Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Job experience scheme

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif qed taħdem il-job experience scheme ta' l-ETC? Jista' jgħid ukoll kemm qed jieħdu sehem f'din l-iskema? Kif qed jiġi mkejjel is-suċċess ta' din l-iskema?

Response (GALEA, LOUIS)

Infromat li l- Job Experience Scheme hija skema li ġiet maħluqa mill- Korporazzjoni bl-iskop li tagħti esperjenza ta’ xogħol lil żgħażagħ li jew qatt ma jkunu ħadmu jew inkella qatt ma ħadmu fil-linja li għaliha jkunu qed ifittxu xogħol. Din l-iskema toffri 13-il ġimgha esperjenza għal 20 siegha fil-ġimgħa. Matul dawn il-ġimgħat min iħaddem ma joħroġ xejn filwaqt li l-ETC toffri Lm 15- il lira fil- ġimgħa lill-parteċipant. Din titħaddem billi l-Korporazzjoni tirċievi talba minn min iħaddem u skond l- esiġenzi u l- post tax-xogħol il-Korporazzjoni tibgħat lil dak iż-żagħżugħ jew żagħżugħa li skond hi jkunu l- iktar addatti. Matul it 13– il ġimgha l- Korporazzjoni tara li dak li qed jipparteċipa qed jieħu l-esperjenza meħtiega. B’ hekk meta tispiċċa l- iskema u l- parteċipant jintbgħat f’ opportunita ta’ xogħol , ikun jista juri li kellu esperjenza fix- xogħol mixtieq minnu. Mill-1 t’ Ottubru 2004 sa l-aħħar ta’ Ġunju 2005 kien hemm 27 ġuvni u 26 tfalja li ħadu sehem f’ din l- iskema. Matul is-sena finanzjarja Ottubru 2003 u Settembru 2004 kien hemm 75 persuna li pparteċipaw. Informat li madwar 70% ta’ dawk li jipparteċipaw jibqgħu fl- impjieg jew ma l-istess imgħallem li miegħu ikunu ħadu l-esperjenza, jew isibu xogħol immedjatament wara li tispicca l- iskema .

National reform programme

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk in-national reform programme hux lest jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja ta' dan il-programm fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-proċess ta' National Reform Programmhu responsabbilita' ta' Kumitat tal-Kabinett li hu mmexxi mill-Ministru tal-Kompetittivita' u Komunikazzjoni.

Xogħol fit-triq fuq dgħajsa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux permess li persuna taħdem fuq id-dgħajsa tagħha quddiem id-dar tagħha stess għal ftit jiem sakemm tkun tista' tniżżilha fil-baħar? Jekk fl-affermattiv, huwa meħtieġ xi tip ta' permess? Jekk iva, kemm hu l-ħlas?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tweġiba hija fin-negattiv.

Salarji ta' impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati, self-employed u oħrajn, li fl-2003 iddikjaraw salarju, paga jew qliegħ ta' anqas minn Lm4,301 u ta' bejn l-Lm4,301 u s-Lm6,840?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eżamijiet tal-junior lyceum

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jagħti l-overall pass rate fl-eżami tal-junior lyceum għas-snin 1996 u 1997?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti li għaddew mill-eżami tad-dħul fl-ewwel sena fil-Junior Lyceum kien hekk : 1996 - 52.85% 1997 - 52.11% Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija pubblikata dwar is-suġġett.

