Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #10591 Sitting 238 2005-02-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Konsulenti

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' konsulenti li turi l-informazzjoni kolha mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Konsulenti

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Konsulenti

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Skejjel — Tagħlim tal-PSD

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti hux qed isir it-tagħlim tal-PSD? Saru xi spezzjonijiet minn uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex jiġi żgurat li t-tagħlim qed isir kif suppost?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti isir tagħlim tal-PSD. Fl-iskejjel Sekondarji u tal-Knisja it-tagħlim tal-PSD jibda minn Form 1 sa Form 5. Fil-Form 1 u 2 jieħdu ħmistax-il student filwaqt li fil-Form 3 sa Form 5 kull klassi jkun fiha xi tnax-il student. Fl-iskejjel Indipendenti it-tagħlim isir kif spjegat bħal dak ta' l-iskejjel tal-Knisja ħlief għal tlett skejjel: F'waħda minnhom it-tagħlim isir minn Form 1 sa Form 2, fl-oħra minn Form 1 sa Form 3, filwaqt li fl-aħħar waħda isir tagħlim ta' Soċjoloġija. Informat ukoll li s-sezzjoni ta' l-iskejjel mhux Statali ma rċeviet ebda lment dwar it-tagħlim tal-PSD fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti. Għaldaqstant ma nħassx il-bżonn li jintbagħtu uffiċjali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex jispezzjonaw u jiġi żgurat li t-tagħlim isir kif suppost.

Skejjel — Lezzjonijiet tal-PSD

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm lezzjonijiet tal-PSD fl-iskejjel primarji u dawk sekondarji? Bħala suġġett obbligatorju, il-Ministru huwa sodisfatt b'dak li qed isir fl-iskejjel f'dan il-qasam?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel Primarji, fejn jikkonċerna l-PSD, id-Dipartiment qed jipprova jilħaq l-iskejjel għallinqas darba kull ġimgħatejn. Il-klassijet li l-aktar jingħataw attenzjoni huma dawk mir-raba' sas-sitt sena. Fil-Forms 1 u 2 ta' l-iskejjel Area Secondary u Junior Lyceums, l-istudenti jingħataw żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa. Preżentament, fil-Form III tal-Junior Lyceums, l-istudenti għandhom lezzjoni waħda fil-ġimgħa waqt li fl-iskejjel ta' l-Area Secondary isiru żewġ lezzjonijet fil-ġimgħa. Fil-Forms 4 u 5, kemm fil-Junior Lyceums kif ukoll fl-Area Secondaries, l-istudenti għandhom lezzjoni waħda fil-ġimgħa. Dwar jekk wieħed hux sodisfatt b'dak li qed isir fl-iskejjel f'dan il-qasam, fl-eduazzjoni qatt ma tista' tgħid li int sodisfatt.

Skejjel — Għalliema tal-PSD

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema tal-PSD fid-diversi skejjel ta' l-istat? Kemm hemm fl-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti separatament? Fil-każ ta' l-iskejjel sekondarji tal-knisja u dawk indipendenti separatament, jista' jgħid kemm hemm għalliema u kemm-il student għandhom kull wieħed? Jista' jgħid jekk it-tagħlim f'dawn l-iskejjel sekondarji jibdix minn form 1 u jibqa' sejjer sa form 5?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' għalliema tal-PSD li qegħdin jgħallmu fl-iskejjel ta' l-Istat huwa ta' mija u sebgħa u ħamsin (157) għalliem. Informat ukoll li hemm 45 għalliem li jgħallmu il-PSD fl-iskejjel tal-Knisja, filwaqt li fl-iskejjel Indipendenti hemm 8. Fl-iskejjel sekondarji tal-Knisja, it-tagħlim tal-PSD jibda minn Form 1 sa Form 5. Fil-Form 1 u 2 jieħdu ħmistax-il student filwaqt li fil-Form 3 sa Form 5 kull klassi jkun fiha xi tnax-il student. Fl-iskejjel Indipendenti it-tagħlim isir kif spjegat bħal dak ta' l-iskejjel tal-Knisja ħlief għal tlett skejjel: F'waħda minnhom it-tagħlim isir minn Form 1 sa Form 2, fl-oħra minn Form 1 sa Form 3, filwaqt li fl-aħħar waħda isir tagħlim ta' Soċjoloġija.

