Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar San Luqa — Ambulanzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ambulanzi għad-dispożizzjoni ta' l-isptar San Luqa? Jista' jgħid kemm għandha żmien kull waħda? Hemm xi pjan biex jinxtraw ambulanzi ġodda mgħammra aħjar għall-kumdita' u l-kura tal-pazjenti? Kemm hemm ambulanzi f'Għawdex? Meta kienu nxtraw?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10354. Ninfurmaħ li hemm 5 ambulanzi ordnati. Nitolbu li għar-rigward tas-sitwazzjoni f'Għawdex, jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Imwiet b'Konsegwenza tat-Tipjip

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet kemm mietu nies direttament jew indirettament minħabba t-tipjip? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Jista' jagħti l-istess figuri għal Jannar ta' din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' każijiet ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet matul is-sena 2004 u li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta' 345 mewt f'residenti ta' Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 246 raġel u 99 mara. Il-figuri għall-Jannar għadhom qed jinġabru.

Tniġġis ta' l-arja — Testijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta saru l-aħħar testijiet ta' tniġġis ta' l-arja fid-diversi bliet u rħula Maltin u Għawdxin? Jista' ipoġġi dan ir-rapport fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tmexxi programm ta’ moniteraġġ regolari, magħruf bħala “diffusion tube network”. Dan il-programm huwa mifrux ma’ 40 lokalità f’Malta u 5 f’Għawdex. Dan il-programm ilu għaddej mill-bidu ta’ l-2001 u l-aħħar testijiet qed isiru għall-perjodu Jannar/Frar 2005. Ir-riżultati kollha ser ikunu fuq il-website ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) bħala parti minn “upgrade” tal-website li s-sezzjoni ta’ l-IT qed tieħu ħsieb.

Junior College — Laboratorji

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10397 u cioe' jgħid kemm hemm laboratorji għall-użu ta’ l-istudenti fil-junior college fl-Imsida? Kemm intnefqu flus fuq tagħmir ġdid f’dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena mill-1999 ’il hawn? Jista’ jelenka x’tagħmir inxtara?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — Studenti bid-dyslexia

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10383, jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw biex jingħataw ħin żejjed minħabba d-dyslexia? Dawn kollha ġew aċċettati? Kemm minn dawk li se jingħataw ħin żejjed imorru fl-iskejjel ta' l-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena b'kollox applikaw 69 kandidat biex jingħataw ħin żejjed minħabba d-dyslexia fl-eżamijiet tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola. Minn dawn, 36 ġejjin mill-iskejjel ta' l-Istat, 11 ġejjin mill-iskejjel tal-Knisja, 19 mill-iskejjel Indipendenti u 3 huma kandidati privati. L-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu kkunsidrati mill-Kumitat għall-Studenti bi Ħtiġijiet Speċjali ta' l-Universita'. Il-kandidati ser jingħataw risposta meta jkunu deċiżi l-każi kollha.

Universita' ta' Malta — Lecturers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm lecturers fl-Universita' ta' Malta, kemm full-time kif ukoll part-time? Min huma, x'nazzjonalita' għandhomu u f'liema suġġett qed jagħtu l-lectures? Kemm ilhom lecturers fl-Universita' ta' Malta u kif ġew magħżula?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub jinsab fil-kalendarju li jiġi ppublikat kull sena mill-Universita' ta' Malta. Informat ukoll li l-lecturers jiġu magħżula minn Bord ta' Għażla imwaqqaf apposta mill-Kunsill fuq kriterji stabbiliti fis-sejħa għall-applikazzjonijiet. Il-ħatra ta' lecturers hi magħmula mill-Kunsill ta' l-Universita'.