Kors tat-telecommunication, electronic and engineering

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri mill-kors tat-telecommunication, electronic, engineering ta' l-istudenti li jinsabu fir-raba' sena li qed isir fl-MCAST? Jista' jgħid ukoll jekk hux se jkunu jistgħu jsiru r-resits?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kors tat-Telecommunications Electronic Engineering kien iwassal għall-eżamijiet City & Guilds 2720 li ġew offruti għall-aħħar darba f'Ġunju 2005. Din id-deċiżjoni kienet meħuda minn City & Guilds Londra qabel l-2002. Mhux se jkun hemm aktar eżamijiet għal din il-kwalifika u għalhekk m'hemmx aktar resits. L-istudenti msemmija bdew il-kors taħt id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u komplew l-aħħar sentejn ma' l-MCAST. Il-kors fit-Telecommunications and Electronics Engineering kien iwassal lill-istudenti għat-Technician Certificate numru 2720-01 biex wara jkomplu għat-Technician Diploma (numru 2420-02) fl-aħħar snin tal-kors għall-Advised Technician Diploma (numru 2720-03). Dawn l-eżamijiet waqfu jiġu offruti minn City and Guilds hekk kif ġej: 2720-01 TECHNICIAN CERTIFICATE - May 2003 2720-02 TECHNICIAN DIPLOMA - June 2004 2720-03 ADVANCED TECHNICIAN DIPLOMA - June 2005 Kif jidher minn dan, l-aħħar sessjoni ta' l-eżamijiet ta' City & Guilds f'dan is-suġġett kien Ġunju 2005. Dawn l-eżamijiet mhux qed ikunu offruti aktar minn City & Guilds u għaldaqstant ma jistgħux isiru reġistrazzjonijiet mal-Bord għal dawn is-suġġetti. Qed isiru sforzi biex dawn l-eżamijiet jiġu offruti f'Diċembru 2005 għall-istudenti li jeħlu f'Ġunju. Fil-preżent l-istitut ta' l-Inġenerija Elettrika u Elettronika m'għandux studenti fir-raba sena tal-kors imsemmi. Fl-2002 dan il-kors ġie sostitwit mill-EDEXCEL/BTEC National Diploma in Telecommunications.

Buġibba — Għassa tal-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija ta' l-għassa ta' Buġibba kenux irċevew xi lmenti matul din is-sena dwar klieb li kienu marbuta f'postijiet pubbliċi, inkluż f'postijiet li huma frekwentati ħafna mit-tfal? X'passi ttieħdu mill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mir-rekords disponibbli ma jirriżultax li kien hemm rapport kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.

Environmental Management Plan

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Environmental Management Plan hux komplut jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie mħejji abozz ta' National Strategy for Sustainable Development mill-Kummisjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli u wara proċess ta' konsultazzjoni pubblika dan qiegħed jiġi emendat.

Epidemija ta' l-influwenza

Question

Peress li l-uffiċjali tas-saħħa qed ibassru li jista' ikun hemm epidemija ta' l-influwenza, jista' il-Ministru jgħid kemm-il vaccine qed jiġi ordnat aktar mis-soltu? Min hu intitolat biex jieħu dan il-vaccine b'xejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa, ma teżisti l-ebda vaccine kontra l-istrain tal-influwenza li x'aktarx ser tikkaġuna pandemija. Ix-xjenzati jemmnu li hemm possibilita' li t-tilqima li tingħata kull sena kontra l-istrains normali tal-influwenza tista' toffri ftit ta' protezzjoni billi tnaqqas iċ-ċans ta' infezzjoni jew ittaffi s-sintomi wara li wieħed jiġi nfettat bil-virus. Minħabba din l-evidenza, l-gvern iddeċieda li din is-sena jixtri 66% vaccine iżjed mis-sena li għaddiet (minn 27,000 doża għal 45,000 doża). Il-gvern iddeċieda wkoll li jiftaħ iżjed il-kriterji ta' min hu ntitolat għal tilqim b'xejn. Dawn jinkludu: kull min għandu iżjed minn 55 sena, dawk kollha li jipprovdu servizzi mediċi diretti lil pazjenti, u kull min ibati minn mard kroniku bħalma hu d-dijabete, mard fis-sistema respiratorja, mard fil-kliewi, fil-fwied jew fil-qalb, u kwalunkwe mard li jaffetwa l-immunita' tal-bniedem, bħal kanċer jew l-AIDS. Fl-istess ħin, din it-tilqima hija offruta wkoll mill-privat.

Dipartiment tas-saħħa — Każi ta' influwenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-tobba jridux bilfors jinformaw lid-dipartiment tas-saħħa dwar kull każ ta' influwenza li jiltaqgħu miegħu? Liema huwa l-mard l-ieħor li jrid jiġi notifikat?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta' mard notifikabbli bil-liġi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-lista tinkludi l-influwenza.

Imwiet kawża tat-titjip

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel sitt xhur tas-sena kemm kien hemm imwiet, direttament jew indirettament, attribwiti lit-tipjip? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet minn Jannar sa Mejju ta' din is-sena u li meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta' 186 f'residenti ta' Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 131 raġel u 55 mara. Ċifri għax-xahar ta' Ġunju 2005 għadhom qed jinġabru.