Stazzjon Education 22

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu s-sehem tal-ministeru u d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni fl-istazzjon Education 22? Kermm se jkun il-kontibrut finanzjarju għal dan l-istazzjon? Jista' jgħid ukoll min qed jikkontribwixxi biex jittellgħu l-programmi? Kif ġew magħżula u kemm qed jitħallsu?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa Education 22 huwa mmexxi mid-Dipartiment of Further Studies and Adult Education fi ħdan id-Diviżjoni ta’l-Edukazzjoni taħt id-direzzjoni tal-Ministeru responsabbli għall-Edukazzjoni. Fil-preżent il-Ministeru għandu programm imsejjaħ 22am li jixxandar kuljum live bejn id-9.00 u l-11.00 ta’ filgħodu mit-Tnejn sal-Ġimgħa fuq Education 22, bl-ewwel siegħa tkun imxandra wkoll fuq TVM. Kif tħabbar pubblikament, qed nieħu inizjattivi bl-iskop li dan il-kanal jilħaq aħjar l-iskopijiet u l-missjoni tiegħu. Għas-sena finanzjarja 2005, il-vot għall-istazzjon bħala Recurrent funds huwa ta’ Lm 95,000. Education 22 għandu taħlita ta’ Kontributuri minn fost għalliema tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u nies minn oqsma oħra tal-ħajja. L-għalliema jitħallsu b'mod normali filwaqt li l-kontributuri l-oħrajn jitħallsu mill-fondi rikorrenti ta’ Education 22. Il-biċċa l-kbira tal-programmi ta’ Education 22 huma produzzjonijiet inhouse filwaqt li Education 22 jagħmel użu minn outsourcing fil-kamp ta’ l-iffilmjar ta’ attivitajiet on location. Il-ħlasijiet għal outsourcing ivarjaw skond is-servizzi mixtrija u ninsab informat li jsiru kif jitolbu r-regolamenti finanzjarji.

Ħamrun — Skola Adelaide Cini

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol qed isir fl-iskola Adelaide Cini fil-Ħamrun, b'mod partikolari fil-blokk li kien ġie kkundannat ftit aktar minn sena ilu u li allura kellu jaqa'? Jista' jgħid ukoll jekk dan twaqqax u ġie mibni mill-ġdid? Jista' jgħid għal xiex se jintuża dan il-blokk?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol li qed isir fl-Iskola Adelaide Cini, Ħamrun jikkonsisti f'tiswijiet u xogħolijiet oħra strutturali, tibdil ta' aperturi u madum, stallazzjonijiet ta' dawl, ilma u drenaġġ, xogħol ta' tibjid, bdil ta' water-proofing membrane, xogħlijiet għal prevenzjoni mill-għargħar u upgrading tal-playground, procurement ta' għamara u equipment ġdid. Dawn ix-xogħlijiet qegħdin isiru f'diversi blokki ta' din l-iskola. Hemm ukoll il-ħsieb li jiġi stallat 'lift' ġdid. Informat ukoll li għal dak li jirrigwarda il-Blokk B, l-FTS kienet irċeviet rapporti li kien hemm dubju fuq kemm din il-binja kienet strutturalment integra u għalhekk il-Fondazzjoni tat parir lid-Diviżjoni biex tevakwa sakemm isiru l-aċċertazzjonijiet, l-interventi u t-tiswijiet li seta kien hemm bżonn. Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-FTS għamlet dawn l-aċċertazzjonijet u bħalissa qegħdin jitwettqu l-interventi li kien hemm bżonn u x-xogħlijiet ta' tisbieħ sabiex l-iskola terġa tiftaħ f'Settembru 2005.

FTS — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10106, jista' il-Ministru jgħid l-interess ta' min qed jippretendi li jħares meta ma jweġibx din il-mistoqsija meta drabi oħra tkun imwieġba? Jikkonferma li dawn iż-żewġ persuni b'kumbinazzjoni huma miż-Żurrieq?

Response (GALEA, LOUIS)

Jista' jagħti l-każ li l-Onor. Membru qed ikejjel b'xiber il-Partit tiegħu. Jiena fl-ebda mument ma ġejt informat liema impjegati ser jgħaddu mis-settur pubbliku għal ente konċernata. Sirt naf biss li xi ħadd hu miż-Żurrieq wara li saret il-Mistoqsija mill-Onor. Membru.

Skejjel — Karwija - Xogħlijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10169, jista' il-Ministru jagħti lista ta' dawk it-tenders li diġa' ġew pubblikati?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' tenders li ġew ippublikati dwar xogħlijiet li qed isiru jew li ser isiru fl-iskola tal-Karwija.