Kirkop: Skola San Benedittu — Ground

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa flus s'issa l-ground ta' l-iskola primarja San Benedittu ta' Ħal Kirkop?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol li sar s'issa fil-ground ta' l-iskola primarja ta' Ħal Kirkop, bl-iskop li dan iservi wkoll għall-użu ta' diversi dixxiplini sportivi mit-tfal u ż-żgħażagħ ta' Ħal Kirkop, ġie jiswa Lm28,000. Sal-bidu tas-sena skolastika ix-xogħol jitlesta biex it-tfal ikunu jistgħu jużawh.

Enemalta — Kontijiet tad-Dawl

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 9904 u 10352 u cioe', wara li kienet għalqet it-twissija ta’ l-Enemalta fit-30 ta’ Novembru 2004 dwar ħlasijiet pendenti ta’ kontijiet, jista' jgħid kemm–il dar, każin u għaqda ma baqgħux jingħataw is-servizz tad-dawl? F’liema lokalitajiet kienu? Kemm kien hemm persuni li għamlu arranġamenti ma’ l-Enemalta biex il-kont jitħallas bin-nifs?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm tlett mija u tnejn u tmenin każi ta' qtugħ tad-dawl li sar wara t-30 ta' Novembru 2004 f'diversi lokalitajiet. Wieħed u tletin reġgħu ingħataw id-dawl wara li kien sar l-qtugħ tad-dawl. Wara t-30 ta' Novembru 2004 saru tmienja u sebgħin kuntratt.

VRT — Garaxxijiet liċenzjati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn garaxxijiet liċenzjati biex jagħmlu t-testijiet tal-VRT? Kemm-il garaxx itteħditlu l-liċenzja u għal liema raġuni mindu bdew joħorġu dawn il-liċenzji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi hawn 38 garaxxijiet liċenzjati biex jagħmlu l-VRT. Hemm 2 garaxxijiet li ittieħditilhom il-liċenzja. Dan minħabba l-fatt li l-garaxxijiet kisru l-kuntratt li kellhom ma' l-Awtorita minħabba li iċċertifikaw vettutra li ma kinitx tajba għat-triq f'żewġ każi separati għal kull garaxx separatament.

Ċilindri tal-Gass

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ordnati ċilindri tal-gass ġodda? Kemm se jqumu? Minn fejn ġew ordnati?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li: - L-Enemalta għamlet ordni ta' 30,000 ċilindu ta' tnax il-kilo compluti bil-valve u elfejn ċilindru tal-ħamsa u għoxrin kilo. - Dawn ser iqumu total ta' EUROS 620 100. Iċ-ċilindri tat-tnas il-kilo ser jiġu jiswew EUROS 559 500 u dawk tal-ħamsa u għoxrin kilo EUROS 60 600. - Dawn inxtraw mill-kumpanija SMPC tat-tajlanjda.

Diskors tal-budget — Noll tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jimplimenta dak li kien intqal fid-diskors tal-budget u cioe` li l-istudenti jiġu eżenti miż-żieda fin-noll tat-trasport pubbliku u dan anke fid-dawl tal-protesti li l-istess studenti għamlu wara li dawn mhux qed jiġu eżentati skond kif kien tħabbar fl-istess diskors?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, il-miżura kif imħabbra fil-Budget ġiet implimentata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005. Permezz ta’ din il-miżura, l-istudenti li ma jgawdux minn xi forma ta’ stipendju, ma ġewx effettwati miż-żieda fin-noll. Ma kienx hemm żieda fin-nollijiet għall-istudenti li jużaw ir-rotot il-ġodda li bdew joperaw mill-11 ta’ Ottubru, 2004, li jgħaddu minn ħdejn l-Università, kif ukoll rotot 475 u 453 li miċ-Ċirkewwa jgħaddu dirett lejn l-Università.

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Jista' il-Ministru jgħid, issa li twaqqaf kumitat biex jistudja għaliex qed ikun hemm numru ta' studenti li jassentu ruħhom mill-iskejjel, għaliex m'hemmx rappreżentant ta' skola indipendenti fuq dan il-kumitat meta hemm eluf ta' tfal li jattendu dawn l-iskejjel u li wkoll għandhom il-problemi ta' assenteiżmu?

