Legislature:
Category:
Reset
Active:

Msida — Ex skola Santa Marija

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-flus ivvutati għall-proġett ta' l-ex skola Santa Marija fl-Imsida li kienu vvutati f'dawn l-aħħar tliet snin? Huwa minnu li ġew irtirati l-pjanti mill-MEPA? Huwa minnu li l-post fejn se jsir dan iċ-ċentru llum huwa kkundannat? X'passi ttieħdu biex jevitaw il-periklu ta' post ikkundannat, sew għall-ħaddiema ta' l-istess ċentru u l-pubbliku kollu, speċjalment dawk li jmorru biex jinqdew bis-servizzi taċ-ċentru, kif ukoll il-pubbliku li joqgħod fil-madwar?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwelnett ġejt aċċertat li l-parti tal-bini li qed tintuża kemm minn persuni mid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni kif ukoll mill-pubbliku li jżur l-ufficcji konċernati m'hija ta' ebda periklu. Informat ukoll li l-istruttura tal-parti li mhix qed tintuża tinħtieġ tiswija u għaldaqstant l-ebda persuna mhi qed tokkupa jew taħdem f'din il-parti. Informat li l-pjanti li oriġinarjament ġew preżentati lil MEPA ġew irtirati biex isir aġġustament fihom. Peress li l-proġett ta' xogħol ġie sospiż ma kienux ivvotati flus għalih.

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Education Officer

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni, li wara l-mewt tas-Sur Frank Mallia, l-Education Officer u Head taċ-ċentru, għadu ma sar l-ebda EO u kap taċ-ċentru u dan wara tlett snin li dan il-post ilu li ġie vakat? Kemm se ddum din is-sitwazzjoni? Jista' jgħid ukoll, minħabba n-nuqqas ta' kap, min qed jieħu ħsieb it-tmexxija ta' dan iċ-ċentru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara li ġiet vakanti l-pożizzjoni ta' Education Officer (Special Education), id-Diviżjoni ħadet il-passi kollha neċessarji li normalment jittieħdu sabiex post bħal dan jintela. Informat ukoll li nħarġu żewġ ċirkulari AE 13/2003 bid-data ta' 23 ta' April 2003 u AE 12/2004 bid-data ta' 7 ta' Mejju 2004. Minkejja dawn iż-żewġ sejħiet, ħadd ma applika għal dan il-post.

Għalliema tal-PSD

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10400, jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jiġu mpjegati s-seba' persuni l-oħra li kienu għadhom qed jistennew sabiex jgħallmu l-PSD?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li lejn it-tmiem is-sena skolastika kurrenti, id-Dipartiment ta' l-Operat jibda l-eżerċizzju dwar għalliema ġodda ħalli jimlew il-postijiet vakanti. L-għalliema li għadhom ma ġewx impjegati din is-sena jiġu konsidrati s-sena skolastika li ġejja skond il-ħtieġa.

Qasam tas-saħħa — White paper

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 11321, jista' il-Ministru jgħid ġaladarba mhux se tiġi pubblikata white paper dwar il-qasam tas-saħħa, kif hu maħsub li jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar ir-riformi li hu maħsub li jsiru f'pajjiżna f'dan il-qasam?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għal risposta tad-Domanda numru 11320. Il-Ministeru tas-Saħħa diġa' lesta abbozz ta' liġi ġdida dwar l-organiżżazzjoni tas-settur tas-Saħħa li se tiġi preżentata għall-kunsiderazzjoni tal-Kabinett. Kif jaf l-Onor. Interpellant, kull abbozz ta' liġi ġdida wara tiġi diskussa f'dan il-Parlament.

Sptarijiet — Ħlas għal servizzi

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 11320, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx rapporti oħra mħejjija mid-dipartiment tas-saħħa u/jew il-ministeru? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi dan ir-rapport jew rapporti fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ngħarraf l-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda rapport biex jiddaħħlu ħlasijiet fuq servizzi mogħtija fl-isptarijiet.

