Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kontijiet tad-dawl u l-ilma — Skejjel governattivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-iskop li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bdew jintbagħtu fl-iskejjel governattivi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma ntbagħtu ebda kontijiet fi skejjel governattivi iżda bi żvista ntbagħtu rċevuti. Dawn is-soltu jintbagħtu lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni.

Low cost airlines

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12109 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid liema huma dawk il-linji ta’ l-ajru magħrufa bhala low cost li wrew interess li joperaw lejn u minn Malta? Qed jagħmlu xi kondizzjoniet biex jibdew joperaw?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-linja ta' l-ajru magħrufa bħala low cost carrier li qiegħed jirreferi għalihom l-interpellant ma kellhomx laqgħat jew diskussjonijiet mad-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili.
Leg 10 PQ #12512 Sitting 276 2005-06-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Studenti Ċiniżi

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12112 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ ui Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu, u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim li ġie ffirmat fiċ-Ċina l-gimgħa li għaddiet dwar bdil ta’studenti għal skopijiet edukattivi?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Ftehim dwar bdil ta' studenti għal skopijiet edukattivi bejn Malta u ċ-Ċina li gie ffirmat iċ-Ċina fit-18 t'April 2005. Dan il-ftehim huwa working programme għas-snin 2005 - 2008 ibbażat fuq il-Ftehim prinċipali li ġie ffirmat bejn Malta u ċ-Cina fid-19 ta' Ġunju 2002, u għaldaqstant ġie ffirmat mill-Onor. Francis Zammit Dimech, Ministru għat-Turizmu u l-Kultura, matul iż-żjara tiegħu fiċ-Cina. Billi dan il-working programme huwa bbażat fuq il-Ftehim oriġinali tal-2002, ma kienx hemm bżonn li jsiru l-powers to sign biex jiffirmaħ il-Ministru Zammit Dimech.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Għoti ta' għajnuna

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna finanzjarja mill-Ministeru bejn l-1 ta' Jannar, 2004 u t-18 ta' Mejju, 2005? Lil min ingħatat din l-għajnuna u ta' kemm kienet separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.

Ċentri ta' l-eżamijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif jintgħażlu ċ-ċentri fejn isiru l-eżamijiet tal-Matsec, Sec u ta' l-Universita' ta' Londra? Kien hemm xi ilmenti fl-eżamijiet li qegħdin isiru bħalissa, kemm minn studenti u/jew ġenituri, dwar xi wieħed jew aktar minn dawn iċ-ċentri? X'kienu eżattament dawn l-ilmenti? X'sar dwar l-ilmenti li saru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ċ-ċentri ta' l-eżamijiet jintgħażlu skond kriterji stabbiliti mill-Bordijiet tal-eżamijiet lokali u barranin. Id-Dipartiment tal-Eżamijiet min-naħa tiegħu japplika dawn il-kriterji, filwaqt li kemm jista' ikun possibli jara li wkoll li dawn iċ-ċentri ikunu aċċessibli għall-kulħadd, preferibbilment f'lokalitajiet ċentrali. Fil-parti l-kbira tagħhom iċ-ċentri huma skejjel tal-istat minbarra skola privata f'Birkirkara u ż-żewġ ċentri tal-Belt, dawk ta' Sant Iermu u Biagio Steps. Waqt kull eżami li jsir, kull kandidat għandu dritt iressaq l-ilmenti tiegħu bil-miktub lid-Direttur tal-Eżamijiet, iżda bħal ma dejjem jiġri l-ġenituri li jilmentaw minħabba xi eżami, jippreferu jużaw it-telefon u ħafna jibqgħu anonimi. Kien hemm tliet ilmenti: - L-ewwel każ jittratta l-eżami tal-"Listening Comprehension" tal-Franċiż ta' l-Universita' ta' Londra li nżamm nhar il-Ġimgħa 13 ta' Mejju fiċ-Ċentru ta' Biagio fejn tliet ġenituri (minn 118) ilmentaw minn ħajt divorzju li jifred iż-żewġ swali u li minħabba f'hekk l-eżaminatur li kien qed jaqra t-test ma kienx jidher minn kulħadd. - Ilment ieħor tressaq rigward l-eżami tal-Malti SEC li nżamm nhar is-Sibt 14 ta' Mejju fl-iskola Marija Reġina, l-Blata l-Bajda meta s-sessjoni ta' filgħodu ġiet imfixxkla għal xi ħin minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet tat-tin tal-futbol tal-Ħamrun. - Ġenitur ilmenta mad-Direttur ta' l-Eżamijiet dwar l-iskola Maria Assunta, l-Ħamrun minħabba d-daqs tal-klassi u xi ħamiem li kien hemm fit-twieqi tal-klassijiet.

