Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fleur-de-Lys — Tiswija fit-triq prinċipali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir mill-ġdid jew almenu ssir manutenzjoni fit-triq prinċipali li mir-roundabout ta’ Fleur-de-Lys tasal sat-traffic ligħts viċin fejn illum hemm l-ufficini ta’ Gasan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi din it-triq ma tagħmilx parti min-toroq arterjali u distributorji ta' Malta, hekk kif indikat fuq il-pjanta annessa (Route 130) li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Għaldaqstant ir-responsabbilita' tal-manutenzjoni tagħha tifforma parti mir-rwol tal-Kunsill Lokali. Minkejja dan ninsab infurmat li l-Awtorita' Dwar it-Trasport għamlet xi interventi fuq din it-triq fil-passat, u preżentament qed isiru l-preparamenti neċessarji sabiex eventwalment tiġi irranġata il-junction ta' din it-triq (Triq l-Imdina) ma' Triq l-Imrieħel, B'Kara.

ADT — Kodiċi ta' dixxiplina għax-xufiera tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se joħroġ Kodiċi ta’ Dixxiplina għax-xufiera għaliex għalkemm il-ftehim mas-sidien tat-trasport pubbliku sar f’Ottubru, għadu ma ħareġ l-ebda Kodici ta’ Dixxiplina? Jista’ jgħid min huma dawk li qed jaħdmu fuqu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-Kodiċi ta' Kondotta ser jiġi mgħoddi lill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku fil-jiem li ġejjin sabiex dan jitqassam lill-membri kollha tagħhom. Dan il-Kodiċi ta' Kondotta ġie iffinalizzat wara xhur ta' taħdidiet bejn il-Ministeru, l-Awtorita' Dwar it-Trasport u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku. L-intenzjoni ta' dan il-kodiċi hija sabiex is-servizz tal-karozzi tal-linja jitjieb u li titkabbar kultura fejn is-sidien u x-xufiera ta' bilħaqq jibdew iħaddmu l-prinċipji ta' customer care. Il-kodiċi, f'xi każi, iġib miegħu ukoll penalitajiet amministrattivi. Dawn huma intiżi sabiex ikunu ta' deterrent għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi jew imġieba ħażina. Fost l-aspetti li jindirizza dan il-kodiċi hemm: ilbies ta' uniformi, il-ħarsien ta' rotta, is-sewqan, l-imġieba, rispett lejn l-Awtorita', liċenzji, nollijiet, manutenzjoni tax-xarabnks u dispożizzjonijiet oħra.

FTS — Acting CEO

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm jitħallas l-acting CEO ta' l-FTS? X'inhuma l-benefiċċji mniżżlin f'dan il-kuntratt u għalkemm żmien idum dan il-kuntratt?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kuntratt definit in kwestjoni hu ma' kumpanija kummerċjali bir-rata ta' Lm10 fis-sigħa kif diġa indikat għat-tagħrif mogħti fit-tweġiba għal Mistoqsija Numru 35,985 fis-Seduta Numru 798, ta' l-14 ta' Ottubru, 2002. Il-kuntratt skada f'dawn il-ġimgħat, ġie estiż temporanjament u t-tiġdid tiegħu qed jiġi konsiderat mill-Bord ta' l-FTS. L-acting CAO ta' l-FTS għandu ukoll rimbors għall-użu tat-telefon cellulari.

FTS — Inġinier

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk l-inġinier - ismu qed jintbagħat separatament - hux qiegħed iħallas taxxa fuq id-dħul tiegħu mill-FTS, f'Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont imħallas lill-Inġinieer Farruġia huwa 'Inclusive of local Income Tax' kif stipulat fl-'Agreement' li sar mal-Ingineer.

