Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — Studenti - Sponsors

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux konxju mid-diversi problemi li l-istudenti ta’ l-MCAST qed iħabbtu wiċċhom magħhom minħabba li bosta minnhom ma sabux sponsor? Jista’ jgħid x’passi qed jittieħdu, kemm mill-MCAST kif ukoll mill-ETC, biex din il-problema tiġi solvuta? Jista’ jgħid ukoll x’jiġri jekk student jibqa’ ma jsibx sponsor? Veru li dan ikollu jispiċċa mill-kors li jkun qed jieħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Fil-preżent in-numru ta’persuni li ma’għandhomx sponsor jammonta għal madwar 23 fl-iskema tal-ESTS u 26 fl-iskema tat-TAS. Minn naħa tagħhom il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u l-MCAST qed jagħmlu ħilithom biex isibu post lil dawn l-istudenti billi jikkuntattjaw employers bil-ħsieb li dawn jieħdu l-apprendisti għal tul il-perjodu ta’l-apprendistat. Il-placement ta’ l-apprendisti ma’ l-employers jiddependi minn ħafna fatturi fosthom, il-programm ta’ taħriġ, id-domanda fis-suq għall-istess tip ta’ mpjieg u mill-istess student, il-livell edukattiv u kif jippreżenta ruħu waqt l-interview. F'każ li student ma jsibx sponsor jibqa' jattendi l-kors relattiv fl-MCAST.

Għoti tal-warrant lill-għalliema

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fejn saru ċ-ċerimonji ta’ l-għoti tal- warrant lill-għalliema f’dawn l-aħħar ħames snin, inkluż din is-sena? Kemm intnefqu flus f’kull okkażjoni separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-vot ta' flus allokat milll-finanzi tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni huwa ta' Lm2,000. Dan l-ammont qatt ma ntefaq. F'dawn l-aħħar ħames snin iċ-ċerimonja u l-ispejjeż kienu kif jidher hawn taħt : Sena Post Spiża 2000 Mediterranean Conference Centre Lm546.28 2001 Corinthia Palace Balzan Lm769.19 2003 Intercontinental Lm1054.31 2004 Mediterranean Conference Centre Lm1094.61 2005 Malta Hilton Lm1036.97
Leg 10 PQ #11640 Sitting 260 2005-04-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija fiċ-Ċina — Ħruġ ta' visas

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fl-2004 u fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kemm saru applikazzjonijiet għal ħruġ ta’ visas mill-ambaxxata Maltija fiċ-Ċina? Kemm kienu minn ċittadini Ċiniżi u kemm minn ta’ pajjiżi oħra? Kemm minn dawn ma ġewx milqugħa?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fl-2004 u fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena saru 3,555 applikazzjonijiet għal ħruġ ta' visas mill-Ambaxxata Maltija fiċ-Ċina, 3534 minn dawn l-applikazzjonijiet kienu minn ċittadini Ċiniżi, 18 minn ċittadini tal-Mongolja, 2 minn ċittadini tal-Kambodja u 1 minn ċittadin tal-Vjetnam. Minn dawn ma ġewx milqugħa 838 applikant.
Leg 10 PQ #11642 Sitting 260 2005-04-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija fiċ-Ċina

Question

Jista’il-Ministru jgħid mill-applikazzjonijiet għall-visas mill-ambaxxata Maltija fiċ-Ċina matul l-2004 u fl-ewwel tliet xhur ta’din is-sena kemm inħarġu wara li l-applikant talab il-visa biex jistudja l-Ingliż f’pajjiżna? F’kull każ ġie ppreżentat il-booking għal skola f’Malta?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Mill-applikazzjonijiet għall-visas mill-Ambaxxata Maltija fiċ-Ċina matul l-2004 u l-ewwel tliet xhur ta 'din is-sena inħarġu 1,165 visas wara li l-applikant talab il-visa biex jistudja l-Ingliż f'pajjiżna. F'kull każ ġie ppreżentat booking għal skola f'Malta.
Leg 10 PQ #11643 Sitting 260 2005-04-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxata Maltija fiċ-Ċina

