Legislature:
Category:
Reset
Active:

Referees tal-football/basketball

Question

Waqt li nifraħ lill-għaqdiet tar-referees tal-football u tal-basketball tal-ġest simboliku li għamlu billi libsu flokk fejn talbu aktar protezzjoni fil-logħob rispettiv tagħhom, jista’ il-Ministru jgħid jekk bħala Ministru responsabbli għall-isport iħossx li għandu, flimkien mal-ministru ta’ l-intern, il-kummissarju tal-pulizija, l-MFA, l-MBA u anke l-għaqdiet tar-referees konċernati, jistudjaw dan il-fenomenu tal-vjolenza li reġa’ feġġ fl-isport f’pajjiżna u jaraw kif tista’ tinstab soluzzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Jiena naf li l-Ministeru ta' l-Intern isegwi dan is-suġġett mill-qrib u l-Kummissarju tal-Pulizija jieħu l-passi kollha meħtieġa għal prevenzjoni ta' inċidenti waqt il-logħob tal-ballun. Informat ukoll li l-Kunsill Malti għall-iSport sejjer jiddiskuti s-suġġett mal-Malta Football Association u mal-Malta Basketball Association f'laqgħat li ser isiru ma' l-Għaqdiet.

Żejtun — Skola primarja - Librerija

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi d-diffikulta’ li qed issib id-diviżjoni sabiex il-librerija li ġiet inawgurata ftit taż-żmien ilu fl-iskola primarja taż-Żejtun tkun tista’ tinfetaħ ukoll nhar ta’ Sibt u f’ħinijiet oħra meta l-iskola tkun magħluqa? Jista’ jgħid x’jiġri f’libreriji oħra fejn hemm sitwazzjoni simili bħal dik taż-Żejtun?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Ministeru ma jsib ebda diffikulta' li l-librerija li ġiet inawgurata ftit taż-żmien ilu fl-Iskola taż-Żejtun tkun tista' tinfetah ukoll nhar ta' Sibt u f'ħinijiet oħra meta l-iskola tkun magħluqa sakemm ikun żgur li hemm xi ħadd responsabbli li jara li min jidħol għal librerija ma joqgħodx idur fl-ispazju madwar l-iskola. B'hekk tkun tista' titħares is-sigurta' ta' l-iskola. Għalhekk ser nitlob lid-Direttur Operat tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex jiddiskuti mal-Kunsill Lokali kif jintlaħaq dan l-iskop.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Karozza tal-Ministru

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11585, jista’ il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-dokument tas-sejħa għal offerti li kien ħareġ mill-ministeru tiegħu biex inkriet il-vettura riferuta, filwaqt li jqiegħed ukoll kopja ta' l-iskeda ta' l-offerti li kienu sottomessi flimkien mar-rapport tal-bord ta' l-aġġudikazzjoni li wassal lill-ministeru biex tali vettura tinkera mingħand il-kuntrattur imqabbad? Fil-każ li tali dokumentazzjoni ma teżistix peress li ma kenitx tħejjiet, jista' jikkonferma li din il-vettura nkriet b'direct order? U jekk inhu l-każ, jista' iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-direct order li nħarġet?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra koorispondenza mal-Ministeru tal-Finanzi li tirrigwardja, fost ħwejjeġ oħra, il-kiri tal-vettura msemmija fil-Mistoqsija. Minn din il-korrispondenza jirriżulta li inkisbet l-approvazzjoni tal-Finanzi għall-kirja relattiva. Informat ukoll li minn stħarriġ li sar ma' kuntratturi li jikru l-karozzi, irriżulta li l-prezz u l-kondizzjonijiet offruti mill-kuntrattur attwali kienu vantaġġjużi u raġjonevoli.