Junior lyceum — Eżamijiet

Question

Jista' il-Ministru jelenka n-numri ta' dawk li bħalissa qed joqogħdu għal kull suġġett ta' l-eżamijiet għad-dħul fil-junior lyceum? Kemm huma subien u kemm huma bniet? Kemm kien hemm li talbu biex ma joqogħdux għall-eżami tar-reliġjon?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li tfal għal kull suġett ta' l-eżamijiet tal-Junior Lyceum 2005, kien hemm daqshekk subien u bniet; Studji Soċjali Malti Ingliż Matematika Reliġjon Subien 2,332 2,330 2,341 2,341 2,306 Bniet 1,945 1,943 1,961 1,961 1,921 Informat ukoll li kien hemm 35 subien u 40 bniet li talbu li ma joqgħodux għall-eżami tar-reliġjon.

Skejjel — Lezzjonijiet tar-reliġjon

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'din is-sena skolastika kemm hemm studenti li jattendu l-iskejjel ta' l-Istat fil-primarji, sekondarji, eċċ. li ma jattendux għal-lezzjonijiet tar-reliġjon? Tinżamm statistika dwar kemm hemm minn dawn li jattendu skejjel indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena skolastika 2004/2005, in-numru ta' studenti li ma jattendux għal-lezzjonijiet tar-reliġjon li jattendu fl-iskejjel Primarji huwa ta' 286 student u dawk li jattendu fl-iskejjel Sekondarji huwa ta' 220 student. Informat ukoll li dwar studenti li jattendu fi skejjel Indipendenti, studenti li jattendu il-Primarja hemm 45 student u studenti li jattendu fis-Sekondarja hemm 55 student.

Żweġijiet

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel erba' xhur tas-sena kemm saru żweġijiet f’Malta u Għawdex? Kemm minnhom kienu żweġijiet ċivili biss?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' April ta' din is-sena f'Malta saru 417-il żwieġ li minnhom 125 kienu żwieġ ċivili. Fl-istess perijodu f'Għawdex saru 19-il żwieġ li minnhom 4 kienu żwieġ ċivili.

Żweġijiet

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mit-total taż-żweġijiet li saru fl-ewwel erba' xhur ta’din is-sena kienu bejn Maltin u barranin? Kemm saru żweġijiet ċivili biss fejn il-koppja kienu t-tnejn Maltin? U kemm fejn wieħed/waħda mill-koppja kien/et barrani/ja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mit-total ta' 417 żwiġijiet f'Malta li saru bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' April ta' din is-sena: 74 kienu żwiġijiet bejn Maltin ma' barranin; 19 kienu żwiġijiet ċivili fejn il-koppja kienu t-tnejn Maltin; 60 kienu żwiġijiet ċivili fejn wieħed/waħda mill-koppja kien/et barranija. Infurmat ukoll illi mit-total ta' 19-il żwieġ li saru f'Għawdex fl-istess perijodu, kien hemm 2 żwiġijiet ċivili bejn Maltin ma' barranin u 2 żwiġijiet ċivili fejn il-koppja kienu t-tnejn Maltin.
Leg 10 PQ #12403 Sitting 275 2005-06-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Monumenti/siti storiċi

