Legislature:
Category:
Reset
Active:

ADT — Impjegat

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta bdiet tiġi mqabbda taħdem xogħol ma' l-ADT il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u x'xogħol qed tagħmel?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Impjegati tal-gvern — League tal-football

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 10769, jista' il-Ministru jgħid x'wassal biex ikun hemm bidla meta l-ministri preċedenti qatt ma rraġunaw b'dan il-mod? Jista' jgħid ukoll allura taħt liema dekasteru taqa' meta l-isport jaqa' f'dan id-dekasteru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Malta Employees Sports Association hija ente mhux governattiva awtonoma bl-istatut u l-amministrazzjoni tagħha. Ir-relazzjoni tal-Ministeru responsabbli għall-isports ma' din l-assoċjazzjoni għandha tkun fuq l-istess livell tar-relazzjonijiet ma' assoċjazzjonijiet sportivi oħra.

AFM — Rekluti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se terġa' ssir sejħa għad-dħul ta' rekluti fl-Armata? Kemm hu n-numru totali ta' nies fl-Armata? kemm hemm vakanzi f'kull rank?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fil-21 ta’ Marzu 2005 bdew l-ingaġġ tagħhom 30 suldat ġdid fl-Armata, u għalhekk ma jidhirx li hu possibbli li jsir reklutaġġ ieħor qabel jgħaddi ċertu żmien. In-numru totali ta’ nies fl-Armata bħalissa huwa 1609, fil-waqt li n-numru ta’ vakanzi f’kull rank huwa dan: Kurunell 1 Logutenent Kurunell 1 Maġġuri 8 Kaptani 1 Logutenenti 23 Warrant Officers 44 Sergeants u Staff Sergeants 102 Bombardiers u Lance Bombardiers 119 Gunners 241

Skejjel ta' l-Istat — Ċentri tal-Komunita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'mod ġenerali x'inhuma d-diffikultajiet sabiex l-iskejjel primarji u sekondarji ta' l-Istat ikunu verament ċentri tal-komunita' kif hemm stabiliti fl-aħħar mill-aħħar fl-istess kurrikulu nazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li diġa' għandna diversi skejjel li jintużaw bħala ċentri tal-komunita' fejn qed jiġu organizzati attivitajiet edukattivi kemm mill-iskejjel stess, mid-Diviżjoni, mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi kif ukoll minn entitajiet non-governattivi. Dawn l-attivitajiet huma mmirati lejn studenti, ġenituri u adulti in ġenerali u jkopru firxa wiesa' ta' suġġetti.

FTS — Żejtun - Skejjel Primarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada sal-lum għadha m'għamlitx xogħol mitlub fl-iskejjel primarji A u B taż-Żejtun, speċjalment fejn jidħlu alterazzjoniijet fil-bibien minfejn isir id-dħul, kif ukoll titjib ġenerali ieħor bħal tibjid u toilets ġodda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol qed jiġi konsidrat.

Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastiċi

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-istatut ta' l-assoċjazzjoni tal-kunsilli skolastiċi?

Response (GALEA, LOUIS)

Waqt li l-Kunsilli ta' l-Iskejjel jaqgħu taħt il-liġi ta' l-Edukazzjoni u huma aġġornati permezz ta' l-Avviż Legali 135 ta' l-1993, l-Assoċjazzjoni Kunsilli ta' l-Iskejjel hi assoċjazzjoni volontarja u mhiex parti minn struttura governattiva.

Tempji Megalitiċi — Proġett

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsir xi tip ta' proġett jew żvilupp fil-viċinanzi tat-tempji megalitiċi ta' l-Imnajdra u Ħaġar Qim jew fl-area tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) żżomm din it-tip ta’ informazzjoni dwar applikazzjonijiet kif rikjesta mill-Onor. Interpellant fuq is-sistema ta’ l-informatika tagħha u li hija aċċessibbli mill-pubbliku.