Skejjel — Karwija - Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol se jsir matul din is-sena fuq l-iskola tal-Karwija? Jista' jgħid kemm hu stmat li tiswa kull biċċa xogħol li trid issir? Kemm inħarġu tenders jew intalbu kwotazzjonijiet s'issa? Fuq xiex intalbu u kemm jiswew flus?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul din is-sena fl-iskola tal-Karwija ser isir xogħol biex tkun tista' tibda topera f'Settembru li ġej jekk l-ipproċessar u l-għoti tat-tenders ma jiġix intawwal b'mod esaġerat. Dan ix-xogħol jinkludi tikħil u tibjid, madum,soffitti, aperturi, stallazzjoni tas-servizzi, għamara u apparat elettriku u mekkaniku, landscaping u ħwejjeġ oħra anċillari. Diversi tenders diġa ġew pubblikati u oħrajn qiegħdin fil-proċess biex isiru pubbliċi. Dwar tagħrif ieħor mitlub inħoss li mhux prudenti li jiġi pubblikat peress li dan jista' jippreġudika l-proċess ta' tenders jew kwotazzjonijiet.

Mellieħa — Studenti li jattendu l-Liċeo Vassalli tal-Ħandaq

Question

Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li fir-rotta li tieħu lill-istudenti mill-Mellieħa sal-Liċeo Vassalli tal-Ħandaq, f'Ħal Qormi t-tfal qed jitilqu mill-Mellieħa fis-6.30 a.m. meta l-iskola tibda fit-8.30 a.m. u nhar ta' Erbgħa meta l-iskola tispiċċa fin-12.30 p.m. qed jaslu fis-2.00 p.m. u fil-ġranet l-oħra l-iskola tispiċċa fit-3.15 p.m. u jaslu wara l-4.15 p.m.? Jista' jara jekk dan hux skond iċ-ċirkolari maħruġa mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għandna żewġ vetturi li jitilqu mill-Mellieħa lejn l-iskola tal-Ħandaq. Waħda titlaq 6.50a.m. u l-oħra titlaq 7.20a.m. Qed isiru arranġamenti biex l-ebda vettura ma titlaq qabek is-7.00a.m. Fil-fatt it-tfal qegħdin jaslu l-iskola għal ħabta tat-tmienja ta' filgħodu. Informat ukoll li x'ħin tispiċċa l-iskola vettura dejjem tkun qabel il-ħin u l-vettura l-oħra tasal għoxrin minuta tard minħabba li għandu vjaġġ ieħor qabel. Ta' min jinnota li bħalissa hemm ħafna toroq magħluqa mill-inħawi ta' Ħal-Qormi lejn il-Mellieħa.

Tal-Ħandaq — Liċeo Vassalli

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri mil-Liċeo Vassalli tal-Ħandaq minħabba li wasluli rapporti ta' nuqqas ta' indafa kif ukoll problemi oħra marbuta ma' l-istruttura tal-bini u jekk se jsir xi ħaġa, meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat ma hemm l-ebda rapport li hemm ħsarat fl-istrutturi tal-bini fl-iskola msemmija. Informat ukoll illi fil-Liċeo Vassalli (Tal-Ħandaq) ma hemmx nuqqas ta' ndafa u l-iskola titnaddaf kuljum mill-purtinara tal-post.

Popolazzjoni tal-gżejjer Maltin

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm kienet il-popolazzjoni tal-gżejjer Maltin fil-31 ta’ Dicembru 2004 imqassma f’irġiel u nisa? Kemm kienu jgħixu f’Għawdex u kemm ukoll kienu l-irġiel u n-nisa? Mit-total tal-popolazzjoni fil-31 ta’ Dicembru 2004, jista’ jelenka kif inhuma mqassma fl-etajiet differenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatiska (NSO) għad irid jirċievi data li tirrigwarda twelid u mwiet lejn tmiem is-sena 2004 it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ikun jista’ jingħata b’akkuratezza ikbar lejn l-aħħar ta’ Marzu 2005.

Skejjel — Studenti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti jattendu l-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u indipendenti separatament fil-31 ta’ Diċembru 2004? Jista’ jgħid kemm f’kull każ hemm barranin jattendu dawn l-iskejjel? Tinżamm statistika ta’ kemm minn dawn l-istudenti għandom ċittadinanza doppja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk :- Numru ta' Studenti Jattendu Barranin Ċittadinanza doppja Skejjel Statali: Kindergarten u Primarja 22,553 216 Sekondarji 18,280 132 40,833 348 Skejjel tal-Knisja 16,976 37 25 Skejjel Indipendenti 8,205 537 86 Informat ukoll li ma tinżammx statistika kemm minn dawn l-istudenti barranin għandhom ċittadinanza doppja fil-każ ta' l-iskejjel ta' l-Istat.

