Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kumpless sportiv tal-Kottonera

Question

Peress li rċevejt numru ta’ ilmenti minn xi nies li jiffrekwentaw il-kumpless sportiv tal-Kottonera li riċentement xi studenti bl-uniformi ta’ l-iskola li isimha qed jintbagħat separatament, tħallew jilagħbu l-karti għall-flus, jista’ il-Ministru jinvestiga għaliex dawn l-istudenti, li hemm minnhom taht is-16–il sena, tħallew jilagħbu l-karti u anke tħallew jixtru xorb alkoħoliku? Dan ma jikkostitwix reat minħabba li huwa logħob ta’ l-azzard f’post pubbliku li huwa mmexxi minn kunsill imwaqqaf mill-gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Cafeteria fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera hija mikrija lill-Health Pit Cottonera Ltd. Sal-lum il-Kunsill Malti għall-iSports ma kellu l-ebda rapporti dwar logħob ta' l-azzard ġewwa xi faċilita' taħt il-kontroll tiegħu. Hija policy tal-KMS illi ma jħallix kwalunkwe' abbuż jew reat ġewwa faċilitajiet sportivi direttament taħt il-kontroll tiegħu. Il-Facility Manager tal-Kumpless tal-Kottonera ġie avżat biex jagħmel inspections fil-Cafeteria biex jiġi żgurat illi ma jkun hemm l-ebda abbuż. Tlabt lill-Kunsill Malti għall-iSports jassigura li tiġi osservata policy stretta dwar xorb alkoħoliku, tipjip u logħob ta' l-azzard, speċjalment fejn jidħlu iż-żgħażagħ.

Impjegati tal-gvern — League tal-football

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11317, jista’ il-Ministru jgħid jekk l-informazzjoni li ngħata hijiex korretta, dawk li jieħdu sehem fil-logħob li jsir waqt il-ħin tax-xogħol jingħataw permess speċjali? Min hu responsabbli għall-ħlasijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Malta Employees Sports Association, li qabel kienet magħrufa bħala Government and Parastatal Sports Association, ilha għal ħafna snin torganizza kompetizzjonijiet għall-impjegati tal-Gvern u ta' entitajiet oħra li l-Gvern għandu kontroll fuqhom. Normalment l-impjegati jingħataw permess speċjali sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem f'dawn il-kompetizzjonijiet. Informat li kull Dipartiment jew entita' oħra affiljata jużaw il-kriterji tagħhom ta' kif jingħata dan il-permess għall-parteċipazzjoni fl-attivita' sportiva li tkun qed issir.

