B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 9436 u 8352, jista' il-Ministru jgħid kif f'waħda qed jgħid li għaddew 32 mill-intervisti u fl-oħra li għaddew 20 biss? Jista' allura jgħid x'sar mit-12 l-oħra u f'liema skola qegħdin u x'suġġett qed jgħallmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se joqogħdu studenti għas-suġġetti intermediate u avanzati fl-eżamijiet li se jsiru fix-xhur li ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa r-reġistrazzjonijiet għall-eżamijiet tal-MATSEC fil-livell avvanzat u l-livell intermedju li għalqu fis-27 ta' Jannar, 2005 għadhom qed jiġu pproċessati. Hekk kif jintemm dan il-proċess tkun tista' tingħata tweġiba għall-mistoqsija bid-dettalji mixtieqa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru talbiet minn studenti biex jiġu eżentati milli jħallsu l-miżati għall-eżamijiet tas-SEC u MATSEC li ġejjin? X'kienu r-raġunijiet prinċipali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kandidati li applikaw biex jiġu eżenti mill-ħlas tal-miżati għall-eżamijiet tas-SEC huma 481. Minn dawn, 68 ma kkwalifikawx u 413 ikkwalifikaw.
Dawk li kkwalifikaw huma mqassma kif ġej;
Assistenza Soċjali 379
Refuġjati 2
Dipartiment ta' l-Eżamijiet 1
Dipendenti ta' l-Universita' 31
____
Totali 413
Il-kandidati li applikaw biex jiġu eżenti mill-miżati għall-eżamijiet tal-MATSEC (Livell Avvanzat u Intermedjarju) huma 60. Minn dawn 8 talbiet ma kkwalifikawx u 52 ikkwalifikaw.
Dawk li kkwalifikaw huma hekk;
Assistenza Soċjali 15
Dipendenti ta' l-Universita' 37
____
Totali 52
Jista' il-Ministru jgħid studenti li jbatu minn dyslexia jistgħux japplikaw għal ħin żejjed waqt l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC li se jsiru dalwaqt? Jekk fl-affermattiv, kemm jingħataw ħin żejjed? Hemm xi kondizzjonijiet oħra li għalihom jingħata ħin żejjed?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti li jbatu minn dyslexia jistgħu japplikaw għal ħin żejjed waqt l-eżamijiet tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola meta japplikaw għall-eżami. Għall-eżamijiet ta' l-2005, il-kandidati għall-eżami tas-SEC setgħu japplikaw sad-19 ta' Novembru 2004 u l-kandidati għall-eżami tal-Matrikola setgħu japplikaw sa l-14 ta' Jannar 2005. Normalment għall-eżamijiet tas-SEC il-ħin żejjed jammonta għal 25% tal-ħin ta' l-eżami. Fil-każ tal-Matrikola il-ħin żejjed ikun relatat man-natura tas-suġġett sa massimu ta' 25% tal-ħin ta' l-eżami. Ħin żejjed jingħata wkoll meta l-kandidat ikollu kondizzjonijiet oħra bħal nuqqas ta' smigħ, nuqqas ta' vista u celebral palsy.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna kellha terġa' tissejjaħ lura fl-isptar San Luqa biex jerġgħu jsirulha eżamijiet tad-demm peress li l-ewwel li saru dawn it-testijiet ma sarux fiż-żmien biex id-demm ma jagħqadx, speċjalment dak għat-test tal-glucose? Huwa minnu li mhux qed isir overtime fil-laboratorji u dan qed jikkawża dewmien fit-testijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kien hemm madwar 350 kampjun tad-demm għat-test taz-zokkor li ma baqgħux stabli biżżejjed sabiex ikun jista jingħata riżultat aċċettabli fuqhom.
Dan ġara minħabba diversi affarijiet inkluż ħsara fil-magna li tipproċessa dawn il-kampjuni.
Rigward it-tieni parti tad-domanda, mhuwiex minnu li mhux qiegħed isir overtime fil-laboratorji. L-użu tal-overtime qiegħed jiġi skrutiniżżat biex jintuża' fejn verament hemm bżonnu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li tneħħew mir-reġistru tal-qgħad għaliex inqabdu jaħdmu waqt li kienu jitqiesu bħala qegħda? X'kienu x-xogħlijiet prinċipali li kienu qed jaħdmu? Kienu qegħdin jirreġistraw għall-istess xogħol li nqabdu jaħdmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet kemm kien hemm barranin li nqabdu jaħdmu bla permess? Liema xogħol instabu jagħmlu u fejn/fuq liema proġett? Ta' liema nazzjonalita' kienu? X'passi ttieħdu kontra dawk li mpjegawhom?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm nies mill-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea li kienu qed jaħdmu f'Malta u tilfu l-impjieg u issa qed jirreġistraw għax-xogħol? Ta' liema nazzjonalita' huma? Għal liema xogħol qed jirreġistraw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni mill-Unjoni Ewropea (mhux miżżewġin Maltin) li qed jirreġistraw għax-xogħol wara li tilfu impjieg f'Malta huwa ta' 6.