Xiri/Bdil ta' Art mill-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin - mill-1999-2005 - kemm sar bdil ta' art bejn il-gvern u l-privat? Min kienu l-owners u f'liema lokalitajiet? Jista' jgħid ukoll kull biċċa art x'valur kellha meta ġiet valutata? Mingħand min ħa l-art il-gvern u xi proċedura ntużat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn in-1999 u llum kien hemm disa’ drabi fejn sar tpartit ta’ art tal-Gvern ma’ art ta’ sidien privati. Id-dettalji ta’ kull kaz huma kif gejjin: 1. Art tal-Gvern fl-Iklin u fin-Naxxar valutata għal Lm1,127 ma’ art fl-Iklin valutata għal Lm1,057, proprjeta’ Ekkleżjastika. Dawn il-proprjetajiet ġew valutati skond l-Artiklu 10(3) tal-Ftehim bejn is-Santa Sede u l-Gvern ta’ Malta. 2. Art tal-Gvern fil-Fgura valutata għal Lm25,000 fis-17 ta’ Awissu 1999 ma' art fil-Fgura valutata għal Lm20,344, proprjeta’ ta’ Landscape Properties Ltd. 3. Art tal-Gvern fil-Qawra valutata għal Lm60,000 fid-29 ta’ Novembru 1999 ma' art fl-Imrieħel valutata għal Lm52,800 proprjeta’ ta’ Easysell Properties Ltd. 4. Art tal-Gvern f'San Pawl il-Bahar valutata għal Lm44,000 fit-3 ta’ Jannar 2001 ma' art f’San Pawl il-Baħar valutata għal Lm42,148.70, proprjeta’ ta’ Salvatore, Carmela, Francesca u Antonio Debono. 5. Art tal-Gvern f’San Giljan valutata Lm180,000 fit-2 ta’ Mejju 2001 ma' art f’San Ġiljan valutata Lm193,500 proprjeta’ ta’ Fairsights Developments Ltd. 6. Art fil-limiti ta’ Victoria, Għawdex valutata Lm50,000 fil-21 ta’ Marzu 2000 ma' art f’Victoria, Għawdex valutata Lm50,000, proprjeta’ tal-Kurja t’Għawdex. 7. Id-dirett dominju temporanju ta’ tlett propretajiet tal-Gvern f’tas-Sliema valutati Lm50,000 fis-26 ta’ Diċembru 2002 ma' art fl-Imsida valutata Lm40,729, proprjeta’ ta’ Vassallo Builders Group Ltd. 8. Art tal-Gvern fil-Mellieħa, Mqabba, Naxxar u Birkirkara globalment valutati għal Lm1,738 ma' diversi biċċiet ta’ art f’Birżebbuġia, Naxxar, Gudja u San Pawl il-Baħar valutati għal Lm1,842, proprjeta’ Ekkleżjastika. Dawn il-proprjetajiet ġew valutati skond l-Artiklu 10(3) tal-Ftehim bejn is-Santa Sede u l-Gvern ta’ Malta. 9. Art tal-Gvern f’Victoria Għawdex valutata għal Lm400,000 fil-15 ta’ Marzu 2004 ma' proprjeta’ Marsalforn, Għawdex valutata għal Lm274,800, proprjeta’ ta’ Emvic Ltd. Dan it-tpartit jista' jsir biss fil-kuntest ta' ħlas ta' kumpens għal esproprijazzjoni jew taħt il-Ftehim bejn il-Gvern u s-Santa Sede.

Liċenzji tas-Sewqan

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul is-sena 2004 sal-lum xahar b'xahar, kemm kienu l-persuni li għamlu t-test għal-liċenzja u kemm weħlu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' persuni li għamlu it-test tal-liċenzja u kemm weħlu matul is-sena 2004 sa Jannar 2005 xhar b'xhar huwa kif jidher hawn taħt:- STATISTIKA EŻAMI TAS-SEWQAN JAN-DIĊ 2004, JAN 2005 (MALTA U GĦAWDEX) Drivng Tests Carried Out Failed Test 2004 Jannar 514 48 Frar 405 18 Marzu 618 30 April 729 53 Mejju 289 151 Ġunju 340 145 Lulju 405 172 Awissu 521 296 Settembru 463 246 Ottubru 593 377 Novembru 668 485 Diċembru 654 382 TOTAL 6199 2403 2005 Jannar 699 282

OPM — Konsulenti

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Pensjonijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' pensjonanti bħalissa? Kemm hu stmat li se jirtiraw bil-pensjoni matul din is-sena? X'inhi s-somma globali li titħallas mill-Istat għall-pensjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija — Postijiet ta' Divertiment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk membri tal-korp tal-pulizija jissorveljawx l-organizzazzjoni ta' attivitajiet li jsiru f'bars, diskoteki, eċċ., biex ikun żgurat li ma jkunx hemm żgħażagħ taħt l-eta' li qed jattendu u anke jixorbu xorb alkoħoliku, kif ukoll biex jaraw li ma jsirx tipjip fejn hu pprojbit mil-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet fi ħwienet tax-xorb u postijiet ta' divertiment, għalkemm kif wieħed jista' japprezza huwa impossibli li dawn isiru f'kull post f'kull ġurnata. Fil-fatt, ninsab infurmat illi b'riżultat ta' dawn l-ispezzjonijiet matul is-sena l-oħra inbdew 28 każ ta' proċeduri kriminali kontra 23 persuna responsabbli minn postijiet ta' divertiment li fihom instabu 96 persuni taħt is-sittax-il sena, filwaqt li kien hemm 4 persuni oħra li nbdew proċeduri kriminali kontra tagħhom talli biegħu xorb alkoħoliku lill-persuni taħt l-eta'. Kien hemm ukoll 45 persuna li tressqu fuq ksur tar-regolamenti l-ġodda dwar it-tipjip.

