Wara li dan l-aħħar bosta skejjel irċevew ittra li kellhom flus imnaqqsa mill-allokazzjoni li kellhom, jista' il-Ministru jgħid liema kienu l-iskejjel li tnaqqsulhom il-flus u kemm ġew imnaqqsa fondi għal kull skola separatament? X'kienet ir-raġuni għal dan it-tnaqqis?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-vot tal-"materials and supplies" u ta' "repairs and upkeep" fl-Estimi għall-2005 huwa ta' Lm1,064,000 (Lm8,000 anqas mis-sena 2004) u Lm196,000 (Lm14,000 anqas mis-sena 2004). Dan it-tnaqqis ġie mifrux proporzjonalment fuq l-iskejjel kollha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm fih flus il-kont tat-turiżmu u l-kultura, li kien wieħed mill-kontijiet li tħabbar fid-diskors tal-budget 2004?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onor interpellant li sakemm jitwaqqaf il-makkinarju neċessarju biex jinfetaħ dan il-kont, il-fondi meħtieġa qed jinħarġu mill-fond konsolidat.
Jista' il-Ministru jgħid u jinvestiga x'ġara biex fl-eżami ta' l-EFL li sar is-Sibt 26 ta' Marzu 2005, għaliex il-karta ta' l-eżami kien fiha ħafna żbalji? X'se jiġri issa minħabba li jista' jkun hemm konsegwenzi fuq min għamel l-eżami? Jista' jgħid ukoll kemm kien il-ħlas sabiex persuna tagħmel l-eżami?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi għat-Tweġibiet għall-Mistoqsijiet numri 11625 u 11657.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10110, jista' il-Ministru jgħid meta koppja tibqa' mingħajr is-servizz tal-helper (part-time social assistant) għal ġimgħatejn għax il-helper tkun bil-leave, jew għal xi raġuni oħra, u ma tkunx intbagħtet reliever, ma jaħsibx li tkun ħaġa sewwa u ġusta li l-koppja tingħata refund (Lm3) taż-żmien li tkun baqgħet mingħajr servizz?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jerġa jaqra r-Risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 10110.
Jista' il-Ministru jara x'kienet ir-raġuni li r-residenti tad-dar ta' l-anzjani taż-Żejtun ma tħallewx u ġew imċaħħda milli jaraw il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira taż-Żejtun stess minn fuq it-televiżjoni? Jista' jgħid min kien responsabbli għal dan l-aġir miskin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hi policy ta' l-imsemmija Home li fil-partijiet komuni t-Televiżjoni jinżamm fuq l-istazzjon ta' l-istat, jiġifieri l-PBS.
Residenti li jixtiequ jaraw stazzjon ieħor jistgħu jagħmlu dan fil-kumdita' tal-kamra tagħhom.
Biss tajjeb li jingħad li r-residenti li xtaqu jaraw il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira taż-Żejtun, ittieħdu fiżikament ħdejn il-Knisja Parrokkjali.
Jista' il-Ministru jwieġeb l-ewwel parti ta' mistoqsija parlamentari 10934 u cioe' jgħid kemm tħawwlu siġar u pjanti madwar Malta u Għawdex fis-sena li għaddiet (2004)? Ta' liema għamla kienu? Kemm minn dawn is-siġar u pjanti nzertaw fid-diversi skejjel f'pajjiżna? Jista' jelenka liema kienu dawn l-iskejjel u x'siġar u pjanti tħawlu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol li sar fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq? Kemm ingħataw direct orders u lil min? X'kien ix-xogħol li dawn għamlu u kemm ġie jiswa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħolijiet li saru fl-ewwel fażi ġewwa il-Pixxina Nazzjonali kollha ingħataw wara sejħa għall-offerti. L-ispiża kienet tammonta għal total ta' Lm770,00.00 . Parti minn din l-ispiża kien hemm tlett direct orders minħabba xogħoljiet addizzjonali li l-Periti ma setgħux jantiċipaw qabel. Id-direct orders li ngħataw lil xi Uħud mill-kuntratturi nvoluti fix-xogħolijiet kienu :
Camray ta' tibdil f'pipe work fuq xogħol ta' Ilma - total: Lm350.
