Tista' il-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari W122 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u cioe' jekk hemmx il-ħsieb li l-gvern igħin finanzjarjament lir-Razzett tal-Ħbiberija? Jekk iva, jista' jgħid minn liema budget se joħorġu dawn il-flus u kemm hu l-ammont?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul is-sena 2004, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali għen lir-Razzett tal-Ħbiberija permezz ta' għotja ta' Lm5,000 mill-fond għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi, ivvutat taħt l-istess Ministeru.
Ninsab infurmata li l-Kumitat għall-Għażla ta' Proġetti, mwaqqaf taħt il-Ministeru tiegħi, diġa' beda jevalwa talbiet dwar proġetti sottomessi minn dawn l-Organizzazzjonijiet għas-sena 2005. Jekk ir-Razzett tal-Ħbiberija jissottometti proposta għall-għajnuna dwar proġett, din tiġi kkunsidrata mill-Kumitat imsemmi flimkien mat-talbiet l-oħra.
Jista' il-Minsitru jgħid x'inhu l-programm għal din is-sena sabiex jitnaddfu jew inkella jiġu riabilitati l-widien?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li matul -2005 hu ppjanat li jsiru dawn il-proġetti bħala parti mill-programm ta' xogħlijiet fuq widien u watercourses:-
Burmarrad
- ser jinbeda x-xogħol fuq il-ftuħ mill-ġdid tal-Wied ta' Burmarrad minn Għajn Riħana sas-Salina. Ser jitkompla wkoll ix-xogħol ta' tindif fis-Sokkors tas-Salina;
Marsa
- ser jitkompla x-xogħol fuq il-pontijiet ta' qudddiem il-
Marsa Sports Club
u l-
Marsa Sports
Ground
. Ser jinbeda x-xogħol fuq fergħa ġdida fil-
watercourse
fl-inħawi ta' l-ex skola tas-Snajja tal-Marsa;
Attard
- ser isir xogħol ta' riabilitazzjoni f'Wied Ċampra, Wied Rmiedi u Wied Inċita;
Qormi
- Ser isir xogħol ta' riabilitazzjoni f'Wied is-Sewda.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet sportivi mil-lotterija minn meta daħal fis-seħħ il-ftehim bejn il-gvern u l-Maltco, il-kumpannija li qed tmexxi l-lotteriji f'pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li sal-lum l-istudenti li jattendu l-MCAST, speċjalment dawk li qed jattendu l-MCAST ġewwa n-Naxxar, għadhom ma tħallsux l-istipendju dovut lilhom ta' Diċembru/Jannar, meta ntqal lilhom li dan kien se jingħatalhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istipendju dejjem jitħallas b'xahar lura biex tinħadem fuq l-attendenza. Skond l-iskeda uffiċjali l-istipendju dovut lill-istudenti ta' Diċembru 2004 jitħallas fit-28 ta' Jannar 2005 u l-istipendju dovut lill-istudenti għal Jannar 2005 jitħallas fil-25 ta' Frar 2005.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9915, jista' il-Ministru jgħid il-post fejn joqogħdu l-persuni li ġew sekondati mal-FTS u li kienu mpjegati mal-PBS u mal-MDC?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jidhirlix li hi policy tajba li wieħed jagħti tagħrif ta' natura personali kif qed jitlob l-Onor. Membru sakemm ma jiġġustifikax l-interess pubbliku li jippretendi li jrid iħares.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk it-titqib mill-isptarijiet u kliniċi tal-gvern huwiex b’xejn jew le għal persuni li jmorru barra minn Malta, ngħidu aħna għall-missjoni jew inkella għal xi attivita` simili? F’każ li hemm ħlas għal dan it-titqib, jista’ jgħid kemm hu f’kull każ u minn meta beda jsir ħlas?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tilqim u l-mediċini speċifiċi li jintużaw sabiex jagħtu xi protezzjoni kontra mard infettiv li wieħed jista jiġi espost għalih waqt is-safar qatt ma kienu jingħataw b'xejn mill-isptarijiet u kliniċi tal-gvern (ħlief forsi tilqim komuni bħal tal-polio, tetnu jew difterite), iżda l-vjaġġatur is-soltu jintalab iħallas xejn iżjed minn kemm dawn ġew jiswew lill-gvern.
