Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Spezzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13384 u jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-ETC f'postijiet fejn qed isiru proġetti kapitali kbar, bħal ngħidu aħna l-isptar il-ġdid, sabiex taqbad persuni li qed jaħdmu b'mod illegali? Minn dawn l-ispezzjonijiet kemm inqabdu persuni jaħdmu illegalment f'dawn l-aħħar sentejn?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Tigne' — Club houses

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 13295 u 13372 u jgħid min se jieħu l-club houses li jinsabu f’Tigne` u li jifformaw parti mill-istess proġett u li kellhom jgħaddu għand l-għaqdiet li kienu jifformaw parti mill-assoċjazzjoni sportiva Tigne`?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Wied il-Għajn — Skola primarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13300, jista' il-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi differenti li qed jaħdmu fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn? Jista' jagħti wkoll in-numri tat-tenders maħruġa u x'xogħol kien qed jintalab f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol li qed isir fl-iskola ta' Wied il-Ghajn jikkonsisti fiż-żieda ta' sitt klassijiet, kamra oħra u faċilitajiet sanitarji fit-tielet sular ta' l-iskola. Ix xogħol qed isir minn kuntratturi differenti kif indikat fit-tagħrif li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Universita'

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13487 u jgħid jekk l-universita' għandhiex ħsieb li xi korsijiet ma jiftħux kull sena? Jista' jgħid liema huma dawn il-korsijiet? Jista' jgħid ukoll liema huma l-korsijiet li diġa' mhux qed jiftħu ta' kull sena? B'mod partikolari, jista' jgħid jekk għas-sena akkademika li jmiss u dik ta' wara, il-kors tat-tobba u l-avukati hux se jilqgħu studenti sabiex jibdew l-istudji tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull sena l-Universita' toffri madwar disgħin kors, li iżda mhux kollha huma offruti kull sena. Iżda jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-korsijiet tal-Liġi, Mediċina, Dentistrija, Arkitettura, Edukazzjoni, Kummerċ, Arti, Xjenza, Inġinerija u Teoloġija eċċ..dawn kollha qed jiftħu kull sena u ma hemm l-ebda ħsieb li f'xi sena ma jkunux offruti.

Fuljett "Titjib ta' l-Impjant ta' Sant'Antnin"

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm–il kopja tal-fuljett intitolat ‘Titjib ta' l-Impjant ta' Sant'Antnin" u li kien ippubblikat mill-kumpanija WasteServ u mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent ġew stampati? Jista’ jgħid ukoll f’liema stamperija ġew stampati u jekk ħarġitx sejħa għal offerti/tenders għall-istampar tagħhom? Kemm hi l-ispiża totali involuta, inkluż id-distribuzzjoni u l-pustaġġ u minn liema vot tħallsu l-ispejjeż konnessi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

MEPA — Riċiklaġġ ta' Sant'Antnin

Question

Jista’ il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Bord tal-MEPA kienx aċċetta l-analiżi komparattiva fuq l-għażla tas-siti għall-proġett tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin magħmul mill-kumpannija SLR għan-nom tal-kumpannija WasteServ, skond kif inhu stipulat fit- terms of reference ta' l-istess MEPA fl-2004? Min kienu l-membri tal-bord li ddeċidew dwar dan u f'liema data ttieħdet id-deċiżjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Dipartiment taż-żgħażagħ u sport

Question

Jista’ il-Ministru jgħid min qed jieħu ħsieb imexxi d-dmirijiet li qabel kienu jaqgħu taħt id-dipartiment taż- żgħażagħ u sports fi-rigward taż-żgħażagħ? Liema huma r-responsabbiltajiet li nżammu u dawk li ma nżammux? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-futur tas-sezzjoni taż-żgħażagħ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Sezzjoni Żgħażagħ taqa' taħt ir-responsabbilta' tad-Direttur għas-Servizzi Korporattivi u Implimentazzjoni ta' Programmi. Is-Sezzjoni hija responsabbli minn programmi u inizjattivi fi ħdan l-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Il-futur tas-Sezzjoni Żgħażagħ huwa li tibqa' l-organu governattiv li timplimenta l-Politika Nazzjonali.