Imsida — Ex-skola Santa Marija

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex għadhom ma bdewx ix-xogħlijiet meħtieġa sabiex l-ex skola Santa Marija fl-Imsida tiġi mibdula f'ċentru edukattiv ta' riżorsi għal studenti u tfal bi bżonnijiet speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm diversi proġetti li l-FTS qegħda taħdem fuqhom, li ovvjament ma jistgħux isiru kollha f'daqqa.

Żejtun — Triq tal-Barrani - arblu tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jara li arblu tad-dawl li jinsab 'il barra fit-Triq tal-Barrani, limiti taż-Żejtun, wara li saru xogħlijiet marbuta mat-traffic lights ġodda, jitneħħa għaliex huwa ta' periklu u anke għaliex diġa' twaħħal arblu ieħor li jinsab aktar 'il ġewwa kif suppost?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-arblu tad-dawl li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, tneħħa.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Konsulenti

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-applikazzjoni marbuta ma' l-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin f'Wied il-Għajn ġietx mibdula jew le, kif fl-aħħar mill-aħħar intrabat li jagħmel il-Ministru? Jista' ipoġġi kopja ta' kif kienet u kif saret din l-applikazzjoni fil-każ li sar dan it-tibdil?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Applikazzjoni li ntbagħtet lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) mijiex marbuta ma’ xi ammont ta’ skart li għandu jiġi pproċessat. Din l-informazzjoni tinsab fid-dettal fl-istudju ambjentali li huwa magħruf bħala Environmental Impact Assessment (EIA). Hekk kif kien imwiegħed, il-kumpanija Wasteserv Malta Co Limited infurmat lill-MEPA fil-31 ta’ Jannar 2005 li l-ammont ta’ skart li jiġi ttrattat f’dan l-impjant huwa dak ta’ 71,000 tunnellata.

Skejjel tal-knisja — Ħlasijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena kemm saru ħlasijiet lill-iskejjel tal-knisja taħt il-ftehim bejn l-Istat u l-knisja, xahar b'xahar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'Jannar ta' din is-sena saru żewġ pagamenti kull wieħed ta' Lm861,872. Fi Frar sar pagament ta' Lm192,923. Informat ukoll li f'Marzu saru żewġ pagamenti kull wieħed ta' Lm958,333 għax-xhur ta' Marzu u April, 2005. S'issa bit-total ta' Lm3,833,333.

Skejjel tas-sajf — VAT

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskejjel tas-sajf hux ser ikunu eżentati mill-VAT jew le?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull skola, inklużi dawk tas-sajf, li taqa' taħt l-Att ta' l-Edukazzjoni u li l-attivita' edukattiva tagħha titmexxa skond il-Kurrikulum Minimu Nazzjonali hija eżenti mill-VAT. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istqarrija relattiva għas-suġġett.

Pembroke — Skola primarja

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 11311, jista' il-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm, speċjalment fejn tidħol id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, u jekk sarx xi kuntratt jew le, u dan anke minħabba l-fatt li jidher li l-istess biċċa art ġiet projbita lill-istess skola milli tagħmel użu minnha?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba għall-Mistoqsija imsemmija.

Protezzjoni Ċivili — Impjegati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu mal-protezzjoni ċivili? X'inhu l-grad tagħhom? Kemm suppost huwa l-complement ta' l-istess dipartiment? Hemm ħsieb li jsir xi reklutaġġ f'każ li hemm postijiet battala? Jekk iva, meta hu maħsub li jsir dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-impjegati fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huma kif ġej:- Livell Maniġerjali - Direttur 1 Managers 4 Assistance & Rescue Force - Station Officers 7 Leading Assistance & Rescue Officers 13 Assistance & Rescue Officers 98 Impjegati Ċivili - Senior Principal Officer 1 Principal Officer 1 Executive Officer 3 Messenger 1 Senior Tradesmen 7 Principal Tech Officer 1 Communicator 1 Barra minn dawn, hemm surġent u żewġ kuntistabbli "on loan" ma' dan id-dipartiment. M'hemmx complement speċifikat u għalissa m'hemmx ħsieb li jsir xi reklutaġġ.