Fil-passat kien hemm xi każi (l'aktar fejn jidħlu membri tal-kleru sejrin għal tul ta' żmien fuq missjoni) fejn l-Ministru eżenthom minn dan il-ħlas, iżda dawn dejjem kienu każi eċċezzjonali. Dawn l-eżenżjonijiet għadhom jingħataw f'każijiet individwali.
Il-prezzijiet tat-tilqim jvarjaw minn żmien għall-ieħor skond il-prezz tat-tender ta' dak il-prodott. It-tilqim għal vjaġġaturi li għandna bħal issa in stock jiswa kif inhu indikat hawn taħt:
Polio kull fjala
Lm1.00
Hep B
Lm3.50
Typhoid
Lm1.50
Rabies
Lm13.50
Tetanus/per dose
Lm0.60
Meningitis A&C
Lm1.84
Yellow Fever
Lm17.50
Diph.Tet.Per fjala
Lm1.50
Dt Adult
Lm2.34
Jista’ il-Ministru jgħid jekk isirux spezzjonijiet għall-għarrieda f’inħawi fejn hemm il-fish farms sabiex jaraw jekk hux kollox qed isir kif suppost? Jekk iva, fejn saru u kemm saru matul is-sena 2004? Liema hija dik l-awtorita` jew awtoritajiet li suppost jagħmlu dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ma teżistix liġi li torbot lill-operaturi tal-fish farms kif jgħamlu ix-xogħol ta’ kuljum tagħhom. Fil-permess ta’ żvilupp tagħhom għandhom responsabbiltajiet diversi li huma jridu jippruvaw permezz ta’ studji minn persuni terzi. Dawn jinkludu water monitoring u surveys oħra li l-operaturi jħallsu għalihom fil-programm ta’ monitoraġġ, u li jsiru minn persuni, jew istituzzjonijiet magħżula minn proċess li jinvolvi lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Sa issa ma jidhirx li hemm impatti li jirrekjedu azzjoni mit-Taqsima ta’ Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd.
Min-naħa ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) il-monitoring li hu meħtieġ mill-permessi ta’ l-iżvilupp huwa dak fuq l-impatt tal-gaġeġ tal-ħut fuq l-ambjent; dan jinkludi monitoring tal-kwalità ta' l-ilma, u l-biodiversità madwar il-gaġeġ. Spezzjonijiet għall-finijiet ta’ navigazzjoni u sigurta’ fuq il-baħar huma responsabbilta’ tal-Malta Maritime Authority.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tal-gvern għall-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qiegħda tipproċessa applikazzjoni għal titjib fl-impjant tal-kompostaġġ ta' Sant Antnin u għall-kostruzzjoni ta' Material Recovery Facility (MRF), u dan skond l-iStrateġija għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart għall-Gżejjer Maltin li kienet ġiet addottata mill-Gvern fl-2001. Din l-applikazzjoni bħalissa qiegħda fl-istadju ta' l-Environmental Impact Assessment. Dan id-dokument ġie ppreżentat lill-Awtorita' ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-aħħar t’Ottubru, u diġa ħareġ għall-konsultazzjoni ma’ l-entitajiet ikkonċernati.