Skola Hookham Frere — Gwardamanga

Question

Peress li saru diversi talbiet mill-kap ta’ l-iskola u anke mill-kunsill skolastiku ta’ l-iskola Hookham Frere fi Gwardamanġa biex biċċa art żdingata li tinsab fil-qasam ta’ l-iskola tinbidel fi play area għat-tfal tal-kindergarten, liema talbiet s'issa waqgħu fuq widnejn torox, u billi hu mifhum li x-xogħol meħtieġ biex dan iseħħ ma jqumx aktar minn Lm10,000, jista’ il-Ministru jgħid meta, permezz tal-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada jew direttament permezz tal-ministeru, ser isir dan ix-xogħol? Jista' ukoll jilqa' it-talba tal-kap u tal-kunsill biex żewġ kmamar li qed jintużaw bħala store jingħataw lill-kunsill skolastiku biex dan ikollu fejn jiltaqa'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proċedura stabbilita sabiex isiru xogħolijiet ta' 'maintenance' jew ta' 'upgrading' - li hija użata mill-kapijiet ta' l-iskejjel kollha - hija s-sottomissjoni ta' 'intervention request', fejn issir talba biex isiru dawk ix-xogħolijiet ikkunsidrati neċessarji. Informat li l-FTS ma għandha l-ebda ' intervention request' mill-iskola għax-xogħol imsemmi fil-Mistoqsija Parlamentari. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija informat li tlett snin ilu l-Kap ta' l-iskola Hookham Frere' kien talab lill-FTS biex jinbnew żewġ t'ikmamar wara l-bitħa ta' l-iskola, fejn ma jtellfu lil ħadd, biex jintużaw mill-'handyman' ta' l-iskola u bħala 'store'. Dan, biex il-kamra li bħalissa qed tkun okkupata mill-'handyman' tiġi mibdula f'uffiċċju biex tintuża mill-Kunsill ta' l-iskola. Jidher li din it-talba saret lill-FTS fil-bidu tat-twaqqif tagħha u ma ġietx ripetuta meta daħlet il-proċedura imsemmija fl-ewwel paragrafu. Ser nitlob l-FTS tikkomunika mal-Kap ta' l-iskola.

Pixxina nazzjonali

Question

Jikkonferma l-Ministru li xogħol ta’ manutenzjoni li sar dan l-aħħar fil-pixxina nazzjonali ma sarx fejn hemm l-ilma, jiġifieri fil-pool innifisha? Jikkonferma wkoll li l-madum fil-qiegħ ta’ l-istess pool qed jinqala’?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għat-Tweġiba numru 9892 li kien diġa ġie spjegat ix-xogħol li kellu jsir fl-ewwel fażi. Informat ukoll li l-madum imsemmi qed jiżviluppa ħsara li qed tiġi eżaminata.

Pulizija — Partita Floriana/Valletta

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu pulizija waqt l-inkwiet li nqala’ bejn il-partitarji wara l-logħba bejn Floriana u Valletta ta’ nhar is-Sibt 23 ta’April, 2005 fl-istadium nazzjonali? Kien hemm min korra serjament u se jkollu jibqa’ barra mix-xogħol? Kemm ġew arrestati nies? X’akkużi nġabu kontrihom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-inċidenti msemmija mill-Onorevoli Interpellant, weġgħu minn ta' lanqas żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija, li wieħed minnhom ġie mogħti s-sick leave. Infurmat ukoll illi b'konnessjoni ma' dawn l-istess inċidenti qed jittieħdu proċeduri kriminali kontra għaxar persuni.

