Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati — Inkjesta Maġisterjali - Fondazzjoni ta' l-Iskejjel t'Għada

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9330 peress li l-avukat ġenerali m'għandux oġġezzjoni li r-rapporti u x-xhieda jiġu pubblikati, jista' il-Viċi Prim Ministru issa jpoġġihom fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Avukat Ġenerali ma jsib ebda oġġezzjoni li l-Onorevoli Interpellant jeżamina l-atti tal-proċess in kwestjoni fl-Uffiċċju tiegħu. Jista' wkoll l-Onorevoli Interpellant jitlob kopji lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

ADT — Kodiċi ta' dixxiplina għax-xufiera tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se joħroġ Kodiċi ta’ Dixxiplina għax-xufiera għaliex għalkemm il-ftehim mas-sidien tat-trasport pubbliku sar f’Ottubru, għadu ma ħareġ l-ebda Kodici ta’ Dixxiplina? Jista’ jgħid min huma dawk li qed jaħdmu fuqu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Marsa — Kumpless sportiv

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk ġiex kommunikat lill-ministeru tiegħu li hu responsabbli mill-isport xi tibdil fil-konfini tal-kumpless sportiv tal-Marsa kif propost mill-MEPA minħabba tkabbir propost fil-korsa tal-golf? X’kienet ir-reazzjoni tal-ministeru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa ma sar l-ebda kommunikat lill-Ministeru jew il-Kunsill Malti għall-Isport dwar ir-rapport tal-MEPA fuq il-korsa tal-golf.

Junior College — Laboratorji

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm laboratorji għall-użu ta’ l-istudenti fil-Junior College fl-Imsida? Kemm intnefqu flus fuq tagħmir ġdid f’dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena mill-1999 ’il hawn? Jista’ jelenka x’tagħmir inxtara?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma laħaqx inġabar it-tagħrif kollu mitlub, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Msida — Junior College

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta’studenti li bħalissa qed jattendu l-Junior College fl-ewwel u fit-tieni sena separatament? Kemm huma ġuvintur u xebbiet? Kemm qed jirrepetu l-ewwel jew it-tieni sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk :- Studenti fl-ewwel sena li qed jattendu fil-Junior College f'din is-sena : Subien - 667 Bniet - 963 Total - 1630 Studenti fit-tieni sena li qed jattendu fil-Junior College f'din is-sena : Subien - 573 Bniet - 887 Total - 1460 Studenti fl-ewwel sena li qed jirrepetu fil-Junior College f'din is-sena : Subien - 66 Bniet - 52 Total - 118 Studenti fit-tieni sena li qed jirrepetu fil-Junior College f'din is-sena : Subien - 88 Bniet - 61 Total - 149.

Pulizija — Ronda fl-inħawi tal-Junior College

Question

Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija ta’ kontra l-vizzji tagħmilx ronda b’mod regolari fl-inħawi tal-Junior College fl-Imsida peress li ġieli kien hemm rapporti minn ġirien ta’ possibbilta` ta’ teħid tad-droga f’dawk l-inħawi? Kien hemm xi rapporti dwar dan lill-pulizija? Jista’ jordna li ssir ronda regolari f’dawn l-inħawi biex jekk qed ikun hemm xi teħid/traffikar ta’droga jittieħdu l-passi neċessarji?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima ta' kontra d-Droga tal-Pulizija qegħda tagħmel ronda u spezzjonijiet b'mod regolari fl-inħawi tal-Junior College fl-Imsida, sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm abbuż ta' droga.

Junior College — Studenti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm studenti li kienu bdew jattendu l-Junior College fil-bidu ta’ din is-sena skolastika u li fil-fatt issa jew telqu għal kollox u ma baqgħu jattendu l-ebda Sixth Form oħra jew inkella telqu biex imorru f’Sixth Form oħra? Fejn qed jattendu issa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk :- Studenti fl-ewwel sena tal-Junior College li ma komplewx bil-kors wara l-ewwel term - 57 Studenti fit-tieni sena tal-Junior College li ma komplewx bil-kors wara l-ewwel term - 13 Informat ukoll li m'għandiex informazzjoni fejn qed jattendu dawn l-istudenti la darba telqu mill-Junior College.

Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali

Question

Jikkonferma l-Ministru li sar ftehim bejn l-amministrazzjoni tal-Pixxina Nazzjonali u l-klabb tal-waterpolo tan-Neptunes għal waqt li tkun magħluqa l-pixxina? Jista’ jagħti dettalji dwar il-ħlasijiet, kondizzjonijiet, eċċ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti Għall-Isport għamel ftehim man-Neptunes Waterpolo & Swimming Club biex isir użu mill-pixxina tan-Neptunes fil-perjodu 3 ta' Jannar sat-13 ta' Marzu 2005. Il-pixxina ser tkun miftuha matul il-ġimgħa bejn is-6.00am u l-10.00pm u bejn is-6.00am u s-6.00pm fi tmiem il-ġimgħa. Il-ħlas minn naħa tal-KMS huwa għax-xiri tal-fuel u dawl li jammonta għal Lm1478 fil-ġimgħa. Dan il-prezz ivarja skond il-prezz tal-fuel. Informat ukoll li t-tim Nazzjonali tal-Għawm, timijiet, membri u programmi ta' Skolasports u l-SPU qed jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet.

Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’se jsir mill-ħaddiema tal-Pixxina Nazzjonali sakemm din tkun magħluqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħaddiema tal-Kunsill Malti Għall-Isport assjenati għax-xogħol fil-Pixxina Nazzjonali għadhom għaddejjin bil-programm tax-xogħol regolari. Ħaddiema tal-maintenance - Xogħol ta' maintenance Front Office Clerk/receptionist - Xogħol ta' receptionist u xogħol klerikali Sports Attendants - Xogħol ta' Sports Attendants kemm ġewwa l-Kumpless Sportiv tal-Qroqq kif ukoll ġewwa n-Neptunes ASC. Informat ukoll li l-Kumpless Sportiv f'Tal-Qroqq għadu miftuh regolari apparti l-użu tal-pixxina.

Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jikkonferma li l-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq ilha magħluqa sa mit-tieni ġimgħa ta’ Diċembru 2004 minħabba l-vaganzi tal-Milied?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kumpless Sportiv f'Tal-Qroqq kien magħluq għal vaganzi tal-Milied u tal-Ewwel tas-sena hekk :- Pixxina - Mill-20 ta' Diċembru, 2004 Squash Courts - Fil-24,25,26 u 31 ta' Diċembru 2004 u 1 u 2 ta' Jannar 2005 Fitness Centre - Mill-21 sal-28 ta' Diċembru 2004 minħabba xogħol ta' maintenance u fl-1 u 2 ta' Jannar 2005.

Pixxini sportivi — Persuna mħarrġa fil-First Aid

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex obbligatorju li f’kull pixxina fejn ikun hemm membri msieħba għandu jkun hemm imqar persuna waħda li tkun għassa li tkun taf il-First Aid għal li jista’ jinqala'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sal-lum mil-lat sportiv m'hemm xejn obbligatorju li f'kull pixxina irid ikun hemm persuna waħda li tkun għassa li tkun taf il-First Aid. Informat ukoll li fil-każ tal-Pixxina Nazzjonali matul ix-xahar tas-sajf kien hemm numru adakwat ta' Life Guards ikkwalifikati inkluż fil-First Aid. Fl-istess perjodu l-Sports Attendants ingħataw kors bażiku ta' life-saving/first aid. Dan hu kors ieħor organizzat mill-Institute tal-PE u Sport fl-Universita' ta' Malta.

Skejjel tal-Knisja — Ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-ewwel term ta’ l-iskola (sal-31 ta’ Diċembru 2004) kemm saru ħlasijiet lill-iskejjel tal-Knisja taħt il-ftehim bejn l-Istat u l-Knisja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-ewwel term ta' l-iskola kien hemm daqshekk ħlasijiet :- Ottubru 2004 - Lm909,000 Novembru 2004 - Lm909,000 Diċembru 2004 - Lm859,825 Total -Lm2,677,825

Fleur-de-Lys — Tiswija fit-triq prinċipali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir mill-ġdid jew almenu ssir manutenzjoni fit-triq prinċipali li mir-roundabout ta’ Fleur-de-Lys tasal sat-traffic ligħts viċin fejn illum hemm l-ufficini ta’ Gasan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