MEPA — Spezzjonijiet fuq siti ta' korruzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq siti ta' kostruzzjoni s-sena li għaddiet? Kemm-il darba twaqqaf xogħol li kien qed isir? F'liema nħawi u x'kienu r-raġunijiet prinċipali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul is-sena li għaddiet l-uffiċċjali ta' l-infurzar ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għamlu 10,650 spezzjoni (monitoring) fuq deċiżjonijiet li ttieħdu dwar applikazzjonijiet għal żvilupp. Matul l-istess sena, inħarġu total ta' 1,021 Avviż ta' Twettieq.

Imwiet fuq Postijiet tax-Xogħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-2004 u matul din is-sena s'issa, kemm kien hemm imwiet fuq il-postijiet tax-xogħol f'Malta u Għawdex u kemm minnhom kienu fuq siti ta' kostruzzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena 2004 sa llum seħħew 13-il mewt fuq il-postijiet tax-xogħol. 9 minn dawn l-inċidenti seħħew fuq siti ta' kostruzzjoni. Minn dawn id-disa' każ wieħed biss seħħ f'Għawdex.

Skejjel ta' l-Istat — Nuqqas ta' Għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi ta' għalliema bħalissa f'kull livell ta' l-edukazzjoni fl-iskejjel ta' l-Istat? F'liema suġġetti u f'liema skejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa m'hemm l-ebda vakanzi ta' għalliema fl-iskejjel ta' l-Istat.

Ta' Qali — Park

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10143, jista' il-Ministru jgħid x'kien ix-xogħol li sar kull sena mill-2000 fil-park nazzjonali ta' Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fis-sena 2000, sar progress fis-sistema tat-tindif, speċjalment ta’ nhar ta’ Tnejn wara li l-post ikun ġie wżat fi żmiem il-ġimgħa, bħal ‘Carboot Sales’, is-suq tal-monti, kif ukoll ‘fieri’. Kienu ntrodotti diversi ‘picnic tables’ f’siti li jkunu ffrekwentati biex isiru ‘l-picnics’. Fis-sena 2001, sar xogħol f’sit li kien abbandunat u li kif tlestiet l-ewwel fażi tiegħu, ġie organizzat, proprju għall-ewwel darba f’Lulju, il-‘Farsons Beer Festival’.fejn tħawwlu aktar minn 100 siġra tal-Ballut u Prinjol. Fis-sena 2002, ġie rregolarizzat u ri-allokat is-suq tal-monti. Fejn jidħol ippjanar, saru dettalji tal-‘Crafts Village’ il-ġdid, kif ukoll pjanti għall-iżvilupp ta’ diversi partijiet oħra ta’ Ta’ Qali. Fis-sena 2003, tkompla t-tħawwil ta’ siġar fis-sit imsejjaħ ‘Roots Circle’ jew ‘Iċ-Ċirku tan-Nisel’, kif ukoll fil-‘Picnic Area’. Beda xogħol estensiv ukoll bl-inġenji, għall-estensjoni taċ-‘Ċirku tal-Ballut’. Beda wkoll xogħol ta' tisbiħ tan-‘North-West Boundary Road’. Fis-sena 2004, tlesta l-kumplament tal-proġett 'Iċ-Ċirku tal-Ballut’, fejn b’kollox tħawwlu 200 siġra tal-Ballut u 500 siġra oħra fosthom tal-‘Prinjol’, ‘Ta’ Ġuda’ u ‘Ċipress’. Dan ġie uffiċjalment inawgurat mill-Onorevoli Prim Ministru proprju fl-14 ta' Jannar 2005, f''Jum is-Siġar'. F'din l-okkażjoni ġew esebiti l-pjanijiet għall-iżvilupp tal-kumplament ta' Ta' Qali, skond il-proposti mfassla mid-dipartiment tal-Parks, Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja (P.A.R.K.s). Matul l-2004, l-entratura tal-‘Formal Garden’, ġiet ukoll imsebbħa bi tħawwil ta’ aktar minn 200 siġra taċ-‘Ċipress’ u 6,000 pjanti żgħar li jagħmlu l-fjuri. F’żoni oħra bħan-‘North-West Boundary Road’ u l-‘Picnic Area’, ġew imħawlin 150 siġra oħra w 500 arbuxelli. Barra minn hekk, fis-sena 2004, tkompla x-xogħol ta’ manutenzjoni li għal din is-sena kien ikopri mhedda ta’ 103,000 metru kwadru, waqt li nbnew ħitan tas-sejjiegħ li jammontaw għall-1,788 metru.