Huwa maħsub li l-Impjant ser jittratta 36,000 tunnellata ta’ skart riċiklabbli miġbur mill-Bring-in Sites fl-MRF, u 35,000 tunnellata ta’ skart organiku. L-iskart organiku ser jiġi ttrattat f’Digestion Plant li jiġġenera l-enerġija, kif ukoll kompost ta’ kwalita` tajba li jkun konformi mad-direttivi maħruġa mill-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid xi promozzjonijiet ingħataw fil-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada f'dawn l-aħħar sitt xhur? Jista' jgħid ukoll f'dawn l-aħħar sitt xhur kemm ġew impjegati ħaddiema, kemm b'kuntratt, full-timers jew part-timers, inkella contract based u x'inhu x-xogħol tagħhom? Jista' jgħid ukoll min huma u minn fejn huma? Jista' jgħid jekk kienx hemm sejħa għal receptionist? Min hi u min nfejn hi dik li ġiet magħżula għal dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-ebda promozzjonijiet ma ngħataw fl-FTS f’dawn l-aħħar sitt xhur. F’istess perijodu, ġew impjegati ‘full-timers’ żewġ ‘draughtsmen’ li kienu studenti ħaddiema mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Ebda ħaddiem ieħor ma ġie mpjegat f’dawn l-aħħar sitt xhur, la ‘full time’ u lanqas ‘part-time’.
Għar-rigward tar-‘receptionist’, ġie miftiehem mal-Mimcol biex temporanjament jiġu sekondati żewġ persuni mal-FTS, waħda li kienet impjegata mal-PBS u l-oħra li kienet impjegata mal-MDC. It-tnejn bħalissa qegħdin jagħmlu xogħol amministrattiv u fir-reception.
Peress li f'diversi okkażjonijiet il-Ministru kien qal li fil-bidu ta' Jannar 2005 se tinbeda s-sistema tal-cluster, jista' jgħid fejn bdiet titħaddem u minn meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-proġett pilota ġie pospost għal wara l-pubblikazzjoni tad-dokument għad-diskussjoni fuq is-suġġett.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9622 u 9772 u cioe' jagħti tagħrif u spjega dwar l-arranġamenti finanzjarji miftiehma bejn l-FTS u l-APS Bank Ltd? Dwar l-aħħar żewġ sentenzi fit-tweġiba tal-Ministru, jista' jgħid jekk għandux l-informazzjoni mitluba, kif ukoll ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim bejn l-FTS u l-APS Bank Ltd.?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ser inpoġġi wkoll 'sanction letter' fuq il-Mejda tal-Kamra li telenka t-termini ta' l-arranġament finanzjarju bejn l-FTS u l-APS Bank ltd.
Jista' il-Ministru jwiġeb mistoqsija parlamentari 9637 u cioe' jgħid kemm hemm skejjel li huma co-educational fil-livell sekondarju? Liema huma? Kemm hemm studenti subien u bniet f'kull skola? X'inhi l-politika tal-gvern dwar skejjel li jgħallmu subien u bniet fl-istess klassi? Il-gvern qatt kellu ħsieb li jagħmel l-iskejjel tiegħu b'din is-sistema?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor.Membru jirreferi għall-Mistoqsija Numru 9762.
Jista’ il-Ministru jagħti dettalji dwar is-salarji u allowances oħra ta’ l-uffiċjali għolja tal-kunsill ta’ l-isport li nħatru dan l-aħħar, bħal head of marketing and communications, kap tat-tmexxija tal-kumpless sportiv tal-Kottonera, manager tal-pixxina nazzjonali eċċ.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Finance Manager għandu Gross Annual Salary ta' Lm7,500, Facility Manager għandu Gross Annual Salary ta' Lm7000 u Telecommunication Allowance ta' Lm150, u l-Head Marketing & Communication għandu Gross Annual Salary ta' Lm6466 b'Telecommunication Allowance ta' Lm200. Hemm facility Manager li jaqdi wkoll id-dmirijiet ta' Direttur Riżorsi Umani u li jingħata allowance ta' Lm1500.
