Wara t-twissija ta' l-organizzazzjoni dinjija tas-saħħa dwar il-possibbilta' li jkun hawn epidemija ta' influwenza magħrufa bħala bird flu, jista' il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tas-saħħa hux qed jieħu xi miżuri ta' prevenzjoni għalli jista' jinqala'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa ħatar Kumitat, li fih jinkludi rappreżentanti mid-Diviżjoni tas-Saħħa u mis-Servizzi Veterinarji, biex jipprepara l-miżuri ta' prevenzjoni w azzjonijiet meħtieġa għal li jista' jinqala' dwar xi epidemija ta' influenza. Dan qed isir skond pjan li ġie mfassal fuq mudelli internazzjonali.
Dan is-suġġett ġie ittrattat ukoll b'mod estensiv f'wieħed mill-Kumitati tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew rapportati każi ta' influwenza s'issa din is-sena? Kien hemm imwiet li ġraw minħabba kumplikazzjonijiet ta' influwenza?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li humabiss ċerti każi ta' influwenza li hemm l-obbligu li jiġu notifikati, ma nistgħux nagħtu n-numru ta' każi ta' influwenza fil-popolazzjoni ġenerali.
Għalhekk, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika waqqaf Influenza Sentinel Surveillance sabiex tinġabar statistika dwar in-numru ta' każijiet ta' influwenza li trid tiġi notifikata.
Malta hija membru-assoċjata tad-Disease Specific Network responsabbli mis-sorveljanza ta' l-influwenza, magħrufa bħala European Influenza Surveillance Scheme (EISS). L-informazzjoni miġbura mill-ħidma tas-Sentinel Surveillance tintbagħat lil din in-Network sabiex jinqasam tagħrif fuq l-attivita' ta' influwenza fl-Ewropa.
Għal dan il-għan, minn dan l-istaġun, 22 tabib qegħdin jipparteċipaw f'dan l-eżerċizzju ta' sorveljanza. It-tabella ta' hawn taħt turi numri ta' każijiet ta' influwenza rraportati skond Case Definition speċifikata.
Il-Ġimgħa
Data Minn
Data Sa
Numru ta' Każijiet
1
03 Jan
09 Jan
35
2
10 Jan
16 Jan
21
3
17 Jan
23 Jan
26
4
24 Jan
30 Jan
48
5
31 Jan
06 Jan
30
6
07 Fra
13 Fra
36
7
14 Fra
20 Fra
55
8
21 Fra
27 Fra
49
L-inċidenza ta' influwenza li tagħti indikazzjoni dwar in-numru ta' każijiet fil-popolazzjoni għadha qed tinħadem.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ċentri tas-saħħa f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid f'liema ħinijiet ikunu miftuħa? Jista' jgħid kemm kien hemm nies li rrikorrew f'kull ċentru fl-2004 għall-kura f'każi ta' emerġenza? Kemm minn dawn il-każi saru matul il-lejl?
Response (DEGUARA, LOUIS)
F'Malta hawn tmien ċentri tas-saħħa u f'Għawdex hemm ċentru wieħed. Il-ħinijiet ta' ftuħ ta' dawn iċ-ċentri huma kif ġej:
Ċentru tas-Saħħa
Ġranet meta ċ-Ċentru ikun miftuħ
Ħinijiet ta' ftuħ
Bormla
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa
Is-Sibt
7.00a.m.- 8.00p.m.
7.00a.m.- 1.00p.m.
Rabat
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa
Is-Sibt
7.00a.m.- 8.00p.m.
7.00a.m.- 1.00p.m.
Qormi
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa
Is-Sibt
7.00a.m.- 8.00p.m.
7.00a.m.- 1.00p.m.
B'Kara
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa
Is-Sibt
7.30a.m.- 3.00p.m.
7.30a.m.- 1.30p.m.
Mosta
Mit-Tnejn sal-Ħadd
24 siegħa kuljum
Floriana
Mit-Tnejn sal-Ħadd
24 siegħa kuljum
Gżira
Mit-Tnejn sal-Ħadd
24 siegħa kuljum
Paola
Mit-Tnejn sal-Ħadd
24 siegħa kuljum
Rabat, Għawdex
Mit-Tnejn sal-Ħadd
7.00a.m.- 8.00p.m.
It-total ta' pazjenti li rrikorrew fiċ-ċentri tas-saħħa matul is-sena 2004 għall-kura f'każi ta' emerġenza matul il-ġurnat u matul il-lejl huwa kif ġej:
Ċentru tas-Saħħa (2004)
7.00a.m-8.00p.m.
8.00p.m.-7.00a.m.
Bormla
10165
nil
Rabat
13464
nil
Qormi
34583
nil
Mosta
27525
6671
Floriana
26770
4329
Gżira
15019
2496
Paola
40436
9769
Rabat, Għawdex
15729
nil
Din l-istatistika ma tinkludix visti ta' emerġenza fid-djar tan-nies.
Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' B'Kara ma jipprovdix servizz ta' emerġenza.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni, irġiel u nisa separatament, li attendew il-korsijiet biex jieqfu mit-tipjip? Kemm fil-fatt waqfu milli jattendu l-kors qabel ma spiċċa? Jista' jagħti l-figuri għas-sena 2004?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Health Promotion Department fi ħdan id-Diviżjoni tas-Saħħa, li jservi bħala riżors ta' informazzjoni u edukazzjoni dwar it-tipjip, jorganiżża wkoll korsijiet biex persuni jieqfu jpejjpu.
Il-figuri mitluba għas-sena 2004 huma kif ġej:
Numru ta' korsijiet organiżżati mid-Dipartiment 25 Numru ta' applikazzjonijiet 448 Numru ta' nisa li applikaw 200
Numru ta' rġiel li applikaw 248 Numru ta' persuni li waqqfu jpejjpu 117 Numru ta' persuni li waqfu milli jattendu l-kors qabel ma spiċċa 110
Numru ta' persuni li ċemplu fuq il-Quitline u one to one counselling: Irġiel 750
Nisa 699
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10148, jista' il-Ministru jagħti d-dettalji għal kull skola separatament, imqassma f'kemm hemm subien u kemm hemm bniet?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux dispost issa li jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dokument li għamlet il-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada dwar l-iskejjel ta' l-Istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li d-dokument issa ser jiġi aġġornat mhux opportun li d-dokument jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal bini ta' skola primarja ġdida f'Pembroke? Meta se jibda x-xogħol fuq din l-iskola u kemm se tiġi tiswa? Jista' jgħid ukoll kemm tista' tkun il-popolazzjoni ta' din l-iskola ġdida?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġibiet riċenti għal mistoqsijiet numri 10452 u 11135.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10373 u cioe' jista' jgħid jgħid kemm applikaw studenti, subien u bniet separatament, biex joqogħdu għall-eżamijiet tal-Matsec - intermediate u avanzat? Kemm hemm mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-knisja u indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm studenti fl-ewwel u fit-tieni sena separatament fis-sixth form tal-kulleġġ ta' St Edwards? Kemm huma barranin u ta' liema nazzjonalita' huma? Kemm huma bniet u kemm huma subien?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti fl-ewwel u fit-tieni sena fis-Sixth Form ta' St. Edward's College hu:
Subien Bniet Total
L-ewwel sena 24 11 35
It-tieni sena 29 10 39
Total 53 21 74
Informat ukoll li hemm 16-il student barrani li huma ta' dawn in-nazzjonalitajiet:
4 Brittaniċi (1 maskil u 3 bniet), 1 Russu, 1 Ungeriż, 1 Filippin, 2 Taljani (maskili), 2 minn Belarus (bniet), 1 Libjan, 2 Bulgari (maskili), 1 Ġermaniża, 1 Korean. Total ta' 10 subien u 6 bniet.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li jgħallmu fis-sixth form tal-kulleġġ ta' St Edwards? Jista' jgħid kemm minn dawn se jispiċċaw bla mpjieg? Peress li hemm minn dawn l-għalliema li jgħallmu wkoll f'sezzjonijiet oħra ta' l-iskola, kif se jinħadem min se jitlef l-impjieg?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Kulleġġ St Edwards hemm 6 għalliema li jgħallmu fis-Sixth Form biss u hemm 23 għalliem li jgħallmu fis-Sixth Form u klassijiet oħra. Peress li l-Kulleġġ hu wieħed privat, m'hinix f'pożizzjoni nipprovdi t-tagħrif għat-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ħlas ta' miżati li jsir mill-istudenti li jattendu s-sixth form tal-kulleġġ ta' St Edwards? Jista' jgħid jekk l-istudenti Maltin u dawk barranin iħallsux l-istess? Studenti li jiġu mill-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropa jħallsu bħal studenti Maltin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kulleġġ St Edwards għandhom skala ta' miżati bbażata fuq il-kwalifiki, li l-kopja tagħha ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Studenti mill-Unjoni Ewropea jħallsu l-istess miżati bħal studenti Maltin. Studenti li huma wlied ġenituri li jiġu minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea iħallsu Lm70 fis-sena aktar.