Marsalite xogħol fuq suffit addizzjonali - total: Lm510.
SS Bathroom parti mix-xogħol tal-kuntrattur Camray fuq madum ta' l-art taċ-Changing Room tal-Pubbliku biex jgħin ix-xogħol jitlesta fiż-żmien, dan sar bill-kunsens ta' Kuntrattur involut fuq dan ix-xogħol. Ħlas skond r-rati ta' l-istess tender.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol li sar fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq? Kemm ingħataw direct orders u lil min? X'kien ix-xogħol li dawn għamlu u kemm ġie jiswa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħolijiet li saru fl-ewwel fażi ġewwa il-Pixxina Nazzjonali kollha ingħataw wara sejħa għall-offerti. L-ispiża kienet tammonta għal total ta' Lm77,000.00 . Parti minn din l-ispiża kien hemm tlett direct orders minħabba xogħoljiet addizzjonali li l-Periti ma setgħux jantiċipaw qabel. Id-direct orders li ngħataw lil xi Uħud mill-kuntratturi nvoluti fix-xogħolijiet kienu :
Camray ta' tibdil f'pipe work fuq xogħol ta' Ilma - total: Lm350.
Marsalite xogħol fuq suffit addizzjonali - total: Lm510.
SS Bathroom parti mix-xogħol tal-kuntrattur Camray fuq madum ta' l-art taċ-Changing Room tal-Pubbliku biex jgħin ix-xogħol jitlesta fiż-żmien, dan sar bill-kunsens ta' Kuntrattur involut fuq dan ix-xogħol. Ħlas skond r-rati ta' l-istess tender.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa number plate personalizzata għall-ħaddiema li jaħdmu ma' l-awtorita' dwar it-trasport?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Dawn in-number plates personalizzati kienu introdotti f’Malta f’April tas-sena 2004 mill-Awtorita' dwar it-Trasport.
L-intenzjoni tal-plates kienet li jinbiegħu b’sistema ta’ rkant u jibdew minn Lm500. Fl-istess ħin, l-istaff tal-ADT kellu l-opportunita li jekk irid, juża temporanjament number plate personalizzata b’xejn, għall-perjodu ta’ sitt xhur biss bħala parti mill-pubbliċita’ għall-istess fini.
Wara li kien għadda il-perjodu msemmi, l-istaff ta’ l-Awtorita' dwar it-Trasport ġew mitluba jirritornaw il-pjanċa imselfa lilhom għall-kampanja publiċitarja’. L-Awtorita' dwar it-Trasport avżat lill-impjegati taghha li jekk xtaqu jżommu dawn il-plates personalizzati, setgħu jixtruhom b’prezz ta’ 50% skond (Lm250) u bin-nifs fuq sitt xhur.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġet tenders il-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada matul din is-sena? X'kien ix-xogħol li għalihom inħarġu dawn it-tenders u kemm kien il-valur stmat jew attwali tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista ta' Tenders li ġew ippublikati fit-2005 mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada sal-lum ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Mogħti l-parir li m'għandix tkun il-prattika li iġi żvelat il-valur stmat fi stadju meta il-proċess tat-tender ikun għadu qed jiġi proċessat. Tagħrif dwar il-valur jingħata fi stadju ulterjuri.