In-nazzjonalita' tagħhom hija kif ġej:
2 persuni mill-Ingilterra
1 persuna mill-Belġju
1 persuna mill-Awstrija
1 persuna mill-Ġermanja
1 persuna mill-Italja.
Il-preferenzi tax-xogħol li qed ifittxu huwa kif ġej:
Business Professional (includes PRO) 1
Chef 1
Clerks General Duties 1
Consultant General 1
Cooks 1
Cooks Assistant 1
Delivery Man 1
Driver Heavy Truck/Trailer 1
Electronic-Equipment Assemblers 1
Fitter Mechanic (Lifts, Refr, Whitegood) 1
Handyman 1
Machine Operators, Others & Assemblers 1
Managers General 1
Managers Human Resources 1
Managers in Finance and Administration 1
Managers in Sales and Marketing 1
Receptionists and Information Clerks 1
Store Keeper 1
Supervisor, Factory Supervisor 1
Translators and Interpreters 1
* kull persuna jista' jkollha aktar minn preferenza waħda.
Jista' il-Ministru jgħid jeżistix kodiċi ta' etika għall-facilitators speċjalment meta jassistu lil studenti waqt l-eżamijiet? Il-facilitators huma ammessi waqt l-eżamijiet tas-SEC?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li waqt l-eżamijiet tas-SEC l-istudenti b'xi diżabilita' jistgħu jingħataw assistenza minn assistent/a personali, qarrej, prompter jew amanuensis skond il-bżonnijiet individwali. Kull waħda minn dawn il-persuni għandha xoġħol speċifikat u jingħatawlha struzzjonijiet dettaljati bil-miktub dwar id-dmirijiet tagħha.
Informat ukoll li wieħed irid iżomm f'moħħu li mhix prattika normali li l-Arranġamenti Speċjali jingħataw lill-kandidat mill-għalliem tiegħu stess. F'każi eċċezzjonali, fejn jidher li hemm bżonn li l-għalliem stess tal-kandidat joqgħod ma' l-istudent, id-deċiżjoni tittieħed mill-Awtorita' ta' l-Eżamijiet. Din hija wkoll prattika internazzjonali. Ta' min jgħid li fejn hemm Arranġamenti Speċjali għal waqt l-eżamijiet, dejjem għandu jkun hemm 'Osservatur' minbarra l-għalliem li jamministra l-Arranġamenti Speċjali, ħalli jiżgura li kollox jimxi skond il-proċeduri stabbiliti.
L-Education Assessment Unit tagħmel dawn l-Arranġamenti Speċjali għal waqt l-eżamijiet tal-Year 6 u tad-dħul fil-Form I tal-Junior Lyceum biss. Arranġamenti fi snin oħra jieħdu ħsiebhom l-iskejjel infushom.
B'referenza għall-Mistoqsija dwar jekk jeżistix kodiċi ta' etika, nixtieq nirreferi lill-Onor. Membru għall-linji ta' gwida li nħarġu mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni f'Settembru 2002. Waqt li dawn m'humiex strettament kodiċi ta' etika, huma linji gwida li jaċċertaw li l-eżamijiet jitmexxew b'mod ġust. Ser ngħaddi kopja lill-Onor. Membru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw studenti, subien u bniet separatament, biex joqogħdu għall-eżamijiet tal-Matsec - intermediate u avanzat? Kemm hemm mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-knisja u indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa r-reġistrazzjoni għall-eżamijiet tal-MATSEC fil-livell avvanzat u l-livell intermedju li għalqu fis-27 ta' Jannar, 2005 għadhom qed jiġu pproċessati. Hekk kif jintemm dan il-proċess tkun tista' tingħata tweġiba għall-mistoqsija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw studenti, subien u bniet, kemm mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-knisja u indipendenti, għall-eżamijiet tas-SEC li se jsiru minn April 'il hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari W123, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hu jsibx oġġezzjoni li jpoġġi d-dokumenti msemmija fuq il-mejda tal-Kamra minħabba li l-avukat ġenerali nafu li m'għandux oġġezzjoni?