Jista’ il-Ministru jgħid fl-2004 kemm daħlu nies bi ħlas fil-mużewijiet li huma taħt il-kontroll ta'
Heritage Malta
? Jista’ jagħti n-numri għal kull mużew individwalment u jgħid x’kien il-ħlas li sar f’kull każ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux se jsir xogħol ieħor ta’ restawr fis-sena 2005 fuq dik il-parti tal-Forti Sant’Anglu li mhux qiegħda f’idejn l-Ordni Sovran ta’ San Ġwann? Kemm intnefaq fuq xogħlijiet f’dan il-forti fl-2002, 2003 u 2004? Jista’ jgħid ukoll x’xogħol kien sar f’dawn is-snin?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Wara li kienet għalqet it-twissija ta’ l-Enemalta fit-30 ta’ Novembru 2004 dwar ħlasijiet pendenti ta’ kontijiet, jista' il-Ministru jgħid kemm–il dar, każin u għaqda ma baqgħux jingħataw is-servizz tad-dawl? F’liema lokalitajiet kienu? Kemm kien hemm persuni li għamlu arranġamenti ma’ l-Enemalta biex il-kont jitħallas bin-nifs?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm żaru Malta u Għawdex studenti barranin biex jitgħallmu l-Ingliż matul is-sena 2004? Kien hemm skejjel li ma bagħtux il-figuri mitluba fiż-żmien stabilit u/jew għadhom ma għamlux dan? Liema huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-informazzjoni għada qed tinġabar peress li l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż f'Malta Għawdex għandhom sad-19 ta' Jannar 2005 biex jibgħatu l-figuri ta' kemm kellhom studenti barranin, matul l-2004, sabiex jitgħallmu l-Ingliż.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni rigward Villa Fransia f’Ħal-Lija li kienet tħalliet lill-Gvern bħala wirt? Qed isir xogħol fiha bħalissa? Il-Gvern iddeċieda x’se jsir minnha din il-villa sabiħa li ilha magħluqa għal żmien twil? X’kien jgħid eżatt it-testment u x’kienu l-kondizzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9825.
Pulizija — Postijiet ta' divertiment - Żgħażagħ taħt l-eta'
Question
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu sidien ta’ ħwienet tax-xorb, night clubs eċc., fejn fl-2004 nqabdu żgħażagħ taħt l-eta` ta’16–il sena? Meta tressaq kull wieħed u x’kienet is-sentenza f’kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004, inbdew 28 każijiet ta' proċeduri kriminali kontra 23 persuna responsabbli minn postijiet ta' divertiment li fihom instabu persuni taħt is-sittax-il sena. Minn dawn il-proċeduri, 13-il każ ġie deċiż - 5 bi twiddiba, 3 multa, 4 liberati u 1 preskritt, filwaqt li l-każijiet l-oħra għadhom pendenti.
Jista’ il-Ministru jgħid għaliex minkejja d-diversi rapporti li saru dwar il-ħxuna fit-tfal xorta waħda jidher li fl-iskejjel ta’ l-Istat, tal-knisja u dawk indipendenti qed jiġi permess li jinbiegħ ikel u xorb li żgur ma jgħinx biex titnaqqas il-ħxuna? Issa li reġgħu fetħu l-iskejjel wara l-btajjel tal-Milied, jista’ jgħid jekk hux se jittieħdu passi biex dan ma jkomplix isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tuckshops fl-iskejjel ta' l-istat jingħataw lill-kuntratturi wara sejħa għal offerti b'kundizzjonijiet speċifiċi, fosthom li ma jistax jinbiegħ it-tip ta' ikel u xorb li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Skond dawn l-istess kondizzjonijiet, kuntrattur li jonqos serjament li jħares sew il-kondizzjonijiet tal-kuntratt jista' jkollu l-kuntratt tiegħu mitmum jew sospiż għal perjodu ta' żmien.
Fil-bidu tas-sena skolastika l-kapijiet ta' l-iskejjel ta' l-Istat ġew mitluba jinforzaw ir-regolamenti u jassiguraw li ma jinbiegħx ikel u xorb li ma jikkonformax ma' standards ta' saħħa.
Beħsiebni nara li l-istruzzjonijiet fiċ-ċirkolari tal-21 ta' Ottubru, 2004, qed jiġu segwiti.