MEPA — Postijiet li jservu bħala skejjel

Question

Jista’ il-Ministru jgħid liema huma dawk il-postijiet jew partjiet minnhom li llum iservu bħala skejjel li huma skedati mill-MEPA? X’inhi r-raġuni f’kull każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MEPA — Bini/tibdil fi skejjel

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti quddiem il-MEPA għal bini u/jew tibdil ta’bini fi skejjel? Min minn saret kull applikazzjoni? Meta saret? F’liema lokalita’? Għal liema tip ta’skola?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab ifurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha disa' applikazzjonijiet pendenti għal bini u/jew xogħlijiet oħra ta' tibdil jew estensjonijiet fi skejjel diversi. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dettalji ta' dawn l-applikazzjonijiet kif mitlub mill-Onor. Interpellant.

MEPA — Applikazzjonijiet għal manutenzjoni ta' skejjel

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għal tiswijiet/manutenzjoni ta’skejjel? Meta saret kull applikazzjoni? X’tiswijiet/manutenzjoni hemm maħsub li jsiru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li preżentement l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m'għandhiex applikazzjonijiet pendenti għal tiswijiet/manutenzjoni ta' skejjel.

FTS — Periti/inġiniera

Question

Jista' il-Ministru jelenka lista sħiħa ta' periti jew inġiniera li ġew imqabbda mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada għas-snin 2002, 2003 u 2004; Tista’ tiġi elenkata n-natura ta' xogħol li huma kienu mqbbda jagħmlu? Jista’ jgħid jekk ġewx imqabbda permezz ta' direct order, tender jew xi forma ta' special direct order? X'kien il-valur invoiced minnhom? Kemm tħallsu? Il-ħlas kien kopert bil-permess tal-Ministeru tal-Finanzi? Kien hemm bżonn ta' permess? Min kien l-oriġinatur tad-direct order (jekk tikkonċerna direct order)?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li dawn il-mistoqsijiet jiffurmaw ukoll is-suġġett tal-verifika li qed issir mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, tweġiba tingħata f'xi stadju ieħor opportun.

Skejjel ta' l-Istat — Rapporti dwar serq

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti fl-ewwel term skolastiku dwar serq minn skejjel ta’ l-Istat? Jista’ jgħid minn liema skejjel sar u x’insteraq? X’passi ttieħdu f’kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #10142 Sitting 227 2005-01-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għar Ħasan

Question

Jista’ il-Ministru jgħid għaliex ingħalaq l-aċċess għal Għar Ħasan? Japprezza li dan huwa post imfittex ħafna mit-turisti? Jistgħu jsiru t-tiswijiet meħtieġa biex dan il-post jitgawda kemm mit-turisti kif ukoll mill-Maltin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-aċċess għal Għar Ħasan ingħalaq minħabba li fl-14 ta’ Novembru 2004 waqgħet blata kbira stmata b’volum ta’ madwar 180,000 metru kubu. Xi jiem wara waqgħet oħra ftit passi ’l bogħod. Ġie stabbilit li jeżisti periklu serju għall-pubbliku in ġenerali fl-inħawi u bil-għajnuna tal-Pulizija ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex il-pubbliku jinżamm ’il bogħod minn dan is-sit. Kif ġraw l-affarijiet inzerta li l-entratura ta’ Għar Ħasan tinsab fil-medda tal-blat li tinsab f’riskju li tista’ ċċedi wkoll għax hi kontinwazzjoni tal-wiċċ tal-blat li waqa’ diġà. Bħalissa qegħdin isiru surveys ġeologiċi kemm mil-livell tal-blat kif ukoll mil-livell tal-baħar ta’ dawn l-akkwati. Sadanittant fl-interess tas-sigurtà tal-pubbliku, l-post ser jibqa’ magħluq sakemm jiġi stabbilit li m’għadx hemm periklu.