Question

Jista’ il-Ministru jelenka dawk il-monumenti/siti storiċi li kienu l-mira ta’ vandali f’dawn l-aħħar 12-il xahar? Kemm kienet tammonta l-ħsara f’kull każ? Huwa informat jekk tressqux il-qorti xi persuni marbuta ma’ dawn il-każi kundannabbli?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar 12-il xahar kien hemm tlett każijiet ta' atti vandali fuq siti jew monumenti storiċi. Dawn kienu kif ġej: 1) Ħsara lis-Salib magħruf bħala 'Rajt ma Rajtx, Smajt ma Smajtx' li jinsab f'Birkirkara. Is-salib li keinu għadu kif ġie restawrat f'Diċembru tal-2004, inkisrulu partijiet mill-iskultura tiegħu. Il-ħsara kienet tammonta għall-aktar minn Lm500 u saret f'Marzu tal-2005. 2) Att vandalu fuq il-Bieb tal-Bombi fil-Floriana li sar f'Mejju tal-2005. F'dan l-att intużat taħlita ta' żejt li ntefa' fuq dan il-monument arkitettoniku. F'dan il-każ ukoll, il monument kien għadu kif ġie restawrat. It-tindif ta' din il-ħsara ġie jiswa Lm775. 3) Fil-15 ta' Settembru 2004, twaqqat biċċa mill-ħajt tas-sejjieħ fis-sit tas-Silġ u nħarqet il-kamra tal-għassies. It-tiswijiet għal dawn il-ħsarat ma swewx iktar minn Lm 200. Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-parti tal-mistoqsija rigward in-nies li tresqu il-Qorti lill-Ministru konċernat.

Bormla — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta tlesta l-lift fl-iskola primarja ta' Bormla? Kemm ġie jiswa u meta tħallas? Min kien il-kuntrattur li għamel dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-lift li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Membru, għadu ma ġiex installat. Tagħrif ieħor hu : It-‘tender’ għal-dan il-‘lift’ (FTS 81/110-02) intrebaħ minn ‘Panta Marketing Limited’ għall-prezz ta' Lm 8009, u s'issa, wara li sar id-‘delivery’ ta' dan il-‘lift’, tħallset is-somma ta' Lm 5,606.30. L-FTS kienet qiegħda f'negozjati mall-kumpannija ‘Kalaxlokk Co. Limited’ biex jinbena l-‘lift shaft’ għal dan il-‘lift’, iżda wara diversi skambji mad-Dipartiment tal-Kuntratti li ma setgħux jaċċettaw ir-rati li kienu qegħdin jiġu proposti mill-Kalaxlokk, ġie deċiż li jinħareġ ‘tender’ għall-bini ta' dan il-‘lift shaft’. Fil-fatt, dan it-‘tender’ intrebaħ, u x-xogħol fuq dan il-‘lift shaft’ mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Birgu — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskola primarja tal-Birgu hux se tingħalaq jew le? Kemm hija l-popolazzjoni ta' l-istudenti li qed jattendu f'din is-sena skolastika?

Response (GALEA, LOUIS)

Qatt ma kien hemm l-ebda ħsieb li tagħlaq l-iskola Primarja tal-Birgu. Il-popolazzjoni ta' l-istudenti fl-iskola primarja tal-Birgu f'din is-sena skolastika 2004/5 hija hekk : 31 ta' Jannar 2005 Bniet Subien Total Kindergarten 14 20 34 Primarja 53 60 113 Total 67 80 147

Belt Valletta — Skola primarja ta' Sant'Iermu

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11322, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-programm ta' xogħlijiet imsemmi fit-tweġiba mogħtija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proġett imsemmi fil-Mistoqsija Parlamentari 11322 huwa wieħed minn mijiet ta' talbiet oħra żgħar, ta' daqs medju jew kbar għal xogħolijiet differenti li jsiru minn żmien għal żmien minn diversi kapijiet ta' skejjel, u minn uffiċjali oħra fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Dawn ix-xogħolijiet jitwettqu fuq perjodu ta' żmien, meta jkun il-mument opportun u skond prioritajiet determinati minn diversi fatturi ewlenin fosthom sigurta', saħħa u urġenza.

MUS

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10108, jista' il-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat ta' l-analiżi li sar darba fix-xahar mill-MUS, u dan f'dawn l-aħħar sitt xhur, xahar b'xahar separatament? Jista' ipoġġi kopja ta' dawn ir-riżultati fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Studenti fl-iskema ESTS u TAS

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11651, jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti fl-iskema tal-ESTS u fl-iskema tat-TAS?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa l-aħħar t'April 2005, in-numru ta' studenti fl-iskema tal-ESTS kien ta' 468, li minnhom 404 huma subien u 64 bniet. In-numru ta' studenti fl-iskema tas-TAS kien ta' 553, li minnhom 517 huma subien u 36 bniet.

