B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10779, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bdewx il-proċeduri biex jimtlew il-vakanzi ta' supritendenti u spetturi fil-korp tal-pulizija? Xi proċeduri jridu jsiru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-vakanzi ta' Supretendenti u Spetturi fil-Korp tal-Pulizija isiru wara li ssir sejħa għall-applikazzjoni. Din is-sejħa għall-applikazzjonijiet għadha ma saritx.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' extra (fi flus) li għad irid jitħallas lill-membri tal-korp tal-pulizija li jkunu għamlu dan ix-xogħol extra fl-2004? Jista' jagħti breakdown tal-figuri mqassma f'ranks? Hemm xi ħlasijiet pendenti mis-snin ta' qabel? Jekk fl-affermattiv, kemm huwa l-ammont totali? Dan ifisser li l-pulizija ndividwali għadhom qed jistennew biex jitħallsu?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa’ kelli l-okkażżjoni nispjega, is-servizz ta’ extra duty isir fuq talba ta’ terzi. Għaldaqstant sabiex isir il-ħlas lill-membri tal-Korp l-ammont dovut irid l-ewwel jinġabar minn għand min ikun għamel it-talba. Infurmat ukoll illi l-ħlasijiet skond ir-rank ta’ extra duty li nħadmet matul is-sena 2004 u li għadu pendenti huwa kif ġej:
Assistent KummissarjuLm871
SupretendentLm1,195
SpetturLm1,656
SurġentLm9,937
KuntistabbliLm29,901
Infurmat ukoll illi għad hemm Lm1,400 pendenti mis-snin ta’ qabel.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema skejjel qiegħed isir xogħol bħalissa ta' manutenzjoni u/jew xogħol ieħor? Jista' jgħid x'inhu x-xogħol li qiegħed isir u kemm jiswa f'kull każ? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u ma laħaqx wasal fl-uffiċju tiegħi, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Peress li xi membri tal-korp tal-pulizija ilhom xhur sħaħ ma jitħallsu tax-xogħol extra li għamlu waqt logħbiet tal-football, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hija s-somma globali li trid titħallas? Meta sar l-aħħar ħlas? X'inhu jsir biex il-ħlasijiet isiru u li 'l quddiem isiru b'mod regolari?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għad trid tinġabar is-somma ta' Lm23,916 għal servizz ta' extra duty maħdum minn membri tal-Korp tal-Pulizija waqt logħbiet tal-football. Infurmat ukoll illi l-aħħar ammont kien inġabar f'Ottubru tas-sena l-oħra għas-servizz provdut f'Malta, filwaqt li għal dak f'Għawdex sar f'Marzu ta' din is-sena.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex għadha ma saritx il-ħatra ta' surġenti maġġuri fil-korp tal-pulizija? Meta saru l-interviews għal dawk is-surġenti li applikaw? Jista' jgħid jekk ħarġitx il-lista ta' ordni li fih ġew is-surġenti wara l-interview?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dawn il-ħatriet isiru meta u kif ikunu jippermettu n-neċessitajiet in ġenerali tal-Korp tal-Pulizija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mill-ġenituri tas-648 studenti li fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 10784 jingħad li kienu assenti mill-iskejjel indipendenti bla ċertifikat u mhux skużati ttieħdu passi kontrihom bil-qorti? X'ġara dwar dawk il-ġenituri tal-254 studenti li fallew l-iskola mingħajr raġuni valida f'Jannar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ebda waħda mill-iskejjel konċernati ma avżat li kien hemm ksur ta' provedimenti ta' l-edukazzjoni obbligatorja u għaldaqstant ma kienx il-każ li jittieħdu passi skond il-liġi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10798 u cioe' jista' jgħid jekk itteħdux passi ulterjuri dwar il-każ taċ-ċilindri tal-gass li kienu ġew ordnati u nstabu li kienu difettużi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti mill-iskejjel kollha ta' Malta li mhux qed jattendu l-iskola b'mod regolari għaliex koperti minn ċertifikat mediku? X'tip ta' mard qed isofru minnu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-sena skolastika 2004/2005 in-numru ta’ studenti mill-iskejjel ta’ l-Istat li mhux qed jattendu l-iskola b’mod regolari għaliex huma koperti minn ċertifikat mediku huwa ta’ 313.
Informat li l-informazzjoni mitluba dwar skejjel mhux statali filwaqt li tinżamm mill-iskejjel konċernati ma tinżammx mid-Divizjoni ta’l-Edukazzjoni.