Fleur-de-Lys — Tiswija fi Triq Prinċipali

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10134 u cioe' jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir mill-ġdid jew almenu ssir manutenzjoni fit-triq prinċipali li mir-roundabout ta’ Fleur-de-Lys tasal sat-traffic ligħts viċin fejn illum hemm l-ufficini ta’ Gasan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 10134.

ADT — Kodiċi ta' Dixxiplina

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10135 u cioe' jgħid meta se joħroġ kodiċi ta’ dixxiplina għax-xufiera, għaliex għalkemm il-ftehim mas-sidien tat-trasport pubbliku sar f’Ottubru għadu ma ħareġ l-ebda kodici ta’ dixxiplina? Jista’ jgħid min huma dawk li qed jaħdmu fuqu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 10135.

Junior College — Laboratorji

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10137 u cioe' jgħid kemm hemm laboratorji għall-użu ta’ l-istudenti fil-junior college fl-Imsida? Kemm intnefqu flus fuq tagħmir ġdid f’dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena mill-1999 ’il hawn? Jista’ jelenka x’tagħmir inxtara?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma laħaqx inġabar it-tagħrif kollu mitlub, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Assoċjazzjoni Sportiva ta' Tigne'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10144 u cioe' jgħid jekk il-kummissarju ta' l-artijiet għamilx verifika tal-kuntratt li bih il-Parlament għadda l-art f'Tigne' lill-assoċjazzjoni sportiva Tigne' fis-sena 1981, sabiex jiżgura li din l-assoċjazzjoni mhux biss għadha teżisti iżda hija wkoll waħda ħajja? Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk din l-assoċjazzjoni tinsabx konformi ma' l-istatut tagħha li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fl-1999? Jekk din l-assoċjazzjoni għadha teżisti, jista’ jgħid kemm mit-30 għaqda sportiva u kulturali li ssemmew fit-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 6063 li saret fit-28 ta' April, 1999 għadhom jeżistu u liema huma? Jekk din l-assoċjazzjoni baqgħet waħda ħajja, jista’ jgħid min huma t-tmien membri li preżentement jiffurmaw il-kunsill ta' tmexxija tagħha, skond kif stipulat fl-istatut li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra u f'liema laqgħa ġenerali dawn ġew eletti u fejn saret? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-reġistru tal-membri ta' l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' sew dawk individwali kif ukoll dawk fuq bażi ta' block membership?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sa Jannar tas-sena 2000, il-Kummissarju tal-Artijiet kien ċert li l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' kienet għadha teżisti u waħda ħajja. Minn dakinhar l'hawn, l-Assoċjazzjoni ma kellha ebda proprjeta' tal-gvern mikrija lilha. Għalkemm minn korrispondenza li għandu l-Kummissarju tal-Artijiet jidher li l-Assoċjazzjoni għadha teżisti, ma jistax jgħid jekk din l-Assoċjazzjoni għadiex ħajja għax ma kenitx topera minn xi proprjeta' tal-gvern. Il-Kummissarju tal-Artijiet ma għandu ebda mezz li jkun jaf jekk l-Assoċjazzjoni tinsabx konformi ma' l-istatut. Imma qabel ma jsir il-ftehim tal-kirja tal-post li inbena bħala alternattiva għall-post ta' qabel, skond kif titlob il-klawsola numru 3(b) tal-ftehim tal-kirja oriġinali, il-Kummissarju tal-Artijiet ser jara li ma inbidel xejn fl-istatut tal-Assoċjazzjoni. Il-Kummissarju tal-Artijiet ma jistax jgħid jekk it-tletin (30) għaqda sportiva u kulturali li semmew fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 6063 li saret fit-28 ta' April 1999 għadhomx jeżistu, għax ma għandu ebda relazzjoni ma' dawn l-għaqdiet. Il-kuntatti u korrispondenza li kellu l-Kummissarju tal-Artijiet mal-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' dejjem saru mal-President u Segretarju tal-Assoċjazzjoni. Il-Kummissarju tal-Artijiet ma għandux ir-reġistru tal-membri tal-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne'. Fil-konvenju li hemm bejn il-Kummissarju tal-Artijiet u l-Assoċjazzjoni datat 28 ta' Jannar 2000, għall-kiri tal-post il-ġdid, l-Assoċjazzjoni kienet iddikjarat li l-kirjiet tal-clubs u/jew soċjetajiet ġew itterminati. Skond dan il-konvenju l-Assoċjazzjoni intrabtet li terġa' tikri lill-clubs u/jew soċjetajiet li qabel kellhom spazju jew faċilitajiet fil-konfini tal-kirja li kellha l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne', dejjem jekk dawn kellhom il-Block Membership Fee imħallsa.