Trasport Pubbliku — Ftehim

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm daħlu affarijiet ġodda fit-trasport pubbliku mindu sar il-ftehim is-sena li għaddiet? Ix-xufiera qed jilbsu uniformijiet ġodda? Kemm daħlu rotot ġodda bil-lejl, eċċ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li ġew introdotti 6 rotot ġodda li joperaw fuq bażi ċirkulari lejn l-Universita, li huma: - Rotta 110 – mill-inħawi ta’ Birżebbuġa lejn l-Universita, Sliema u lura Rotta 300 – mill-inħawi ta’ Senglea lejn lejn l-Universita, Sliema u lura Rotta 350 – mill-inħawi tal-Mqabba lejn l-Universita, Sliema u lura Rotta 800 – mill-inħawi ta’ l-Ajruport lejn l-Universita, Sliema u lura Rotta 810 – mill-inħawi ta’ Ħad-Dingli lejn l-Universita, Sliema u lura Rotta 890 – mill-inħawi tas-Siġġiewi lejn l-Universita, Sliema u lura Saru ukoll amalgamazzjoni ta’ rotot diġa eżistenti li ġew devjati ukoll lejn l-Universita fosthom:- Rotta 56 – mill-Għargħur/Naxxar lejn il-Belt via l-Universita Rotta 145 – miċ-Ċirkewwa lejn il-Belt via l-Universita Rotta 13 – minn Ħal Far lejn il-Belt u viċi versa Rotta 73 – mit-Torri ta’ Ħal Lija lejn il-Belt Rotta 75 – filgħodu minn San Ġwann lejn l-isptar St Lukes Rotta 75 – filgħodu minn Marsaskala lejn l-isptar St Lukes Rotta 55/56 - estenzjoni lejn il-Għargħur, Triq il-Karavaġġio u Triq il-31 ta’ Marzu Rotta 65- Sliema lejn Rabat via Ta’ Qali u devjata lejn l-inħawi tal-mużew tal-avjazzjoni Jien infurmat ukoll li skond il-ftehim li sar ma’ l-Assoċjazzjoni:- a) daħal fis-seħħ il-Kodiċi ta’ Kondotta u ir-rapporti qed jiġu ipproċessati mill-Awtorità b) ix-xarabanks tat-tip low floor qed jirraportaw għax-xogħol regolarment u fin-nuqqas li dan isir, dawn qed jiġu imħarrka mill-Awtorità skond il-ftehim iffirmat. c) ġie introdott l-Operator’s Log Book li għandu l-għan li jissupplixxi aktar informazzjoni rigward l-ispejjeż biex topera xarabank fuq ir-rotta d) rigward ir-riforma, kumpanija bl-isem ta’ Halcrow ġiet kommisjonata sabiex tagħmel studju rigward il-riforma fit-Trasport Pubbliku e) l-Assoċjazzjoni qegħda preżentament iżżomm rekords ta’ Accounting aħjar, liema rekords qegħdin jiġu ċertifikati minn awditur indipendenti. Ir-rekords ta’ Accounting sa Settembru 2004 diġa ġew iċċekjati u l-aħħar 3 xhur għas-sena 2004 qed jiġu analizzati ukoll. Rigward l-uniformijiet, ix-xufiera qegħdin jilbsu l-uniformi li kellhom qabel. Saru diversi stħarriġ rigward il-patronaġġ tas-servizzi ta’ bil-lejl u ir-riżultati meħuda ħa jiġu diskussi fin-negożjati futuri għall-ftehim li ser isir li jkun validu sas-sena 2009. Fejn jirrigwardja is-servizz ta’ bil-lejl, ġie introdott ukoll servizz ġdid minn Paceville għall-Mellieħa. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, id-dokumenti relattivi li għandhom x’jaqsmu mar-rotot.

Diviżjoni ta' l-edukazzjoni — Telefonati fuq mobile/użu ta' faxes

Question

Jista' il-Minsitru jgħid x'restrizzjonijiet iddaħlu fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni fejn jidħlu telefonati fuq mobile u l-użu tal-faxes? Meta ddaħlu dawn ir-restrizzjonijiet? Jista' jgħid jekk f'xi direttorati hux qed ikun hemm xi diffikultajiet fil-qadi ta' dmirijiethom? Jista' jgħid ukoll jekk dawn ir-restrizzjonijiet iddaħlux ukoll fil-ministeru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-PABX qadima ġiet mibdula ma' sistema telefonika moderna diġitali li tipprovdi iktar sigurta' u effiċjenza f'dik li hija kommunikazzjoni imma, fl-istess waqt, tinħtieġ inqas manutenzjoni. B'dan il-mod tnaqqsu numru ta' linji diretti sew fil-Ministeru kif ukoll fid-Diviżjoni, li ġew ikkonvertiti f'numru direct dialling u b'hekk qed jiġu frankati il-flus f'kirjiet ta' linji diretti. L-Onor. Membru japprezza li seta' kien hemm xi problemi żgħar sakemm saret din il-bidla u s-sistema l-ġdida tindara. Fiż-żmien li ġej ser ikun hemm aktar kontroll fuq l-użu ta' dan is-servizz biex jiġi assigurat il-qadi tad-dmirijiet ta' l-impjegati bl-aħjar mod effettiv fejn jidħlu spejjeż.