Miċ-ċertifikati mediċi jirriżulta li l-kondizzjonijiet mediċi ivarjaw u jinkludu lukemja, brain tumor, pneumonia, bone marrow tumor, anxiety, school phobia, scoliosis, URTI, influenza, recovery from surgery, bronchial asthma, migraine, tonsillitis, bronchitis and gastric flu, respiratory problems, bone complication, heart, persistent headaches/psychotic disturbances, medical treatment, minicore disease, hypersensitivity disorder, viral infection, hysterical bouts, headache/backache, renal colic, leg injury, being investigated in hospital, acute enteritis, colon problems- through negligence, global development delay and recurrent infections, wheelchair case care by St Luke’s Hospital, chest cold, renal problems, anxiety neurosis, adjustment disorder and identity crisis, school refusal with identity crisis, abdominal colic, psychological reason, shoulder burn, kidney infection, hospitalization (England), epilepsy, undergoing chemo therapy, cerebral palsey with epilepsy, dyspepsia, chronic constitutional upset, chest infection, pregnancy and dymenonbrea/ABO.
Jista' il-Ministru jgħid x'koperazzjoni hemm bejn l-uffiċjali tad-dipartiment tas-saħħa u uffiċjali tal-pulizija dwar l-infurzar tal-liġi tat-tipjip fi stabbilimenti ta' l-ikel u postijiet oħra? Meta se tidħol fis-seħħ il-liġi sħiħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-liġi dwar tipjip fi stabbilimenti ta' l-ikel u postijiet oħra diġa' hija fis-seħħ, skond l-istess Att. Iżda ingħata żmien sal-5 ta' April 2005 biex l-istabbilimenti li huma inqas minn 60 metri kwadri jikkonformaw ma' l-istess Liġi.
Dwar l-infurzar, uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jagħmlu spezzjonijiet dwar il-konformi mal-Liġi, tas-smoking rooms f'tali stabbilimenti, waqt li l-pulizija jieħdu passi kontra tipjip illegali.
Infurmat li spezzjonijiet konġjunti jsiru bejn uffiċjali taż-żewġ dipartimenti kif u meta jkun hemm bżonn.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10800, jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb dwar l-imwiet mit-tipjip f'Jannar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' każijiet ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' Imwiet matul Jannar ta' din is-sena u li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi, huwa ta 37 mewt f'residenti ta' Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 26 raġel u 11-il mara.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10600, jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul f'termini ta' flus, għall-istess snin fil-gżira ta' Għawdex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kif ġie indikat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 10600, nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ċifri dwar id-dħul f'termini ta' flus mis-settur tat-turiżmu jinżammu għal Malta u Għawdex flimikien. Għaldaqstant, ċifri uffiċjali għal Għawdex waħdu ma jeżistux.
Jista' il-Ministru jikkonferma li f'Diċembru 2004 tlesta rapport dwar il-finanzjament tal-qasam tas-saħħa f'pajjiżna, b'mod speċjali fuq il-ħlasijiet li jridu jagħmlu ċ-ċittadini biex jużaw is-servizzi ta' l-isptarijiet biex is-servizz offrut jibqa' sostenibbli? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jekk l-Onor. Membru qiegħed jirreferi għar-rapport magħmul minn nies tekniċi tal-MCESD, liema rapport għadu jrid jiġi diskuss bejn il-partijiet soċjali fl-MCESD, ninfurmaħ li r-rapport għadu ma ġiex approvat mill-Gvern.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-gvern se jippubblika l-white paper dwar ir-riformi li hu maħsub isiru f'pajjiżna fuq il-qasam tas-saħħa? Jista' ipoġġi kopja ta' din il-white paper fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Membru li ġie deċiż li ma tiġi pubblikata l-ebda white paper dwar il-qasam tas-Saħħa.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata l-faċċata ta' l-iskola primarja ta' Sant'Iermu tal-Belt Valletta u dan anke fid-dawl li numru ta' postijiet fil-Belt qed jiġu restawrati u kkurati fosthom l-examination centre li jmiss ma' l-istess skola u allura t-telqa fil-faċċata ta' din l-iskola tidher aktar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan il-proġett, bħal diversi xogħolijiet u proġetti oħra meħtieġa fl-iskejjel tal-Gvern, qiegħed fi programm ta' xogħolijiet li jitwettqu fuq perjodu ta' żmien.
Wied il-Għajn — Skola primarja - xogħol ta' kostruzzjoni
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qed isir xogħol ta' kostruzzjoni waqt il-ħin ta' l-iskola primarja ta' Wied il-Għajn u dan b'periklu ċar kemm għat-tfal kif ukoll għall-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Evidentement l-Onor. Membru ipprefera jagħmel ġudizzju negattiv u bl-addoċċ dwar "periklu ċar" bla ma ivverifika l-fatti. Meta jagħmel hekk l-Onor. Membru ikun jaf li mhux qed jagħmel ġid. L-Onor. Membru jaf li jien inqis il-kritika u s-sorveljenza ġenwina u korretta fuq l-operat tad-dekasteru tiegħi bħala essenzjali u tgħin biex il-poplu jkollu servizzi aħjar.