Response (GALEA, LOUIS)

It-Task Force dwar Attendenza Tajba fl-Iskejjel għandha termini ta' referenza li jitolbuha tikkonsulta ma' kull min hu nvolut f'dan is-settur inkluż dawk involuti fl-iskejjel indipendenti. Fiduċjuż li l-membri tas-task force se jagħmlu din il-konsultazzjoni u l-analiżi tagħhom se tirrifletti wkoll dwar l-aspett ta' l-assenteiżmu fl-iskejjel sew tal-knisja kif ukoll dawk indipendenti minbarra naturalment fl-iskejjel ta' l-istat.

Skejjel Indipendenti — Assenteiżmu

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel term ta' din is-sena skolastika kemm kien hemm studenti li assentew ruħhom mill-iskejjel indipendenti? Kemm kien in-numru matul ix-xahar ta' Jannar? Jaf il-Ministru li numru ta' dawn it-tfal imorru għall-btajjel barra minn Malta waqt il-ħinijiet ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skejjel indipendenti li rrappurtaw dawn in-numri ta' studenti li assentaw ruħhom matul l-ewwel term 2004-5 :- Biċ-ċertifikat : 2,337 Skużati bla ċertifikat : 2,633 Mhux skużati u bla ċertifikat : 648 Total : 5,618 Matul ix-xahar ta' Jannar 2005 it-tagħrif huwa hekk :- Biċ-ċertifikat : 1,393 Skużati bla ċertifikat : 1,146 Mhux skużati u bla ċertifikat : 254 Total : 2,793 Ninsab informat li l-ġenituri ta' student li jkollu bżonn isiefer huma obbligati jippreżentaw il-passaport u l-biljett ta' l-arju jew tal-baħar lill-aministrazzjoni ta' l-iskola fejn jattendi jekk il-mawra barra minn Malta tkun ta' tliet ġimgħat jew anqas. L-iskola żżomm kopja ta' dawn id-dokumenti. Jekk il-mawra barra minn Malta tkun se ddum aktar minn tlett ġimgħat, il-ġenituri obbligati javżaw lill-iSchool Social Work Service (SSWS) tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.

Ħlas ta' Liċenzji tal-Vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'arranġamenti aħjar jistgħu jsiru biex dawk li jmorru jħallsu l-liċenzja tal-vettura tagħhom ma jkollhomx joqogħdu fil-queue barra f'xemx jew xita? Jista' jiġi estiż il-ħin li fih jitħallsu l-liċenzji u mhux filgħodu biss? Jista' isir arranġament biex il-ħlas tal-liċenzji tal-vetturi jsiru f'postijiet oħra wkoll?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita' dwar it-Trasport dejjem tfakkar lil dawk il-persuni li ser iġeddu il-liċenzja tagħhom sabiex ma jħallux għall-aħħar tax-xhar u jaħsbu kmieni. Sabiex iġġeded il-liċenzja m’hemmx għalfejn tiġi d-Direttorat personalment iżda tista’ wkoll tuża xi wieħed minn dawn il-metodi. 1. Tibgħat bil-posta lill-ADT l-polza ta’ l-assikurazzjoni flimkien ma’ cheque (u jekk ikun meħtieġ il-VRT test) u tirċievi l-liċenzja mġedda lura bil-posta jew 2. Tawtorizza lill-aġenzija ta’ l-assigurazzjoni biex għan-nom tiegħek tħallas il-liċenzja tal-vettura. Wara nofs inhar l-iskrivana tad-Direttorat jkunu qegħdin jipproċessaw dawk il-liċenzji li jkunu ntbagħtu bil-posta jew li jkunu ġew iddepożitati filgħodu u għalekk s’issa m’hemmx il-ħsieb li niftħu għall-pubbliku wara nofsinhar. Rigward il-ħlas tal-liċenzji f’postijiet oħra l- Awtorita dwar it-Trasport qegħda jkollha diskussjonijiet sabiex jkun hemm metodi u/jew postijiet oħrajn biex is-servizz jiġi estiż.