Fondazzjoni għall-Iskejjel t'għada — Pieta - Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada se twettaq numru ta' proġetti li ilhom jiġu mwiegħda fl-iskola primarja ta' Tal-Pieta', bħal play area għall-kindergarten, soqfa minfejn qed jidħol l-ilma u xi barrieri li kienu ġew mitluba għas-sigurta'?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor. Membru diġa sar ħafna xogħol siewi f'din l-iskola. Ix-xogħol li qed jiġi imħejji huwa dwar il-kindergarten play area li jkun jista' jinbeda hekk kif l-FTS tlesti l-pjanijiet għalih u skond il-prioritajiet fix-xogħol li qed issegwi.

Aġenziji/awtoritajiet governattivi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hijiex politika tal-gvern li joħloq aġenziji u awtoritajiet minflok dipartimenti tal-gvern għax kif qal il-ministru ta' l-edukazzjoni fis-seduta 255, ta' l-ewwel jagħtu servizz aħjar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-politika tal-Gvern tiegħi hija li jingħata l-aħjar servizz u din il-politika tiggwida d-deċiżjonijiet dwar is-set up amministrattiv f’kull każ partikolari. Tajjeb li nissotolinea li irrispettivament mill-qafas amministrattiv, is-servizzi kollha huma mogħtija mill-istess Gvern.

Santa Venera — Skola San Franġisk

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn meta fl-iskola San Franġisk t'Assisi ta' Santa Venera, għal xi raġuni jew oħra, m'hemmx għalliem ta' l-istorja u dan issa għal numru ta' xhur?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema ta' l-istorja kienet fuq ċertifikat mediku u minħabba raġunijiet ta' saħħa kienet temporanjament trasferita. Informat ukoll li l-lezzjonijiet tagħha ttieħdu minn għalliema oħra.

Sptar San Luqa — Spiżerija

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga jekk hux qed ikun hemm xi abbuż fil-ħruġ ta' pilloli mill-istess ħaddiema fl-ispiżerija ta' l-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fl-Isptar San Luqa hemm żewġ spiżeriji- waħda ta' l-in-patient u l-oħra ta' l-out-patient. Il-Management ta' l-Isptar jinvestiga u jieħu passi dwar kull każ ta' abbuż li jista' jkun hemm, kif ukoll, jagħmel spezzjonijiet għall-għarrieda sabiex jaqbad fil-fatt jew iservi ta' deterrant. Fir-rigward ta' l-ispiżerija, fil-passat ittieħdu miżuri sabiex tiġi żgurata s-sigurta' ta' l-ispiżerija ta' l-Isptar San Luqa. Dawn jinkludu: 1. Miżuri sabiex jingħalqu l-istores u l-ispiżeriji wara l-ħin. Fil-każ ta' l-ispiżerija ta' l-in-patients li tagħti servizz ta' 24 siegħa kuljum, ma jitħalla ebda aċċess għall-pubbliku. 2. Il-premises huma sorveljati kontinwament permezz ta' closed circuit TV cameras. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni speċifika, għandu jgħaddi din l-informazzjoni b'mod kunfidenzjali sabiex ikun jista' jiġi investigat mill-uffiċjali responsabbli ta' l-Isptar San Luqa.

Karti ta' l-Identita'

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11597 u jgħid, issa li pajjiżna huwa membru ta' l-Unjoni Ewropea hemmx xi tibdil fil-karta ta' l-identita' bejn dawk li għandhom l-'M' u dawk li minħabba li m'humiex Maltin mit-twelid ikollhom l-ittra 'A'? Jista' jgħid jekk din tmurx kontra xi regola ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Enemalta — Ċilindri tal-gass

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11378 u cioe' jista' jgħid jekk itteħdux passi ulterjuri dwar il-każ taċ-ċilindri tal-gass li kienu ġew ordnati u nstabu li kienu difettużi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Avvukati ta' l-Enemalta se jippreżentaw il-Każ fil-Qorti tat-Turkija fil-ġimgħat li ġejjin. Dwar il-każ tad-dixxiplina iċ-Chairman tal-Bord informa lill-Korporazzjoni li minħabba impenji oħra hu ma jistax jibqa fuq dan il-Bord tad-dixxiplina, għalhekk il-Korporazzjoni se taħtar persuna oħra biex jitmexxew il-każijiet pendenti.