Ta' Qali — Park

Question

Jista’ i-Ministru jgħid jekk hemmx pjani biex il-park ta’ Ta’ Qali jiġi żviluppat aktar b’faċilitajiet biex ikompli jservi bħala post ta’ rikreazzjoni għal tant familji Maltin? Jista’ jara li jinbnew latrini viċin dawk il-postijiet fejn ikunu l-familji, l-aktar wara l-istadium nazzjonali u fejn jiġu misjuqa l-muturi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Hemm pjan sħiħ mifrux fuq diversi snin biex Ta’ Qali jkompli jiġi żviluppat bħala ċentru nazzjonali għal diversi tipi ta’ rikreazzjoni. Ix-xogħol fuq estensjonijiet ta' Ta’ Qali għaddej kontinwament u fil-bidu ta’ din is-sena infetħet żona oħra ta’ rikreazzjoni li tipprovdi madwar 15,000 metri kwadri oħra ta’ spazju miftuħ bis-siġar. Hemm ħsieb ukoll li tinbena latrina ġdida viċin l-istadium, ma ġenb il-parking area; kif ukoll li titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid il-latrina l-antika li hemm viċin is-substation għax din tinsab f'kundizzjoni ħażina. Id-dipartiment għall-Park Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja (P.A.R.K.) lesta il-pjanti għal dawn iż-żewġ binjiet u ingħata il-permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Issa d-dipartiment qed jaħdem fuq id-dokumenti meħtieġa biex joħorġu l-offerti għal dawn ix-xogħolijiet. Hu maħsub li sakemm jinbdew u jkunu qed isiru dawn ix-xogħolijiet jinkrew numru ta’ mobile toilets biex il-pubbliku jkun dejjem moqdi tajjeb.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Kuntratt lill-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne'

Question

Jista' il-Vici Prim Ministru jgħid jekk il-Kummissarju ta' l-Artijiet għamilx verifika tal-kuntratt li bih il-Parlament għadda l-art f'Tigne' lill-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' fis-sena 1981, sabiex jiżgura li din l-Assoċjazzjoni mhux biss għadha teżisti, iżda hija wkoll waħda ħajja? Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk din l-assoċjazzjoni tinsabx konformi ma' l-istatut tagħha li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fl-1999? Jekk din l-assoċjazzjoni għadha teżisti, jista’ jgħid kemm mit-30 għaqda sportiva u kulturali li ssemmew fit-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 6063 li saret fit-28 ta' April, 1999 għadhom jeżistu u liema huma? Jekk din l-assoċjazzjoni baqgħet waħda ħajja, jista’ jgħid min huma t-tmien membri li preżentement jiffurmaw il-kunsill ta' tmexxija tagħha, skond kif stipulat fl-istatut li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra u f'liema laqgħa ġenerali dawn ġew eletti u fejn saret? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-reġistru tal-membri ta' l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' sew dawk individwali kif ukoll dawk fuq bażi ta' block membership?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Kummissarju ta' l-Artijiet għadu qiegħed jipprova jiġbor l-informazzjoni mitluba. Ir-Risposta tingħata f'seduta oħra.

Assoċjazzjoni Sportiva Tigne'

Question

Fid-dawl tal-fatt li l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' mhijiex reġistrata mal-kunsill Malti għall-isport, jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex beħsiebu jappunta liaison officer fuq il-kumitat ta' tmexxija ta' l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' kif għandu dritt li jagħmel skond l-istatut ta' l-istess assoċjazzjoni li permezz tiegħu din l-assoċjazzjoni ngħatat art tal-gvern f'Tigne' għal skopijiet sportivi u kulturali? Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, jista’ jgħid meta se jwettaq din il-ħatra? Jekk it-tweġiba hi fin-negattiv, jista’ jgħid għaliex mhux se jagħmel din il-ħatra?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Kunsill Malti għall-Isport ser jimplimenta l-parti tal-liġi dwar ir-reġistrazzjoni ta' l-għaqdiet sportivi, iddeċidejt li nikkonsidra l-materja imqanqla fil-Mistoqsija meta dan il-proċess ikun eżawrit.

Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' — Club houses

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet bejn il-ministeru tiegħu, id-dipartiment ta' l-artijiet u l-konsorzju MIDI dwar it-trasferiment tal-blokk ta' Club Houses lill-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

M'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8943.