MMA — Fish farms

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi spezzjonijiet għamlet l-awtorita' marittima Maltija f'din l-aħħar sena, b'mod partikolari fejn jidħlu l-fish farms?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li matul is-sena 2004 in-numru ta' spezzjonijiet mid-Direttorat tal-Portijiet ta' l-Awtorita' Marittima kien ta' 1091. Dawn l-ispezzjonijiet isiru tul is-sena kollha b'mod regolari f'diversi nħawi tal-gżejjer u portijiet fejn issir attivita' marittima. Ta' min jgħid li fir-rigward tal-fish farms saru wkoll 4 spezzjonijiet matul il-lejl. Ta' min jgħid li l-uffiċjali nkarigati f'dan id-Dipartiment ta' sikwit jgħaddu minn ħdejn dawn il-fish farms u jaraw li l-meżżi ta' għajnuna ta' navigazzjoni jkunu f'posthom u li d-dawl ikun qed jixgħel kif supost.

Fish farms — Spezzjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9907, jista' il-Ministru jgħid kif u meta sar u minn min il-monitoraġġ meħtieġ hekk kif issemma fit-tweġiba mogħtija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-monitoraġġ imsemmi fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 9907 isir skond pjanijiet li kienu mehmuża mal-permess ta' l-iżvilupp ta' kull farm. Dan il-monitoraġġ jirrikjedi xi ġbir ta' kampjuni u analiżi darba fix-xahar, u huwa ikkuntrattat lill-MUS (Malta University Services), u f'każ wieħed minnhom l-analiżi ta' l-ilma jsir mill-MCFS (Malta Centre for Fisheries Sciences).

Anzjani — Servizz ta' home help

Question

Jista' il-Ministru jgħid, minħabba li huma bosta l-anzjani li għandhom is-servizz tal-helpers u li għal dan is-servizz, mill-pensjoni, persuna waħedha titnaqqsilha Lm1 fil-ġimgħa u koppja Lm1.50 fil-ġimgħa u peress li l-helpers għandhom numru ta' ġranet leave fis-sena u meta helper tieħu l-leave ma tmurx oħra minflokha biex l-anzjana jibqa' ikollha s-servizz, jaħseb li huwa sewwa li meta helper tieħu ġimgħa leave, koppja titnaqqsilha Lm1.50 u jekk tieħu ġimgħatejn Lm3, u l-koppja tkun baqgħet bla servizz? Jista' il-Ministru jgħid jekk dan hux ġust fil-konfront ta' l-anzjani? Jista' jikkonsidra li f'każijiet bħal dawn il-flus jiġu refunded?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bl-introduzzjoni tar-Relieving Pool fl-1 ta' Jannar 2005, meta Part- Time Social Assistant tkun fuq leave jew sick leave fit-tul, l-anzjani sejrin jingħataw reliever biex fin-nuqqas tal-helper regolari tagħhom is-servizz jibqa' jiġi pprovdut. Għaldaqstant ma jkunx hemm għalfejn nikkunsidraw refund. Madanakollu, f'każi fejn ikun impossibbli li tintbagħat reliever ir-refund jingħata.

Diskors tal-budget — Noll tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jimplimenta dak li kien intqal fid-diskors tal-budget u cioe` li l-istudenti jiġu eżenti miż-żieda fin-noll tat-trasport pubbliku u dan anke fid-dawl tal-protesti li l-istess studenti għamlu wara li dawn mhux qed jiġu eżentati skond kif kien tħabbar fl-istess diskors?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Wied il-Għajn — Impjant ta' Riċiklaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti u l-ispecifications marbuta ma’ l-Impjant tar-Riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn? Jista’ jgħid ukoll b’dawn il-pjanti u l-ispecifications kemm jista’ jkun il-potenzjal ta’ skart li jkun jista’ jieħu dan l-impjant mibni mill-ġdid?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma jeżistux disinji u specifications ta' l-impjant il-ġdid għax dawn jitħejjew wara li jkunu identifikati l-miżuri ta' kontroll (mitigation) permess ta' Environment Impact Assessment (EIA).