Tim nazzjonali tar-Rugby

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’għajnuna beħsiebu jagħti l-ministeru tiegħu responsabbli għall-isport lit-tim nazzjonali tar-rugby? Intalbet xi għajnuna mill-federazzjoni ta’dan l-isport? Japprezza l-Ministru li biex lagħbu l-aħħar logħba f’pajjiżna kontra s-Serbja kellhom iħallsu mijiet ta’ liri għall-użu tal-ground? Japprezza li dan it-tim għamel unur lil Malta u b’hekk jistħoqqlu kull għajnuna possibbli?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li talbiet għall-għajnuna minn Għaqdiet Sportivi għandhom isiru lill-Kunsill Malti għall-Sports. Fil-fatt l-Għaqdiet Sportivi għandhom lista ta' skemi t'assistenza u inċentivi maħruġa mill-istess KMS biex ikunu jistgħu japplikaw. Informat ukoll li l-KMS diġa offra għajnuna għall-logħba Internazzjonali li jmiss wara laqgħa mal-uffiċjali tar-Rugby Football Union.

Skejjel Indipendenti — Sixth form

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx xi talbiet għal ftuħ ta’ sixth form mis-sena skolastika li jmiss jew anke aktar ’il quddiem minn xi skola indipendenti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti d-dettalji rilevanti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma saret l-ebda talba għall-ftuħ ta' sixth form minn xi skola Indipendenti.

VAT — Materjal edukattiv

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid x’ kien id-dħul totali mill-VAT fl-ewwel tliet xhur ta’din is-sena? Kemm minn dan kien minn dħul tal-VAT impost fuq materjal edukattiv, u dan skond l-istess liġi tal-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul totali mill-VAT għall-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien Lm45,441,947, li minnu ngħataw Lm8,211,754 f’rifużjonijiet. Għaldaqstant id-dħul net kien ta’ Lm37,230,193. Id-Dipartiment m’għandux informazzjoni dwar kemm kien l-ammont miġbur fuq materjal edukattiv.

Skejjel — Skola sajf

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’kontroll se jkun hemm biex jiġi assigurat li l-iskejjel kollha li joffru skola fis-sajf ikunu skond il-linji gwida tad-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni? Se jkollhom isiru xi ħlasijiet għal dan l-iskop? Se tiġi applikata l-VAT? Kulmin se joffri din l-iskola fis-sajf irid jinforma lid-diviżjoni, anke jekk tkun skola stabilita?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li min jorganizza skola tas-sajf u mhux diġa liċenzjat bħala skola skond l-Att ta' l-Edukazzjoni għandu jikseb ċertifikat ta' reġistrazzjoni mill-Ministeru permezz tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Informat ukoll li l-programm għandu jkun skond il-Kurrikulu Nazzjonali u jkun immexxi minn persuni kwalifikati, filwaqt li l-bini wżat għandu jkun adatt kif jitolbu kriterji stabbiliti. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tirriżerva d-dritt li tispezzjona l-programmi u l-postijiet fejn isiru u li twaqqafhom jekk meħtieġ. Ma ntalab l-ebda ħlas mar-reġistrazzjoni.

Pulizija — Partita Senglea/Hamrun

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministu jgħid jekk itteħdux passi kontra dawk il-persuni li waddbu numru mhux ħażin ta’ fliexken żgħar tal-plastik wara l-logħba bejn Senglea u Hamrun li saret fil-ground Victor Tedesco nhar is-Sibt 23 ta’April 2005? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm pulizija fil-ground? Kemm minnhom kienu xogħol u kemm bħala extra duty bi ħlas?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi in konnessjoni ma' l-inċidenti msemmija mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra erba' persuni. Infurmat ukoll illi għal din il-logħba kien hemm dettaljati ħmistax-il membru tal-Korp tal-Pulizija, li ħamsa minnhom kienu extra duty on payment.

