisjonata 4 xhur biss mill-ftuħ ta' l-ewwel sitt ċentri sabiex jiġu identifikati, fil-fażi bikrija ħafna, dawk l-elementi li jinħtieġu tisħiħ jew bidla. L-evalwazzjoni saret fiċ-ċentri l-aktar vulnerabbli sabiex setgħet tittieħed azzjoni korrettiva immedjatament.
L-evalwazzjoni twettqet minn Dr Carmel Borġ li tħallas Lm610.00 u Dott. Denise Chircop li tħallset Lm374.00.
Informat ukoll li tlestiet evalwazzjoni minn Prof Sheila Wolfendale mill-Universita' ta' East London tal-Programm Nwar li għalih tħallset Sterling 1,800.
Tlestiet evalwazzjoni/case study dwar il-Klabb Hilti ġewwa l-Isla li twettaq filgħodu bħala parti mill-Proġett iffinanzjat mill-EU Parent Empowerment for Family Literacy (PEFal). Dan sar mill-Prof Sheila Wolfendale li għalih tħallset Sterling 1,000.
Ninsab informat li il-Fondazzjoni kisbet Lm49,660 f'fondi marbuta ma' proġetti mill-Kummissjoni Ewropea matul dawn l-aħħar sentejn.
Ir-rapporti jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9652, filwaqt li nifhem it-tweġiba mogħtija, jista' il-Ministru jgħid x'kienu l-kriterji sabiex ġew mgħażula fejn saru l-empowerment centres?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-raġunijiet fejn jiġu mwaqqfa dawn iċ-ċentri huma varji fosthom :
- Ir-rieda, d-disponibilita' u l-appoġġ finanzjarju li jagħti l-Kunsill għat-twaqqif taċ-ċentru,
- Id-daqs tal-lokalita',
- Il-qagħda ġeografika tal-lokalita',
- Lokalitajiet fejn il-kunsill ikun diġa ħa inizjattiva li jniedi attivita' kontinwa għaż-żgħażagħ.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9637 u cioe' jgħid kemm hemm skejjel li huma co-educational fil-livell sekondarju? Liema huma? Kemm hemm studenti subien u bniet f'kull skola? X'inhi l-politika tal-gvern dwar skejjel li jgħallmu subien u bniet fl-istess klassi? Il-gvern qatt kellu ħsieb li jagħmel l-iskejjel tiegħu b'din is-sistema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm seba' skejjel Indipendenti li huma co-educational fil-livell Sekondarju.
Dawn huma:
Skola Subien Bniet Total
Verdala International 44 47 91
San Anton School 211 185 396
San Andrea School 252 167 419
St Martin's College 263 391 554
Acc Christian Academy 5 3 8
Newark College 38 11 49
St Michael Foundation 176 137 313
Fil-livell primarju u fil-livell post-sekondarju s-sistema edukattiva ta' l-Istat hi ko-edukattiva.