Jista' il-Minsitru jgħid fl-isptar il-ġdid Mater Dei kemm ġew mogħtija direct orders f'dawn l-aħħar tlett snin, separatament? Lil min ingħataw u kemm kienet tiswa kull direct order?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ix-xiri kollu konness mal-bini ta' l-isptar Mater Dei huwa kkontrollat mill-proċeduri stipulati fil-Kuntratt Design and Build, li kien iffirmat bejn Skanska Malta Joint Venture u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi fi Frar tas-sena 2000, u sar mill-Kuntrattur.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi — Karozza tal-Ministru
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-karozza li tintuża minnu stess bħala ministru hijiex mikrija jew inkella hijiex proprjeta' tal-gvern għax ġiet mixtrija? Fl-eventwalita' li din ġiet mikrija, jista' jgħid kemm qed tinkera kuljum, kemm ilha tinkera, mingħand min u għalkemm żmien ġiet mikrija? F'każ li din hija proprjeta' tal-gvern, jista' jgħid kemm inxtrat u meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-karozza uffiċjali li tintuża minni hi mikrija fuq bażi ta' long-lease mingħand Percius Services Limited bil-prezz ta' Lm350 fix-xahar. Il-kuntratt beda fl-1 ta' April 2004 u jagħlaq fil-31 ta' Marzu 2009. Il-kuntratt hu responsabbli għall-ħlasijiet tal-liċenzja u taxxi kollha konnessi ma' din il-vettura, inkluż ħsarat, maintenance u ħasil kif ukoll l-obbligu li jipprovdi karozza oħra ta' l-istess marka meta l-vettura oriġinali ma tkunx tista' tintuża.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ġewwa l-iskola Vincenzo Borg Brared ġewwa Birkirkara hux wieqaf jew le? Jekk fl-affermattiv, għalfejn dan ix-xogħol huwa wieqaf u kemm ilu? Jista' jgħid ukoll min hu l-kuntrattur li suppost qed jagħmel dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola Vincenzo Borg Brared tlesta x-xogħol fis-sular ta' isfel tat-‘Technology Workshops’. Dan ix-xogħol tlesta f'Settembru li għadda. Hu ppjanat li jinbena sular ieħor fuq il-bini eżistenti. Fil-preżent qed jitlestew it-tenders għal dan il-proġett.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10933 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-bini tar-raħal tas-snajja' f'Ta' Qali? Fejn waslu l-pjani tal-gvern għal dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmaat li għadhom qed isiru taħdidiet bejn il-partijiet konċernati u għaldaqstant id-dettalji jitħabbru meta jkun il-waqt.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskola primarja ta' Marsascala qed isir xi xogħol waqt li hemm it-tfal u l-għalliema fil-klassijiet, u dan meta x-xogħol qed isir fuq is-soqfa ta' l-istess klassijiet? Jista' jgħid xi prekawzjonijiet dwar saħħa u sigurta' ġew meħuda?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija numru 11323.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx gradwati għalliema fil-qasam tal-primarja li qed ifittxu xogħol? Jista' jgħid ukoll kemm hemm gradwati għalliema fil-qasam sekondarju u f'liema suġġetti qed ifittxu xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa l-aħħar ta' Jannar 2005 kien hemm 6 persuni gradwati għalliema ifittxu xogħol u li kienu qed jirreġistraw mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Il-preferenza ta' xogħol li qed ifittxu hija :
KWALIFIKA PREFERENZA TA' XOGĦOL LI QED IFITTXU
B.ED.HONS. TEACHER IN SECONDARY EDUCATION
B.ED.HONS. TEACHER IN SECONDARY EDUCATION
P.G.C.E. CARE WORKER INSTITUTION BASED
P.G.C.E. MANAGERS HUMAN RESOURCES
P.G.C.E. SALES REPRESENTATIVE
P.G.C.E. TEACHER IN SECONDARY EDUCATION
Jista' il-Ministru jgħid liema huma ċ-ċentri sportivi li fil-preżent jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-gvern jew tal-kunsill Malti għall-isport jew xi korp ieħor maħtur mill-gvern? Kemm hemm impjegati full-time u part-time ma' kull ċentru sportiv?
Kemm kienet l-ispiża, f'pagi u salarji inkluż overtime, matul dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena? Jista' jgħid fl-istess perjodu kemm kienu l-ispejjeż marbuta ma' maintenance minn mindu ġew mibnija? Jista' jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali sabiex dawn ġew mibnija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċ-ċentri sportivi li fil-preżent jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Malti għall-Isport huma dawk tal-Marsa, Kottonera kif ukoll il-Pixxina Nazzjonali (tal-Qroqq).
Fil-kumpless sportiv tal-Marsa hemm 24 impjegat 'full-time' (wieħed minn dawn huwa impjegat direttament mill-IPSL).
Fil-kumpless sportiv tal-Kottonera hemm 10 ħaddiema 'full-time' (tnejn minn dawn huma impjegati direttament mill-IPSL)
Fil-Pixxina Nazzjonali, tal-Qroqq, hemm 26 persuna 'full-time' u wieħed 'part-time' (wieħed minn dawn huwa impjegat direttament mill-IPSL).