Postijiet ta' divertiment — Tfal taħt l-eta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel sitt xhur tas-sena kemm kien hemm tfal taħt l-eta' li nqabdu f'postijiet ta' divertiment? F'liema lokalitajiet? Ittieħdu passi billi s-sidien tressqu l-qorti f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena l-Pulizija bdiet proċeduri quddiem il-Qorti kontra 14-il persuna responsabbli minn postijiet ta' divertiment, wara li kienu nstabu 31 persuna taħt is-sittax-il sena, f'postijiet ta' divertiment ġewwa San Ġiljan, B'Bugia, iż-Żurrieq u l-Fgura.

Tipjip fejn mhux permess

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel sitt xhur tas-sena kemm-il persuna nqabdet tpejjep fejn mhux suppost, bħal f'karozzi tal-linja, swali u teatri taċ-ċinema, fl-isptarijiet, skejjel, eċċ.? Jista' jagħti l-informazzjoni għal kull waħda separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra 116-il persuna talli pejpu f'postijiet fejn it-tipjip huwa projbit.

Tipjip fl-istabilimenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel sitt xhur tas-sena kemm-il darba ttieħdu passi bil-qorti kontra sidien talli ħallew li jsir tipjip fl-istabiliment tagħhom? Kemm-il każ ġie deċiż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra 16-il persuna talli ppermettew tipjip fl-istabbilimenti tagħhom. Kien hemm tnejn li nstabu ħatja, ħamsa ġew liberati filwaqt li l-proċeduri kontra d-disgħa l-oħra għadhom pendenti.

Junior Lyceum Tal-Ħandaq — Eżami ta' l-Istorja

Question

Minħabba li rċevejt numru ta' ilmenti minn ġenituri, jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li l-eżami ta' l-Istorja tal-Form 4 fil-Junior Lyceum Tal-Ħandaq irriżulta li partijiet sostanzjali minn dak li ħareġ fl-eżami ma ġiex magħmul fil-klassi matul is-sena skolastika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ilment imqanqal ma jirriżultax. L-eżami ta' l-Istorja tal-Form IV li għalih irrefera l-Onorevoli Interpellant kien l-eżami annwali għal-Junior Lyceums kollha. Il-karta ta' dan l-eżami kienet konformi mas-sillabu. In-nuqqas ta' lmenti mill-Junior Lyceums l-oħra jixdhu dan. Informat ukoll li skond informazzjoni li għandi kien hemm problema fil-Junior Lyceum tal-Ħandaq li kienet f'eżerċizzju wieħed u mhux f'partiiet sostanzjali tal-karta.

Tigne' — Club houses

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13295 u jgħid min se jieħu l-club houses li jinsabu f’Tigne` u li jiffurmaw parti mill-istess proġett u li kellhom jgħaddu għand l-għaqdiet li kienu jiffurmaw parti mill-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne`?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Marsaxlokk — Bini ta' sala fl-iskola primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid, wara li nħareġ il-permess mill-MEPA għall-bini ta' sala fl-iskola primarja ta' Marsaxlokk, meta se tiġi mibnija din l-istess sala?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol fuq din is-sala ikun jista' jibda wara li jsiru il-proċeduri meħtieġa konnessi mal-kuntratti involuti fil-bini u tagħmir tagħha.

ETC — Spezzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-ETC f'postijiet fejn qed isiru proġetti kapitali kbar, bħal ngħidu aħna l-isptar il-ġdid, sabiex taqbad persuni li qed jaħdmu b'mod illegali? Minn dawn l-ispezzjonijiet kemm inqabdu persuni jaħdmu illegalment f'dawn l-aħħar sentejn?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Prezzijiet tal-pilloli

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13296, li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x’passi qed jittieħdu għal ċerti abbużi li qed isiru fl-għoli ta’ ċerti pilloli li qed jiġu mportati mill-kumpannija li l-isem tagħha qed jingħata separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li meta l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta jasallu xi lment jew jirrizultalu, permezz tal-monitoring li jsir, li jista' jkun hemm xi abbuż fil-prezz ta' xi mediċina partikolari, tittieħed l-azzjoni neċessarja biex il-prezz ta' dik il-mediċina tinżel għall-prezz ġustifikat jekk jirrizulta li kien hemm abbuż fil-prezz.