Neptunes waterpolo and swimming club

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għadux fis-seħħ il-ftehim man-Neptunes waterpolo and swimming club? Jista' jgħid ukoll kemm tħallsu n-Neptunes waterpolo and swimming club talli sar użu mill-pixxina tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ftehim mal-Neptunes Waterpolo and Swimming Club kien ikopri l-perjodu Jannar sa l-aħħar ta' Marzu, 2005. Informat ukoll li l-ħlas lill-klabb kien direttament għax-xiri ta' fuel li jammonta għal Lm1,557 fil-ġimgħa.
Leg 10 PQ #11927 Sitting 265 2005-05-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — HOTSME

Question

B'referena għall-proġett imniedi mill-Malta Tourism Authority flimkien mal-MHRA imsejjaħ HOTSME u li permezz tiegħu se jingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Leonardo da Vinci Programme, jista' il-Ministru jispjega jekk hux kuntent bis-servizzi taż-żewġ persuni (ismijiet mogħtija separatament) magħrufa sew fil-qasam tat-turiżmu biex imexxu dan il-proġett? Iħossux sodisfatt li m'hemm l-ebda konflitt ta' interess minn dawn il-persuni fit-tħaddim ta' dan il-proġett hekk importanti għall-industrija tat-turiżmu? Jaħseb il-Ministru li kif stqarr hu stess f'konferenza stampa li dan l-aħħar li t-taħriġ għandu jsir prinċipalment mill-MCAST, l-Universita' u l-ITS fejn jista' ikun żgurat livell ta' kompetenza fit-tagħlim?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-programm HOTSME li għalih l-Unjoni Ewropea se toħroġ € 439,090 għandu l-għan li jipprovdi tagħlim professjonali kontinwu lill-ħaddiema u management ta’ lukandi żgħar. Dan il-programm se jiżviluppa l-għodda neċessarji sabiex dan it-taħriġ ikun possibbli. Għandi l-pjaċir ngħid li Malta, permezz ta’ l-M.H.R.A. u l-M.T.A., hija l-lead partner f’dan il-proġett li qed jipparteċipaw fih istituzzjonijiet oħra Ewropej. Ir-rwol ta’ l-M.H.R.A. u l-M.T.A. f’dan il-proġett huwa komplimentari. L-M.T.A. se tieħu ħsieb l-aspett tekniku filwaqt li l-M.H.R.A. hija responsabbli mit-tmexxija u l-amministrazzjoni. Iż-żewġ persuni indikati li ġew imqabbda mill-M.H.R.A. huma nies kompetenti u ma jirriżultax li hemm konflitt ta’ interess fix-xogħol li se jwettqu. Fir-rigward ta’ l-aħħar parti tal-mistoqsija, dan il-Gvern bir-raġun huwa kburi bl-Università, l-M.C.A.S.T. u l-I.T.S.. Dawn l-istituzzjonijiet għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp ta’ l-aqwa riżors li għandna fil-qasam turistiku jiġifieri in-nies li jaħdmu fis-settur. Fil-każ tal-proġett HOTSME, peress li dan huwa programm ta’ riċerka u ma fihx element ta’ taħriġ, mhuwiex il-każ li dawn l-istituzzjonijiet setgħu joffru t-taħriġ huma.

FTS — Impjegati

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 10106, jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li ma jagħtix informazzjoni marbuta ma' fondazzjoni li għandha fondi allokati mill-Parlament?

Response (GALEA, LOUIS)

Ir-raġunijiet ta' policy huma ta' natura relatata mal-protezzjoni ta' informazzjoni dwar persuni. Inżid ngħid li s-sekondimenti ta' l-impjegati konċernati sar skond il-policy stabbilita u li jien personalment lanqas biss kelli ħjiel tiegħu qabel saret il-Mistoqsija numru 10106. F'każ li hemm xi ħaġa speċifika li l-Onor. Membru jaħseb li għandha tiġi investigata jinformani biex jittieħdu l-passi meħtieġa.