Studenti gradwati fil-youth studies

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhuma l-ħsebijiet tal-gvern għall-gradwati fil-youth studies mill-fakulta` ta’ l-edukazzjoni u li m’għandhomx opportunitajiet f’dan il-qasam? Huwa l-ħsieb tal-gvern li minkejja dan ser jibqa’ jgħaddi finanzi għal dan il-kors? Minħabba li matul din is-sena fetaħ il-kors ta’ l-MA, jista’ jgħid jekk hemmx pjani sabiex dawn il-youth workers jiġu offruti mpjieg full-time?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Gvern jemmen li l-Universita' għandha kemm jista' jkun toffri korsijiet ta' studju u riċerka ta' l-ogħla livell possibli fl-oqsma li għalihom ikun hemm talba mill-istudenti. Il-Gvern ma jemminx li l-Universita' għandha timxi bil-prinċipju li toffri korsijiet biss fl-oqsma fejn is-suq tax-xogħol ikollu domanda kif timplika l-Mistosija. Il-Gvern iħalli l-individwi jidħlu għal opportunitajiet ta' studju u riċerka skond il-kwalifiki meħtieġa u l-inklinazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, informat li numru ta' studenti li ggradwaw fil-youth studies mill-Fakulta ta' l-Edukazzjoni qegħdin jagħtu servizz f'diversi oqsma bħall-ċentri taż-żgħażagħ, oqsma volontarji u empowerment centres. Bħalissa għandna 7 empowerment centres. Hemm ukoll gradwati li qed jifformaw kooperativi li joffru s-servizz tagħhom lil diversi entitajiet. Wieħed jifhem ukoll li ħafna minn dawk li jsegwu dan il-kors diġa jkollhom xogħol full-time u student jista' jagħżel li jsegwi kors għall-iżvilupp personali tiegħu mhux biss għall-impjieg.

Youth empowerment centres

Question

Minħabba li s-seba’ youth empowerment centres huma ffinanzjati mill-gvern, jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-youth workers mhumiex impjegati part-time mid-dipartiment jew mill-kunsill lokali konċernat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Youth Centres huma inizjattiva bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali. Dawn joperaw fuq bażi ta' kuntratt għal perjodu ta' sentejn li mhux neċessarjament jista' jiġi mġedded. Il-Youth Workers jagħtu servizz lil Kunsill u mhux lid-Dipartiment, u għalhekk jitħaddmu part-time mid-Dipatiment.

Guidance and counselling teachers — Youth workers

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk kienx hemm, jew hemmx il-ħsieb, li jiġu mpjegati youth workers fl-iskejjel sabiex jgħinu lill-guidance & counselling teachers?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalissa ma hemmx ħsieb li jiġu mpjegati youth workers fl-iskejjel sabiex jgħinu lill-guidance & counselling teachers.

FTS — Skola ta' Bormla

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12475, jikkonferma l-Ministru li xi persuni tal-fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada marru fl-iskola primarja ta' Bormla u staqsew sabiex jaraw il-lift li fl-opinjoni tagħhom kien diġa' imwaħħal?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jirriżultax dak li qed jimplika l-Onor. Membru fil-Mistoqsija.

Skejjel tal-gvern — Catchment area

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra dak li jissejjaħ catchment area għall-iskejjel sekondarji u l-junior lyceums ta' l-iskejjel tal-gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan hu xogħol li jsir matul dan iż-żmien. Peress li l-catchment areas għadhom qed jinħadmu dawn il-listi ma jistgħux jingħataw. Il-catchment areas ikunu lesti f'Settembru.

Skola San Miguel — Studenti bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx aktar spazju fejn jidħlu studenti b'diżabilita' sabiex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom fl-iskejjel speċjali, b'mod partikolari fl-iskola San Miguel ta' Pembroke? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni għal dan u x'qed isir biex dan l-ispazju jinħoloq għal dawn l-istudenti bi bżonnijiet speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Gvern qed iħaddem il-politika ta' edukazzjoni inklussiva li titlob li kemm jista' jkun it-tfal bi bżonnijiet speċjali jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fl-iskejjel normali.

Persuni b'diżabilita'

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li dawk li jgħixu fit-tieni dar għall-persuni b'diżabilita' li nfetħet xi żmien ilu wara Dar Nazareth fiż-Żejtun mhux qed jibbenefikaw mill-għoti ta' ħalib bħalma qed jiġri fir-residenza l-oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ebda Dipartiment jew entita' li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi ma qed jipprovdu lil Dar Nazareth bl-għotja li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant. Għalhekk nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Universita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-universita' għandhiex il-ħsieb li xi korsijiet ma jiftħux kull sena? Jista' jgħid liema huma dawn il-korsijiet? Jista' jgħid ukoll liema huma l-korsijiet li diġa' mhux qed jiftħu ta' kull sena? B'mod partikolari, jista' jgħid jekk għas-sena akkademika li jmiss u dik ta' wara l-kors tat-tobba u l-avukati hux se jilqgħu studenti sabiex jibdew l-istudji tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.