Question

Jista’ il-Ministru jgħid mill-applikazzjonijiet għall-visas li saru mill-ambaxxata Maltija fiċ-Ċina għal skop li l-applikanti jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna, jista’ jelenka l-ismijiet ta’ l-iskejjel imniżżla f’kull applikazzjoni?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-ismijiet ta' l-iskejjel imniżżla fl-applikazzjonijiet huma elenkati hawn taħt: IELS School English Plus Language Centre Link School Inlingua School Chamber College English Language Academy EF School GEOS School Sprachcaffe School St Martin's Institute of Information Technology Magister Academy Club Clas Skylark Mediterranean School of English University of Malta Easy School of English International English Language Centre EC School NSTS BELS School AM Language Studio

Skejjel ta' l-Ingliż — Monitoring board

Question

Jista’ il-Ministru jgħid minn min hu fformat il-monitoring board li jissorvelja l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż f’Malta? X’obbligi hemm mill-awtoritajiet ta’ l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin biex jinformaw lid-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni u/jew lill-monitoring board meta studenti li jkunu bbukkjaw fl-iskejjel tagħhom ma jkunux qed jattendu regolarment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta l-Bord ta' Sorveljanza tat-Tagħlim tal-Ingliż bħala Lingwa Barranija ikun maħtur dan jikkonsisti minn sitt persuni li huma Chairperson u Membru ieħor maħtura mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjieg ; Membru li jinħatar mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura ; Membru maħtur mir-Rettur ta' l-Universita' ta' Malta ; Membru maħtur mill-Assoċjazzjoni li fil-fehma tal-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjieg tirrapreżenta dakk l-għadd ta' skejjel li jgħallmu l-Ingliż bħal Lingwa Barranija u li matul is-sena li tkun ġiet minnufih qabel ikunu taw servizz lill-akbar għadd ta' studenti ; u Membru li jkun elett minn fost kapijiet ta' skejjel li jkollhom liċenzja sabiex jgħallmu l-Ingliż bħala Lingwa Barranija. Ma hemm l-ebda obbligu mill-awtoritajiet ta' l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin sabiex dawn jinformaw lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u/jew lil dan il-Monitoring Board meta studenti li jkunu bbukkjaw fl-iskejjel tagħhom ma jkunux qegħdin jattendu regolarment. Il-kompożizzjoni attwali tal-Bord hi:- Chairman: Is-Sur Joseph Muscat, B.A.(Hons) Membri: Is-Sur Alfred Cachia, B.A.(Gen), P.G.C.E. Dott. Raymond Fabri, B.A. P.G.C.E. Ph.D. Is-Sur Marcel Scicluna, Dip.Ed.Adm & Mgt. Is-Sur Francis Stivala, B.Sc., M.Sc., B.A.(Hons) Ms Nadia Aquilina, B.A.(Gen)

Persuni li jitgħallmu l-Ingliż hawn Malta

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kif l-awtoritajiet edukattivi f’Malta jgħinu lill-pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom biex jiġi żgurat li ċittadini ta’ pajjiżi oħra li jiġu hawn biex jitgħallmu l-Ingliż fil-fatt jiġu hawn għal dan l-iskop? F’din l-aħħar sena kien hemm xi talbiet speċifiċi mill-pulizija għall-għajnuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel privati liċenzjati sabiex jgħallmu l-Ingliż bħala Lingwa Barranija jiżguraw flimkien mal-puluzija li ċittadini ta' pajjiżi oħra li jiġu hawn sabiex jitgħallmu l-Ingliż fil-fatt jiġu hawn għal dan l-iskop. Għaldaqstant, kull talba għall-għajnuna issir direttament lil dawn l-iskejjel li jirraportaw mill-ewwel lill-puluzija jekk xi studenti barranin li jkunu bdew it-tagħlim ta' l-Ingliż bħala Lingwa Barranija ma jkomplux jattendu iżjed għall-lezzjonijiet.