Skejjel — Manutenzjoni

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 11386, jista' il-Ministru jgħid fejn se jsir xogħol ta' manutenzjoni fl-iskejjel kull fejn hemm bżonn? Kemm hemm flus ivvotati għal manutenzjoni msemmija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li xogħol ta' manutenzjoni hu xogħol regolari li jsir fl-iskejjel kollha minn żmien għal żmien u kull meta hemm bżonn u fil-limiti tal-ħin disponnibli. Informat ukoll li l-flus ivvutati għal manutenzjoni ordinarja amministrata mill-iskejjel jammontaw għal Lm196,000.

Marsaxlokk — Irmiġġi tas-sajjieda

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11580 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm sajjieda full-time li m'għandhomx irmiġġi max-xatt (ħoloq) ġewwa Marsaxlokk? Jista' jgħid x'inhu jsir sabiex kull sajjied ikollu irmiġġ xieraq, speċjalment meta dan ikun l-għajxien tiegħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita Marittima, permezz ta' l-iżvilupp li għamlet dan l-aħħar fil-Magħluq, ipprovdiet 117-il irmiġġ ġdid għas-sajjieda. Dan hu xhieda ta' l-importanza li l-istess Awtorita' tagħti lil dan is-settur.

Statementing moderating panel — Każi pendenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm każi pendenti sa Diċembru 2003 u sa Diċembru 2004 quddiem l-istatementing moderating panel? Jista' jgħid jekk għadx fadal każi pendenti mis-snin 2003 u 2004? Jista' jgħid kemm hemm każi penndeti sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li każijiet pendenti quddiem l-iStatementing Moderating Panel sa :- Diċembru 2003 kien ta' 281 każ, Diċembru 2004 kien ta' 368 każ. Informat li każijiet pendenti minn :- sena 2003 huwa 114 każ, sena 2004 huwa 174 każ. Informat ukoll li n-numru ta' każi pendenti sal-lum hu ta' 425.

Statementing moderating panel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm dehru studenti quddiem l-istatementing moderating panel f'Jannar, Frar u Marzu 2004 separatament? Jista' jgħid ukoll kemm dehru studenti quddiem l-istess bord f'Jannar, Frar u Marzu 2005 separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li dehru quddiem l-iStatmenting Moderating Panel huwa hekk :- 2004 2005 Jannar 30 36 Frar 33 36 Marzu 9 28

Marfa — Ramla tal-Bir

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk l-art fir-Ramla tal-Bir, fil-Marfa ngħatatx lill-privat jew le sabiex jiżviluppa private beach jew lido? Jista' jgħid lil min ġiet mogħtija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma jirriżultax li xi art tal-Gvern fir-Ramla tal-Bir fil-Marfa ingħatat sabiex jiġi żviluppat private beach jew lido, ħlief għal dik il-parti tal-Gvern li pjanta tagħha qed tiġi mehmuża ma' din it-tweġiba, u li ilha mogħtija għal skop turistiku għal dawn l-aħħar 37 sena.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk itteħditx xi tip ta' azzjoni fuq il-pjanijiet u dokumentazzjoni dettaljata meħtieġa li kienu ilhom 'il fuq minn sentejn li ġew ippreżentati lill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada minn esperti edukattivi tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Jista' jgħid x'se jsir din is-sena fuq dan il-proġett, meta se jibda u meta huwa maħsub li jintemm? Kemm hemm flus ivvutati għal dan il-proġett?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwelnett napprezza li l-Onor Membru jgħaddili kopja tal-"pjanijiet u dokumentazzjoni dettaljata meħtieġa" li jirreferi għalihom fil-Mistoqsija u li jidher li għandu fil-pussess tiegħu biex inkun nista' nwieġeb b'mod informat u rilevanti. Għall-liema proġett qed jirreferi?