Iżda f'dan il-każ informat li ma hemm l-ebda periklu fix-xogħol li qed isir f'din l-iskola. Ix-xogħol li qed isir bħalissa huwa 'l ġewwa mill-opramorta eżistenti ta' l-iskola u l-ġewwa mill-kuritur propost. Il-materjal qed jittella' wara l-ħin ta' l-iskola. Dan ix-xogħol qed isir b'koordinament mal-kap ta' l-iskola u mas-Sindku ta' Wied il-Għajn, fuq program ta' xogħol maqbul magħhom. Tajjeb inżid li x-xogħol li, fiż-żmien minn meta l-Onor. Membru għamel il-Mistoqsija, xogħol ta' kostruzzjoni li kien stmat li jieħu tliet xhur, twettaq f'xahar biex il-bini u s-saqaf ta' sebgħa klassijiet u żewġ toliets huma kważi lesti. B'hekk qiegħdin f'pożizzjoni li f'Settembru li ġej din l-estenzjoni ġdida fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn tilqa' t-tfal u l-għalliema f'ambjent ġdid u sabiħ. Issa qed isir ix-xogħol biex jibda l-bini ta' kindergarten ġdida għal din l-iskola.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandhom ħaddiema l-kunsilli lokali fil-preżent separatament għal kull kunsill? Jista' jgħid ukoll kemm kellhom kull kunsill qabel ma tnaqqsulhom il-ħaddiema? Jista' jgħid ukoll dawn il-ħaddiema fejn qed jaħdmu issa li m'għadhomx mal-kunsilli lokali?
Response (BORG, TONIO)
Għandi nifhem li l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-ħaddiema assenjati mal-Kunsilli Lokali.
Il-ħaddiema assenjati fil-preżent huma ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u l-ħaddiema ta’ l-ex-Tarznari (IPSL).
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm hemm fil-preżent minn dawn il-ħaddiema ma’ kull Kunsill Lokali u kemm kien hemm ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura f’kull Kunsill qabel ma ssejħu lura.
Dwar fejn qed jaħdmu l-ħaddiema li ssejħu lura, nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 10825.
Jista' il-Ministru jara li siġra li hemm fl-entratura ta' l-iskola primarja Santa Monika, Raħal Ġdid u li tinsab f'kantuniera bejn Triq Santa Monika u Triq San Ġużepp tinqala' minħabba li qed tagħmel ħsara lill-istudenti ta' l-istess skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-Taqsima tal-Ġardinara tad-Diviżjoni qed tieħu ħsieb dan il-każ.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada dwar il-problema marbuta mas-supply tad-dawl fl-iskola primarja B, Dun Ġorġ Preca li tinsab fil-Ħamrun?
Jista' jgħid ukoll meta se jitwaħħlu r-railings li kienu ġew mitluba s-sena li għaddiet, qabel ma jinqala' xi inċident u wara jkun tard wisq?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta' Għada għamlet stallazzjonijet ta' l-elettriku li kienu meħtieġa fl-imsemmija skola, kif ukoll bniet 'substation' ġdid fl-inħawi ta' l-iskola. Jonqos issa li l-Korporazzjoni Enemalta tqiegħed l-apparat ta' l-elettriku fis-'substation' biex fl-iskola jkun hemm kurrent qawwi biżejjed għal ħtiġijiet ġodda taż-żewġ skejjel li flimkien jiffurmaw il-bini kollu ta' dan il-kumpless. Il-Fondazzjoni tinsab informata li l-Enemalta ppjanat li tkun lestiet ix-xogħol kollu meħtieġ sa nofs Mejju 2005.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, informat ukoll li dan ix-xogħol huwa wieħed minn diversi xogħolijiet u proġetti oħra li l-FTS qegħda tikkonsidra li tagħmel u li għalihom irid isir programm biex dawn isiru fuq perjodu ta' żmien.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Enemalta sabiex is-sitwazzjoni tas-supply ta' l-elettriku fl-iskola primarja B, Dun Ġorġ Preca, Ħamrun tiġi rranġata? Jista' jgħid ukoll meta l-Enemalta kienet informata b'din is-sitwazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li f'Ġunju tal-2004 l-FTS għaddiet kamra lill-Enemalta biex din tkun tista' tintuża bħala substation biex tiġi estiza it-talba għal l-elettriku. Ix-xogħol kien inbeda fl-Lulju tat-2004 u ġie nterrot minħabba xogħolijiet oħra. Huwa mistenni li issa ix-xogħolijiet neċessarji jitlestew fl-aħħar ta' April ta' din is-sena.