Karti ta' l-Identita'

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11597 u jgħid, issa li pajjiżna huwa membru ta' l-Unjoni Ewropea hemmx xi tibdil fil-karta ta' l-identita' bejn dawk li għandhom l-'M' u dawk li minħabba li m'humiex Maltin mit-twelid ikollhom l-ittra 'A'? Jista' jgħid jekk din tmurx kontra xi regola ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li l-uniku tibdil bejn il-Karta ta’ l-Identità ta’ persuni li għandhom l-ittra ‘M’ u ta’ dawk li minħabba li m’humiex Maltin mit-twelid ikollhom l-ittra ‘A’ huwa li bdew jiġu stampati l-kliem ‘FOR USE IN MALTA ONLY’ fuq il-Karta ta’ l-Identità ta’ persuni li m’humiex ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan kollu sar il-għaliex il-Maltin għandhom dritt jużaw il-Karta ta’ l-Identità bħala dokument ta’ ivvjaġġar. Dan ma jmurx kontra xi regola ta’ l-Unjoni Ewropea.

Kontijiet tat-telefon

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-kontijiet tat-telefon li ħarġu għal Diċembru/Jannar kemm tħallsu fiż-żmien stipulat? Sar xi tnaqqis għalihom fil-kont li għadu kemm ħareġ f’dawn il-ġranet għall-perjodu Frar/Marzu? Kemm kien jammonta dan it-tnaqqis?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.1130.

Low cost airlines

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni ma’ l-Air Malta dwar l-impatt li jista’ ikollhom linji ta’ l-ajru low cost fuq l-operat tal-linja nazzjonali tagħna? X’kienet ir-reazzjoni ta’ l-Air Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-waqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liċenzjar biex linji ta' l-ajru joperaw f'Malta hija r-responsabbilta' ta' Ministeru ieħor, nikkonferma li saru konsultazzjonijiet mal-Air Malta li talbet li jkollha l-istess kundizzjonijiet u trattament bħal kwalunkwe linja ta' l-ajru oħra.

Għawdex — Persuni boarded out

Question

Tista’ il-Ministru tgħid kemm ġew boarded out nies f’Għawdex mis-sena 2002 sal-lum, xahar b’xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-aħħar parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10789 f'Seduta 252.

Pulizija — Xogħol waqt partiti tal-football

Question

Jikkonferma l-Viċi Prim Ministru li fil-maġġoranza tal-pulizija li jkunu xogħol bi ħlas waqt partiti tal-football ikunu hemm fuq bażi volontarja (extra duty)? X’persentaġġ ikun hemm li jkunu assenjati bħala xogħol? Jikkonferma li peress li issa dawn il-pulizija ilhom ma jitħallsu minn Novembru, 2004 hemm minnhom li mhux qed japplikaw li jmorru volontarjament u b’konsegwenza qed ikunu ordnati? X’inhu l-ammont totali sa l-24 ta' April 2005 li jridu jitħallsu l-pulizija li għamlu xogħol fil-grounds tal-football? Jista’ jgħid jekk dan jinkludix ukoll lil Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-extra duty on payment fil-Korp tal-Pulizija issir minn dawk il-membri tal-Korp li jkunu talbu sabiex jaħdmu dan ix-xogħol kull fejn ikun meħtieġ fuq bażi volontarja. Infurmat ukoll illi bħala regola, f'logħbiet tal-football normalment 33% tal-Pulizija assenjati ikunu bi ħlas. Ikun hemm okkażżjonijiet fejn, f'logħbiet ta' ċertu entita, dan il-persentaġġ jiżdied. Fil-preżent l-ammont dovut mill-MFA dwar extra duty on payment huwa ta' Lm15,029, filwaqt li dak għal Għawdex huwa ta' Lm1,701.

Skejjel — Xogħol ta' manutenzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11386, jista' il-Ministru jindika l-iskejjel fejn hemm bżonn ta' xogħol ta' manutenzjoni u x'tip ta' xogħol, anke fid-dawl ta' diskors li sar minnu stess fejn stqarr li ser isir ħafna xogħol fl-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — Xogħol ta' manutenzjoni

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11385 u jgħid bħalissa f'liema skejjel qiegħed isir xogħol ta' manutenzjoni u/jew xogħol ieħor? Jista' jgħid x'inhu x-xogħol li qiegħed isir u kemm jiswa f'kull każ? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.