Pulizija — Paceville - Post ta' Divertiment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija kenitx taf li nhar il-Ġimgħa 25 ta' Frar f'post ta' divertiment f'Paceville - ismu qed jintbagħat separtament - ġie organizzat disco li għalih attendew mijiet ta' żgħażagħ li fil-maġġoranza tagħhom kienu taħt l-eta'? Jista' l-Viċi Prim Ministru jinnota li anke d-dj - ismu qed jintbagħat separatament - għandu biss 14-il sena? Il-pulizija ħadu xi passi? Jekk iva, x'għamlu? Jekk le, għaliex? Peress li dawn il-parties jiġu organizzati b'mod regolari, tista' issir sorveljanza aktar stretta mill-pulizija biex ma tkomplix tinkiser il-liġi b'mod sfaċċat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li għalkemm il-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet fi ħwienet tax-xorb u postijiet ta' divertiment, naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza li huwa impossibli li dawn isiru f'kull post f'kull ġurnata. Fil-każ imsemmi, il-Pulizija ma kellix tagħrif li kellu jkun hemm dan id-disco. Minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija ġie stabbilit li dakinhar kien ġie organizzat disco minn studenti ta' sixth form ta' skola lokali fil-post imsemmi li huwa liċenzjat bħala bar li jista' jibqa' miftuħ sa l-4.00am u mhux bħala post ta' divertiment. Għaldaqstant ser jittieħdu l-passi skond il-liġi.

Skejjel li jgħallmu l-Ingliż

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm bħalissa applikazzjonijiet għall-ftuħ ta' skejjel biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Jista' jgħid minn min saret kull applikazzjoni? F'liema lokalita' u meta saret kull applikazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa hemm applikazzjoni waħda tal-5 ta' Ottubru 2004 għall-ftuħ ta' skola f'B'kara fejn jgħallmu l-Ingliż lill-barranin.

Skejjel li jgħallmu l-Ingliż

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru żjarat minn uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin fl-2004 u s'issa din is-sena? Instabu xi għalliema li ma kellhomx il-kwalifiki meħtieġa biex jgħallmu s-suġġett? Instabu xi nuqqasijiet oħra? Liema kienu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul l-2004 saru sebgħa u ħamsin (57) żjara minn uffiċjali tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjieg fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż. S'issa din is-sena saru erba' żjarat. Fil-perjodu bejn Lulju 2004 u Awissu 2004 xi għalliema ma kellhomx il-permess aġġornat u għalhekk kemm huma kif ukoll l-iskejjel konċernati ġew ordnati sabiex jirregolarizzaw il-posizzjoni tagħhom. Sar rapport fuq kull skola u fl-ebda wieħed minn dawn ir-rapporti ma jidher l-ebda nuqqas serju.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni tal-Kuwait

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ġie miftiehem mal-ministeru ta' l-edukazzjoni tal-Kuwait fi żjara li dan ta' l-aħħar għamel ġewwa pajjiżna? Jista' jgħid kif dan issa se jissarraf f'benefiċċju għall-istudenti Maltin?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Gvern tal-Kuwait u l-Gvern Malti ffirmaw programm eżekuttiv fl-oqsma tal-kultura, edukazzjoni w xjenza għal dawn it-tlett snin li ġejjin (2005-2007). Iż-żewġ Ministeri qed jikkonsidraw it-twaqqif ta' Joint Technical Working Group biex ikomplu jiġu konsidrati diversi proposti konkreti li ġew diskussi miż-żewġ naħat.

Studenti — Eżamijiet tas-SEC

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10375 u cioe' jgħid kemm applikaw studenti, subien u bniet, kemm mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-knisja u indipendenti, għall-eżamijiet tas-SEC li se jsiru minn April 'il hemm?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti — Eżamijiet

Question

Jista' il-Ministru issa jirrispondi mistoqsija parlamentari 10379 u cioe' jgħid kemm se joqogħdu studenti għas-suġġetti intermediate u avanzati fl-eżamijiet li se jsiru fix-xhur li ġejjin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li ser jersqu għall-eżamijiet fil-livell Avvanzat u l-livell Intermedju huwa 3753, mqassmin kif jidhru hawn taħt: a. 2452 student li ser jersqu għall-eżami taċ-Ċertifikat tal-Matrikola, b. 1115 student li ser jersqu għal xi suġġett fil-livell Avvanzat biss, ċ. 186 student li ser jersqu għal xi suġġett jew suġġetti fil-livell Avvanzat u/jew fil-livell Intermedju. L-istudenti fil-kategorija (ċ) jinkludu studenti li weħlu għal ftit mill-eżami taċ-Ċertifikat tal-Matrikola s-sena l-oħra (Narrowly failed), jew li għandhom iċ-Ċertifikat iżda jixtiequ kwalifika oħra biex jidħlu f'xi kors partikolari (Special Course Requirement), jew studenti mill-kors tal-Banking fl-MCAST.

Marsascala — Triq il-Bajja

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata Triq il-Bajja, kantuniera ma' Triq Santa Marija, ġewwa Marsascala anke minħabba l-fatt li hemm nies li ilhom joqogħdu hemm għal madwar 20 sena kif ukoll minħabba li hija mibnija kollha?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport qed ihejji programm ta' xogħlijiet meħtieġa. Din il-parti li għad fadal mit-triq ser issir skond il-prijoritajiet li joħorġu minn dan il-programm.