Ħarba ta' żewġ Sirjani

Question

Wara rapporti li fis-17 ta’ Marzu ħarbu żewġ Sirjani hekk kif niżlu mill-ajruplan fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, jista’ il-Viċi Prim Ministru jikkonferma dan il-fatt? Jista’ jghid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar dan? Mill-ismijiet tagħhom ġie verifikat jekk kenux ġew Malta qabel?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi nhar is-17 ta' Marzu 2005, waqt li l-passiġieri li kienu waslu mat-titjira minn Istanbul kienu sejrin lejn it-terminali, tnejn dehru jiġru u qabżu l-fence. Minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija irriżulta li dawn il-passiġieri kienu ta' nazzjonalita' Sirjana u waslu Malta in transit lejn Tripoli. Ma jirriżultax li dawn kienu Malta qabel, filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ.

Skejjel — Siġar u pjanti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi dik il-parti tal-mistoqsija parlamentari 10934 li tikkonċerna d-dekasteru tiegħu u cioe' jista' jgħid kemm tħawlu siġar u pjanti madwar Malta u Għawdex fis-sena li għaddiet (2004)? Ta' liema għamla kienu? Kemm minn dawn is-siġar u pjanti nzertaw fid-diversi skejjel f'pajjiżna? Jista' jelenka liema kienu dawn l-iskejjel u x'siġar u pjanti tħawlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-sena 2004 ma tħawwlu ebda siġar fl-iskejjel statali Maltin. L-uniku każ fejn il-'Landscaping Gardening Unit' kienet involuta, kien ġewwa l-iskola Primarja Ġużeppi Agius ta' Raħal Ġdid, fejn hemmhekk saru xi 'window boxes' bi pjanti tat-tip tal-Kalanchoe, Stella Maris u Ivy.

Warrant ta' għalliem

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'differenza tgħaddi bejn warrant temporanju ta' għalliem maħruġ wara l-31 ta' Marzu 1998 u dawk temporanji li ħarġu qabel din id-data? Jista' il-Ministru jgħid meta jinħareġ warrant temporanju, dan joħroġ għal sena skolastika jew għal sena kalendarja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Att dwar l-Edukazzjoni (1988) li jirregola l-ħruġ ta' Warrant ta' Għalliema ma tispeċifika l-ebda data fil-kuntest ta' ħruġ ta' Warrant Temporanju u għaldaqstant ma hemm l-ebda differenza bejn Warrant Temporanju li nagħta qabel jew wara l-31 ta' Marzu 1998. Informat ukoll li l-Warrants Temporanji joħorġu skond id-data ta' l-applikazzjoni u dawn jibqgħu validi sat-18 ta' Settembru ta' dik is-sena skolastika. L-iskejjel jiġu mfakkra li fil-bidu tas-sena skolastika iridu jġeddu l-Warrants Temporanji.

Ta' Qali — Raħal tas-snajja'

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija 10933 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u cioe' jista' jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-bini tar-raħal tas-snajja' f'Ta' Qali? Fejn waslu l-pjani tal-gvern għal dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija f'Mistoqsija Parlamentari Nru. 11388.

Systems of knowlege

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex l-oqsma ta' l-għerf (systems of knowledge) ma jibqax suġġett obbligatorju fil-livell avanzat?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħal ma żgur jaf l-Onorevoli Membru, Bord magħruf bħala Kumitat għar-Reviżjoni tal-MATSEC (MATSEC Review Bord) ġie mitlub jeżamina s-sistema ta' l-eżamijiet tal-Bord tal-MATSEC. Wieħed irid jistenna r-rakkomandazzjonijiet anke f'dan ir-rigward.

Direttur taż-żgħażagħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu vakat il-post ta' direttur taż-żgħażagħ? Min qed jaqdi din il-funzjoni fil-preżent? Meta hu maħsub li din il-pożizzjoni tiġi mimlija? Ma jaħsibx il-ministru li dan juri nuqqas ta' stima lejn iż-żgħażagħ?