Il-Kunsill Malti għall-Isport irċieva l-ewwel 'tranch' ta' flus mingħand il-Gvern fid-disgħa ta' Lulju 2003. Għaldaqstant huwa minn din id-data li l-Kunsill Malti għall-Isport beda jħallas il-pagi.
Bejn Lulju u Diċembru 2003 intefqu Lm108,661 fuq pagi. Dawn kienu mqassma hekk:
Kumpless Sportiv Cottonera - Lm6,958
Kumpless Sportiv Marsa - Lm74,228
Pixxina Nazzjonali - Lm27,475
Fis-sena 2004 nteffqu Lm299,276 fuq pagi. Dawn kienu mqassmin hekk :
Kumpless Sportiv Cottonera - Lm32,376
Kumpless Sportiv Marsa - Lm137,947
Pixxina Nazzjonali - Lm128,953
Bejn Jannar u Marzu 2005 ntefqu Lm70,693 fuq pagi. Dawn kienu mqassmin hekk:
Kumpless Sportiv Cottonera - Lm10,749
Kumpless Sportiv Marsa - Lm28,918
Pixxina Nazzjonali - Lm31,026
Informat ukol li dwar maintenance, fil-perjodu bejn 1 ta' Marzu 2003 u 30 ta' Settembru 2003 il-Kunsill Malti Għall-Isport kellu spiża globali ta' Lm16,798 filwaqt li fit-tnax-il xahar ta' wara l-ispiża kienet ta' Lm90,985.
Fir-rigward ta' maintenance u upkeep kien hemm :-
1 ta' Marzu 2003 sa 30 ta' Settembru 2003:
Kumpless Sportiv Cottonera - Lm12,265
Kumpless Sportiv Marsa - Lm4,319
Pixxina Nazzjonali - Lm214
1 t'Ottubru 2003 sa 30 ta' Ottubru 2004:
Kumpless Sportiv Cottonera - Lm16,008
Kumpless Sportiv Marsa - Lm29,877
Pixxina Nazzjonali - Lm45,100
Jista' il-Ministru jgħid liema huma ċ-ċentri sportivi li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-gvern jew ta' xi korp ieħor maħtur mill-gvern bħal kunsill Malti għall-isport, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?
Jista' jgħid ukoll kemm hemm impjegati full-time u part-time ma' kull wieħed separatament? Kemm kienet l-ispiża f'pagi u salarji, inkluż overtime matul dawn l-aħħar tlett snin, sena b'sena?
Kemm kienu l-ispejjeż ta' maintenance minn mindu dawn inbnew? Kemm kienet l-ispiża totali sabiex dawn ġew imwaqqfa?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija ta' l-istess Onor. Membru numru 11522.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm sajjieda full-time li m'għandhomx irmiġġi max-xatt (ħoloq) ġewwa Marsaxlokk? Jista' jgħid x'inhu jsir sabiex kull sajjied ikollu irmiġġ xieraq, speċjalment meta dan ikun l-għajxien tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm ċitazzjonijiet maħruġa mill-pulizija mill-1 ta' Jannar 2005 sas-7 ta' Marzu 2005 dwar il-ksur tal-liġi tat-tipjip? F'liema lokalitajiet saru? Kienu biss is-sidien tal-post li sarulhom ċitazzjonijiet jew anke lil dawk li kienu qed ipejpu? Waru li f'diversi gazzetti dehru ittri li mhux qed issir sorveljanza biżżejjed u li din il-liġi qed tinkiser anke sfaċċatament, jista' jara li l-pulizija jagħmlu aktar biex jitrażżan it-tipjip fejn mhux suppost li dan isir?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u s-7 ta' Marzu ta' din is-sena kien hemm 24 persuna li nbdew proċeduri kriminali kontra tagħhom bi ksur tar-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip ġewwa postijiet ta' divertiment f'dawn il-lokalitajiet - Birżebbuġia, Buġibba, Valletta, Balzan u San Ġiljan. Minn dawn, 18 kienu l-persuni li kienu qed ipejpu u 6 kienu l-persuni responsabbli mill-istabbiliment fejn kien qed isir dan il-ksur tar-Regolamenti. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tkompli bl-ispezzjonijiet sabiex kemm jista' jkun imrażżan dan l-abbuż.