Jista' il-Ministru jgħid meta se terġa' issir sejħa għall-impjieg ta' għalliema mal-gvern? Kemm huwa stmat li hemm bżonn għalliema u f'liema suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sejħa pubblika għall-impieg ta' għalliema mal-Gvern issir kull sena għall-ħabta ta' April/Mejju. Informat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Operat iħejji l-Classification Exercise fix-xhur ta' Mejju u Ġunju ta' kull sena skolastika. Hu permezz ta' dan l-eżerċizzju li wieħed ikun jaf l-istima ta' kemm hemm bżonn għalliema fl-iskejjel għas-sena skolastika li jkun imiss.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jispiċċaw studenti mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-knisja u dawk indipendenti, subien u bniet separatament, għaliex fi ftit ġimgħat oħra jkunu spiċċaw l-istudji sekondarji tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti fl-aħħar sena ta' l-iskola sekondarja fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti hu:
Subien Bniet Total
Skejjel ta' l-Istat 1747 2015 3762
Skejjel tal-Knisja 806 675 1481
Skejjel Indipendenti 247 192 439
Total 2800 2882 5682
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta sewwieq ta' vettura jirċievi ċitazzjoni bil-posta fejn jingħad li ġie osservat jikser regolament tat-traffiku wara sorveljanza ta' CCTV, għandux jirċievi wkoll ir-ritratt fejn juri dan il-ksur tar-regolament? Is-sewwieqa għandhom ikunu jafu fejn hemm dawn il-cameras jew din hija ħaġa sigrieta u allura żgur mhux mezz ta' prevenzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat (li amministrazzjoni ta' dawn iċ-ċitazzjonijiet hija f'idejn il-Kunsill Lokali infushom) li għalkemm maċ-ċitazzjoni bil-posta ma jintbagħatx ir-ritratt meħud mis-CCTV, kopja tiegħu tiġi esebita fit-Tribunal ma' l-atti waqt is-smiegħ tal-każ.
Nixtieq inżid li jekk is-sewwieq tal-vettura jkun irid jara r-ritratt, dan jista' jagħmlu billi jmur għand l-aġenzija tal-Gwardjani Lokali u jippreżenta l-karta ta' l-identita' tiegħu.
Ir-ritratt ma jintbgħatx bil-posta minħabba r-restrizzjonijiet imposti bil-liġi tal-Protezzjoni u Privatezza dwar id-Data.
Jien infurmat ukoll li kull fejn hemm CCTV, hemm tabelli li jindikaw li l-area partikolari hija sorveljata minn CCTV.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar u pjanti madwar Malta u Għawdex fis-sena li għaddiet (2004)? Ta' liema għamla kienu? Kemm minn dawn is-siġar u pjanti nzertaw fid-diversi skejjel f'pajjiżna? Jista' jelenka liema kienu dawn l-iskejjel u x'siġar u pjanti tħawlu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija għada qed tinġabar l-informazzjoni. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Membru jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjani hemm biex matul din is-sena finanzjarja (2005) jitħawlu siġar u pjanti fi skejjel f'pajjiżna? Kien hemm talbiet minn skejjel individwali u liema huma l-iskejjel konċernati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija Parlametari lill-Ministru kkonċernat.
Wied il-Għajn — Triq Mintba - vultaġġ baxx ta' dawl
Question
Jista' il-Ministru jistħarreġ jekk hemmx xi problemi marbuta ma' vultaġġ baxx jew inkella xi tip ta' problema oħra marbuta mad-dawl fejn tidħol distribuzzjoni tiegħu fi Triq Mintba, Wied il-Għajn, speċjalment qrib l-aħħar sitt idjar fejn jidher li hemm xi wire żgħir li qed jissupplixxi l-elettriku?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-każ qiegħed jiġi nvestigat flimkien ma' każi oħra simili.
Ħaż-Żabbar — Triq li tinsab ħdejn il-Mina ta' Hompesch
Question
Jista' il-Ministru jara li tinstab soluzzjoni għat-triq li tinsab bejn il-Mina ta' Hompesch u l-mitħna ta' Ħaż-Żabbar minħabba li kull meta tagħmel ix-xita din dejjem iżżomm ħafna ilma? Jikkonsidra li din it-triq issir mill-ġdid minħabba li jidher li kif inhu l-istat tagħha fil-preżent huwa ħażin ħafna?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tagħmel xogħol ta' manutenzjoni temporanja fuq is-sistema tal-culverts u qed isir patching tat-triq. Din it-triq tifforma parti minn network ta' toroq arterjali u distributorji. Preżentament qed jiġi mhejji pjan sabiex dan in-network jiġi mtejjeb.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet tal-kulleġġ ta' St Edwards informawx lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li ddeċidew li jagħlqu s-sixth form fl-aħħar tas-sena skolastika fl-2005/06? Jekk fl-affermattiv, meta sar dan ? Jaf il-Ministru li ftit jiem ilu l-ġenituri ta' l-istudenti kollha li jattendu dan il-kulleġġ irċevew ittra fejn intqal li minn Settembru li ġej mhux se jiġu aċċettati studenti għall-ewwel sena tas-sixth form?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tweġiba għall-ewwel parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv filwaqt li t-tweġiba għat-tieni parti hi fl-affermattiv.