Response (GALEA, LOUIS)

Kien hemm Direttur Żgħażagħ u Sport u mhux Direttur Żgħażagħ. Wara l-ħolqien tal-Kunsill Malti għall-Sport, id-Direttorat Żgħażagħ u Sport ġie ristrutturat. Illum fil-Ministeru hemm Taqsima Żgħażagħ li tieħu ħsieb il-voti allokati għaż-żgħażagħ. Qiegħed ukoll nikkonsidra minflok jiġi maħtur Direttur għandux wieħed iwaqqaf l-Aġenzija taż-Żgħażagħ kif kelli suġġeriment mill-ex-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Siġar u Pjanti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10935, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jgħid xi pjani hemm biex matul din is-sena finanzjarja (2005) jitħawwlu siġar u pjanti fi skejjel f'pajjiżna? Kien hemm talbiet minn skejjel individwali u liema huma l-iskejjel konċernati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-mixtla tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni f'Tas-Samra, qed jitkabbru siġar tal-ballut, prinjol u riħan flimkien ma' sardinell, margeriti u qronfol. Bħalissa, is-siġar qegħdin fl-istadju tar-repotting biex matul is-sena d-dieħla jekk issir talba minn xi skejjel it-taqsima tkun f'pożizzjoni li tħawwel minn dawn is-siġar. Ninsab informat ukoll li s'issa għad ma kien hemm l-ebda talba minn skejjel biex jitħawwlu xi siġar. L-uniċi talbiet li jsiru huma għal fjuri dekorattivi biex iżejnu l-iskola f'okkażjonijiet speċjali.

Ċilindri tal-gass

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10937 u cioe' jgħid meta se tiġi għan-normal is-sitwazzjoni taċ-ċilindri tal-gass?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni tal-gass ilha li ġiet għan-normal. Fil-fatt il-Gvern ħareġ żewġ stqarrijiet biex jinforma lill-pubbliku dwar dan.

Kulleġġ St Edwards — Sixth form

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10985, jista' il-Ministru jgħid jekk il-kulleġġ St Edwards kienx obbligat li jinforma lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li s-Sixth form kienet se tagħlaq, peress li kull skola hija liċenzjata biex topera?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni issa ġiet infurmata mill-iskola li s-Sixth Form fil-Kulleġġ St. Edward mhux ser tkompli topera.

Sixth form — Għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi kwalifiċi jrid ikollu għalliem/a biex jgħallem jew tgħallem ġewwa s-sixth form?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kwalifiki li jrid ikollu għalliem/a biex tgħallem ġewwa s-Sixth Form huma l-istess bħal dawk ta' għalliema tas-settur sekondarju.

Karti ta' l-identita'

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid, issa li pajjiżna huwa membru ta' l-Unjoni Ewropea, jgħid hemmx xi tibdil fil-karta ta' l-identita' bejn dawk li għandhom l-'M' u dawk li minħabba li m'humiex Maltin mit-twelid ikollhom l-ittra 'A'? Jista' jgħid jekk din tmurx kontra xi regola ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Skejjel — special needs rooms

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskejjel inħolqu l-ispecial needs rooms? Liema huma dawk l-iskejjel li għandhom dawn il-kmamar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ispecial needs rooms saru biex fihom isir tagħlim kumplimentari lill-istudenti skond il-bżonn u biex jingħataw attenzjoni partikolari l-istudenti bi bżonnijiet speċjali. Informat li kultant ikun il-bżonn li xi tfal ma' jibqgħux ġo klassi, minħabba xi raġunijiet partikulari, u allura dawn il-kmamar iservu bħala 'withdrawal/timeout' rooms. Huma wżati wkoll bħala kmamar b'varjeta ta' riżorsi edukattivi biex jgħinu fit-tagħlim lil dawn it-tip ta' studenti. Informat ukoll li minn 76 skola primarja ta' l-Istat, 44 għandhom dawn il-kmamar. Minn 8 skejjel Sekondarji tal-bniet, 4 għandhom dawn il-kmamar. Minn 13-il skola sekondarji tas-subien 6 għandhom dawn il-kmamar. L-ebda skola tal-Junior Lyceum sew bniet kif ukoll subien ma għandhom dawn il-kmamar. Informat ukoll li l-iskejjel tal-Knisja fil-livell primarju kollha għandhom dan it-tip ta' kamra.