Peress li jien qed nintalab ħlas sostanzjali għal dawn ir-rapporti, meta jien qed naġixxi fil-kapaċita' tiegħi bħala membru parlamentari u allura fl-interess pubbliku u mhux tiegħi personali, jaħsibx li dan huwa xieraq?
Response (BORG, TONIO)
M'għandi xejn x'inżid mat-Tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari W123.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9903 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u cioe' jgħid jekk hux se jsir xogħol ieħor ta’ restawr fis-sena 2005 fuq dik il-parti tal-Forti Sant’Anglu li mhux qiegħda f’idejn l-Ordni Sovran ta’ San Ġwann? Kemm intnefaq fuq xogħlijiet f’dan il-forti fl-2002, 2003 u 2004? Jista’ jgħid ukoll x’xogħol kien sar f’dawn is-snin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi mhux ippjanat li jsir xogħol ta’ restawr fil-Forti Sant’Anġlu matul l-2005. Ix-xogħol li sar diġa’ kien jinkludi tindif ġenerali, twaqqiegħ ta’ bini u strutturi illegali li kienu nbnew fi snin l-imgħoddija u nstallazzjoni ta’ dawl fid-diversi livelli tal-forti. In-nefqa fuq dan is-sit matul l-2002, l-2003 u l-2004 kienet kif jidher hawn taħt:-
Sena
Xogħol
Lm
2002
Konsulenza fuq xogħol ta’ dawl
2,000.00
2003
Provista ta’
fittings
tad-dawl
5,490.00
2004
Provista ta’
fittings
tad-dawl
Installazzjoni ta’
floodlights
u xogħlijiet anċillari
Xogħol ta’ twaqqiegħ ta’ bini illegali u ġarr ta’ materjal
18,375.59
15,913.74
4,100.00
Total
45,879.33
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9904 u cioe', wara li kienet għalqet it-twissija ta’ l-Enemalta fit-30 ta’ Novembru 2004 dwar ħlasijiet pendenti ta’ kontijiet, jista' jgħid kemm–il dar, każin u għaqda ma baqgħux jingħataw is-servizz tad-dawl? F’liema lokalitajiet kienu? Kemm kien hemm persuni li għamlu arranġamenti ma’ l-Enemalta biex il-kont jitħallas bin-nifs?
Separate Cover: No
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9905 u cioe' jgħid kemm żaru Malta u Għawdex studenti barranin biex jitgħallmu l-Ingliż matul is-sena 2004? Kien hemm skejjel li ma bagħtux il-figuri mitluba fiż-żmien stabilit u/jew għadhom ma għamlux dan? Liema huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena 2004, skond il-figuri li waslu mingħand sebgħa u tletin skola li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin, l-ammont ta' studenti li żaru Malta u Għawdex sabiex jitgħallmu l-Ingliż kien 49,298. Hemm sitt skejjel li għadhom ma bagħtux il-figuri. Dawn is-sitt skejjel huma EASY School of Languages; Lasalle Institute; Leonardo da Vinci Global Village; NSTS English Language Institute; UNILANG International School of English u Universal Languages Services (Malta).
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies bla xogħol fil-31 ta' Diċembru 2004? Kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm kien hemm li kellhom anqas minn 25 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-aħħar ta' Diċembru 2004 kien hemm 8103 persuna tirreġistra għax-xogħol, 6511 kienu rġiel u 1592 kienu nisa. Minn dawn kien hemm 2318 persuna li kellhom anqas minn 25 sena.
Jista' il-Ministru jgħid minn dawk li kienu qed jirreġistraw fil-31 ta' Diċembru 2004, kemm kien hemm li ilhom jirreġistraw minn sena sa tliet snin, aktar minn tliet snin sa ħames snin u aktar minn ħames snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-8103 persuna tirreġistra ġħax-xogħol fl-aħħar ta' Diċembru 2004, kien hemm 2134 persuna li ilhom jirreġistraw minn sena sa tlett snin, 517 persuna aktar minn tlett snin sa ħames snin u 647 persuna aktar minn ħames snin.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet sportivi mil-lotterija minn meta daħal fis-seħħ il-ftehim bejn il-gvern u l-Maltco, il-kumpannija li qed tmexxi l-lotteriji f'pajjiżna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isiru l-arranġamenti neċessarji biex jiġu ffinalizzati l-proċeduri għal dan il-għan.