Kummissjoni

Question

Issa li wasal biex fi ftit ġimgħat jibdew il-vaganzi tas-sajf, tista’ il-Ministru tgħid jekk il-kummissjoni li twaqqfet biex tagħti pariri dwar, fost affarijiet oħra, l-eta` tad-dħul f’bars u postijiet ta' divertiment, fil-fatt għalqitx id-diskussjonijiet tagħha? Jekk fl-affermattiv, x’inhuma r-rakkommandazzonijiet? Meta hemm ħsieb li tittieħed deċiżjoni finali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Kummissjoni Nazzjonali kontra l-Abbuż mid-Droga, Alkoħol u Vizzji oħra, li mistennija tfassal pjan nazzjonali kontra l-abbuż mill-alkoħol, ninfurmaħ li f'dan l-istadju ma għandi xejn xi nżid mat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 7343 u 7363 f'Seduti 165 u 206 rispettivament.

Eżami tas-Sec — Lingwa Ingliża

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-każ ta’ l-eżami tas-SEC tal-Lingwa Ingliża din is-sena kien hemm għażla minn tliet komponimenti biss? Ma jaħsibx li dan ma jagħtix għażla wiesgħa biżżejjed biex ikopri dak li jkopru l-istudenti waqt l-istudji tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat mill-Bord tal-MATSEC kif ġej : Id-deċiżjoni dwar għażla mnaqqsa fil-komponiment fl-eżami tal-Lingwa Ingliża fil-livell tas-SEC hija bbażata fuq rakkomandazzjoni fil-letteratura internazzjonali li l-aħjar ma tingħata ebda għażla fl-assessjar tal-ħila fil-kitba. Din is-sena kien hemm għażla minn tlett tipi ta' kitba waqt li fis-sentejn ta' qabel l-għażla kienet minn erba' tipi. B'għażla mnaqqsa ikun akatr faċli tikkompara l-kitba ta' eluf ta' kandidati u min jikkoreġi ikun jista' jagħti l-marki b'inqas suġġettivita'. Minbarra hekk b'għażla wiesa' jista' jkun hemm xi titli ta' komponimenti itqal minn oħrajn u min iwieġeb lilhom jista' jkun żvantaġġjat. Għażla kbira tfisser ukoll li xi kandidati jitilfu l-ħin fl-għażla, idumu biex jiddeċiedu u jżidu ma' l-istress li jkollhom. Għażla wiesa' tista' tagħti l-lok lil xi studenti u għalliema biex iħallu barra xi tipi ta' kitba li hemm fis-sillabu għaliex fl-eżami wieħed dejjem jista' jolqot xi titlu ta' komponiment. Dan mhux fl-interess ta' l-istudenti għax jispiċċaw mill-iskola b'inqas ħiliet fil-kitba.

Logħobiet tal-football — Inċidenti

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk minħabba l-inċidenti varji li seħħew din is-sena f’logħbiet tal-football u peress li dawn setgħu kienu wkoll konnessi ma’ xorb żejjed, jahsibx li wasal iż-żmien li bħalma jsir f’pajjiżi oħra jiġi pprojbit il-bejgħ ta’ xorb alkoholiku f’kull stadium fejn isir logħob sportiv? Saru suġġerimenti f’dan is-sens minn uffiċjali tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kull meta jinħass li ikun opportun li ma jinbiegħx xorb alkoħoliku u birra fil-ground tal-football, il-Pulizija tinforma minn qabel lill-persuni responsabbli mill-bars fil-grounds. Peress li matul dawn l-aħħar staġuni ftit li xejn kien hemm inċidenti serji, kif ukoll minħabba li f'dan l-istaġun l-attendenza fil-grounds tal-football naqset, ma kienx hemm il-ħtieġa li tittieħed din il-miżura, ħlief fil-logħba tal-finali tal-FA trophy. Pero' is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant dejjem jista' jiġi ikkunsidrat jekk jinħass illi l-imġieba tal-partitarji teħżien tant li tkun hekk tirrikjedi.