Belt Valletta — Bankini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min hu responsabbli għat-tiswija tal-bankini tal-Belt, Valletta? Il-bankini kollha huma responsabbilta' tal-kunsill lokali tal-belt kapitali? Jekk fl-affermattiv, kemm saru bankini u fejn f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Il-funzjoni tat-tiswija tal-bankini hija responsabbilita' tal-Kunsilli Lokali u l-bankini kollha fil-lokalita' tal-Belt Valletta jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Kunsill Lokali Valletta. Billi, bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta, nissuġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Passiġġieri barranin miżmuma milli jidħlu Malta

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kemm kien hemm barranin, xahar b’xahar, li kienu passiġġieri regolari iżda li għal raġuni jew oħra ma tħallewx jidħlu Malta u ntbagħtu lura? Kemm minn dawn kellhom visa regolari? Ta’ liema nazzjonalita` kienu? Jista’ jagħti l-figuri għall-ajruport u għall-port separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena kien hemm 83 persuna ta' nazzjonalita' barranija li ma tħallietx tidħol wara li waslet Malta. Minn dawn 7 waslu bil-baħar filwaqt li 76 waslu bl-ajru. Dawn kienu minn dawn il-pajjiżi: Algeria Equador Mongolia Russia Bulgaria Georgia Morocco Syria China India Nigeria Tunisia Croatia Libya Phillipines Turkey Egypt Moldovia Romania Ukrania Ninsab infurmat ukoll illi ma tinżammx statistika ta' kemm minn dawn kellhom visa.

CCF — Priġunieri

Question

Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta’ nies miżmuma fil-faċilita’ korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid kemm minnhom huma diġa’ ssentenzjati? Kemm qed jistennew biex jgħaddu ġuri jew kumpilazzjoni? F’kull każ kemm hemm taħt il-25 sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-4 ta'April 2005 il-popolazzjoni tal-ħabs kienet mitejn u tmienja u tmenin (288). Minn dawn hemm mitejn u sittax (216) li huma sentenzjati u tnejn u sebgħin (72), li qegħdin jistennew biex jgħaddu ġuri jew kumpilazzjoni. Infurmat ukoll li hemm ħamsa u erbgħin (45) priġunier li huma taħt il-ħamsa u għoxrin (25) sena.

Qorti tal-familja — Kawżi ta' separazzjonijiet

Question

Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ kawżi ta’ separazzjonijiet li hemm pendenti quddiem il-qorti tal-familja bħalissa? Kemm minnhom ġew ippreżentati quddiem l-istess qorti fl-ewwel tliet xhur ta’din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' kawżi ta' separazzjoni li kien hemm pendenti f'Marzu 2005 quddiem il-Qorti tal-Familja huwa ta' 967. Fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena ġew ippreżentati 89 kawża ġdida f'din il-Qorti u ġew maqtugħa minn fuq il-lista 130 kawża. Ninsab infurmat ukoll illi fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) Sezzjoni Familja, hemm 17-il kawża ta' separazzjoni personali pendenti, li minnhom 4 ġew preżentati fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena.

Qorti tal-familja — Imħallef

Question

Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid hemmx ħsieb li jiġi appuntat imħallef ieħor biex jippresjiedi l-qorti tal-familja biex din tkompli miexja b’mod regolari peress li l-imhallef sedenti jinsab indispost?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li l-Imħallef li jippresjedi l-Qorti tal-Familja huwa preżentament indispost. Dwar assenjazzjoni ta' Imħallef ieħor f'din il-Qorti, din hija prerogattiva tal-Prim Imħallef.