Ħlas ta' Liċenzji

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx min jingħata trattament preferenzjali, bħal ngħidu aħna sub-agents jew persuni oħra li jaħdmu f'dan il-qasam u li żgur ikollhom iktar minn liċenzja waħda, biex titħallas?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-proċedura li tintuża fil-ħlas tal-liċenzji tal-vetturi fid-Direttorat tal-liċenzji hi li kull persuna jew sub-agentjista' jħallas sa mhux aktar minn tlett liċenzji f'ħin wieħed partikolari. Iżda id-Direttorat joffri servizz lil kull aġent ta' l-insurance u entitajiet oħra li jistgħu jiddepożitaw l-ammont sħiħ ta' liċenzji u dawn jiġu proċessati wara nofs inhar u b'hekk dawn il-persuni jevitaw li joqgħodu jistennew wara nies oħra.

Players Barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta għaqda sportiva tirristrinġi n-numru ta' players/atleti li jiġu minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea milli jieħdu sehem flimkien waqt attivita' kompetittiva u uffiċjali, din l-għaqda tkunx qed tikser il-liġi dwar id-dritt ta' liberta' tax-xogħol u ħelsien ta' moviment? Jista' team ta' football ikollu reġistrati miegħu tmien players li ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u jilgħabhom kollha fl-istess ħin waqt logħba?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa' kelli l-opportunita' ngħid fi tweġibiet għall-mistoqsijiet simili, ma nemminx li hu kompitu tal-gvern jindaħal lil xi assoċjazzjoni sportiva fir-regoli nterni tad-dixxiplina sportiva li taqa' taħtha u dan b'rispett għall-indipendenza u l-awtonomija ta' dawn l-assoċjazzjonijiet li fuq kollox huma entitajiet li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-gvern (NGOs).

Bejgħ/Konsum ta' Alkoħol liż-Żgħażagħ

Question

Tista' il-Ministru tgħid fiex waslu l-istudji tal-gvern dwar il-bejgħ u l-konsum ta' alkoħol liż-żgħażagħ? Hemm ħsieb li tittieħed deċiżjoni qabel is-sajf meta jkun hawn influss ta' studenti barranin u t-tfal tagħna jkunu bil-vaganzi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul l-2003 sar studju fost l-istudenti kollha li kienu jattendu l-aħħar sena ta' l-iskejjel sekondarji f'Malta u Għawdex. Dan l-istudju sar permezz ta' l-Aġenzija sedqa,bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Dan l-istudju, magħruf bħal ESPAD (European School Survey Project on Alcohol and other Drugs), ħadu sehem fih 35 pajjiż Ewropew, u kien taħt id-direzzjoni ta' CAN (The Swedish Council for Information on Alcohol and other Drugs) u l-Pompidou Group tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Dan huwa studju xjentifiku u fost affarijiet oħra jagħti stampa ċara dwar l-użu ta' l-alkoħol fost żgħażagħ ta' sittax il-sena, kif ukoll ġabra ta' informazzjoni dwar kif is-sitwazzjoni fost dawk li ħadu sehem tqabbel maż-żgħażagħ fil-pajjiżi Ewropej l-oħra. Ir-Rapport ta' dan l-istudju, li jiġbor fih ir-riżultati miġbura mill-pajjiżi kollha li ħadu sehem inkluż Malta, ġie ppreżentat lill-istampa f'Diċembru tas-sena l-oħra. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 7343 f'Seduta Nru 165.

Impjegati tal-Gvern — League tal-Football

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma bediex il-league tal-football għall-impjegati tal-gvern? Minn min hu fformat il-kumitat li huwa nkarigat li jorganizza dan il-league?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li din il-ħidma sportiva hi kompletament volontarja ma taqax taħt id-Dekasteru tiegħi għalkemm hi l-intenzjoni tiegħi li ninkoraġġiha.