Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' skejjel li huma liċenzjati biex jgħallmu l-Ingliż jew xi suġġetti oħra lill-barranin? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti bħalissa u f'kull każ minn min saru? Meta saret kull applikazzjoni? F'liema lokalita'? Jista' jgħid jekk fil-bord ta' l-għażla hemmx xi persuna jew persuni li huma stess għandhom skola liċenzjata, jew b'xi mod jew ieħor għandhom xi interess f'xi skola liċenzjata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li 46 skola huma liċenzjati sabiex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin. Ma hemm l-ebda applikazzjoni pendenti bħalissa. Skond il-liġi, fuq il-Bord ta' Sorveljanza hemm Membru ta' l-Assoċjazjoni ta' l-Iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin li huwa wkoll kap ta' waħda minn dawn l-iskejjel u Membru ieħor li hija persuna li ġiet eletta mill-kapijiet ta' l-iskejjel li għandhom liċenzja sabiex tirrapreżentahom fuq dan il-Bord.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm vakanzi bħalissa f'kull rank fil-korp tal-pulizija? Jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li dawn jimtlew biex il-korp ikun jista' jaħdem b'mod aktar effiċjenti? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm membri tal-korp li matul din is-sena talbu u ngħataw estensjoni ta' sena għas-servizz wara li jkunu għalqu s-60 sena? Jista' jgħid jekk kienx hemm każi fejn din it-talba ġiet rifjutata? F'kull każ, x'kien ir-rank ta' pulizija li applikaw għall-estensjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent fil-Korp tal-Pulizija hemm vakanzi ta' 6 Supretendenti, 6 Spetturi u 104 Kuntistabbli. Infurmat ukoll illi nhar il-Ġimgħa 23 ta' Settembru, temmew il-kors ta' taħriġ u ngħataw il-ġurament 100 kuntistabbli filwaqt li 33 kuntistabbli li kienu għaddew mill-aħħar proċess li kien sar għall-promozzjoni għall-surġenti, ngħataw il-ħatra ta' surġenti. Inbeda wkoll il-proċess sabiex il-vakanzi ta' Supretendenti jkunu mimlija.
Infurmat ukoll illi matul din is-sena kien hemm żewġ Supretendenti u żewġ Kuntistabbli li talbu sabiex jibqgħu iservu fil-Korp wara li għalqu s-sittin sena. It-talba ta' dawn kollha ġiet milqugħa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Awissu ta' din is-sena? Kemm kienu rġiel u kemm nisa? Kemm kienu bejn id-19 u l-21 sena? Kemm kienu taħt il-21 sena? F'kull każ kemm kienu rġiel u kemm nisa?
Response (GALEA, LOUIS)
Skond l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-Ewwel u fit-Tieni Parti tar-Reġistru f’Awissu 2005 kien ta’ 7,177. Minn dawn 5,571kienu irġiel u 1,606 kienu nisa.
Hawn taħt issib tabella ta’ kemm kien hemm irġiel u nisa jirreġistraw għax-xogħol fl-Ewwel u fit-Tieni Parti tar-Reġistru f’Lulju 2005 bl-etajiet skond kif indikat fil-mistoqsija:
Jirreġistraw f'Awissu 2005
Irġiel
Nisa
Total
bejn 19 - 21 sena
519
287
806
taħt il -21 sena
663
480
1,143
Kien hemm 229 persuna li sabu xogħol matul ix-xahar ta’ Awissu 2005 li kienu jirreġistraw għax-xogħol taħt l-Ewwel u it-Tieni Parti tar-Reġistru .
Tista' il-Ministru tgħid x'kien in-numru totali ta' nies li talbu għall-għajnuna mid-detox minn Jannar 2005 sa l-aħħar ta' Awissu? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa u f'kull każ kemm kienu Maltin u kemm kienu barranin? Kemm marru d-detox għall-kura f'Ġunju, Lulju u Awissu separatament u kemm minn dawn kienu barranin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid minn dawk li talbu għall-għajnuna miċ-ċentru tad-detox fit-tliet xhur bejn Ġunju u Awissu x'kienet l-eta' medja? X'kienet l-akbar u l-iżgħar eta'? X'kienu d-drogi li l-aktar kienu jiddependu fuqhom dawk li talbu għall-għajnuna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-eta' medja ta' dawk li talbu l-għajnuna miċ-Ċentru tad-Detox bejn Ġunju u Awissu 2005 kienet ta' 30 sena. L-akbar u l-iżgħar eta' kienu 64 sena u 17-il sena rispettivament.
Peress li miċ-Ċentru jingħata sostitut għall-eroina, id-droga li l-aktar jabbużaw minnha dawk li fittxew l-għajnuna kienet l-eroina.
Jista’ il-Ministru jwieġeb mistoqsija 13491 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni , Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk in-national reform programme hux lest jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja ta' dan il-programm fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, ĊENSU)
ONOR. ĊENSU GALEA: Fit-30 t'Awissu, il-Ministeru tiegħi flimkien mal-Management Efficiency Unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru nieda perjodu ta' konsultazzjoni dwar in-National Reform Programme, li għalaq nhar il-ġimgħa 23 ta' Settembru. Wara li jiġu analizzati is-sottomissjonijiet li daħlu, isir id-dokument finali li ser ikun wkoll ippublikat. Ma nsib l-ebda diffikulta li npoġġiħ fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13494 u jgħid minn liema postijiet ġejjin l-istudenti li għaddew mill-eżami tal-junior lyceum ta' din is-sena u kemm kienu f'kull każ? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għal dawk l-istudenti li m'għaddewx minn dan l-istess eżami?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm skejjel indipendenti li għollew il-miżati tagħhom għas-sena skolastika li jmiss u liema huma? B'kemm f'kull każ? Ingħataw raġunijiet lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għal din iż-żieda?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intalbu revision of papers għall-eżamijiet tas-SEC u MATSEC ta' Mejju/Ġunju li għadda? F'liema suġġetti? Kemm inbidlu marki?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jikkonferma l-Ministru li matul ix-xhur tas-sajf uffiċjali tal-monitoring board m'għamlu l-ebda spezzjoni fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? X'inhi r-raġuni għal dan? Kif allura nżamm kontroll kif titlob il-liġi fuq il-kwalifiki ta' l-għalliema li l-postijiet huma adekwati u ħwejjeġ oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt assikurat li l-awtoritajiet edukattivi assiguraw li l-għalliema konċernati għandhom il-kwalifiki mitluba u li l-iskejjel huma adegwati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru lmenti minn studenti barranin fuq familji li kienu qed jospitawhom? F'liema lokalitajiet? X'passi ttieħdu? Kemm saru spezzjonijiet fid-djar tal-familji matul din is-sena biex jaraw li kollox kien kif suppost skond il-liċenzja maħruġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' lmenti li saru matul din is-sena minn studenti barranin kien ta' erba' (4). Kien hemm ilment wieħed minn kull waħda minn dawn il-lokalitajiet: Sliema, San Ġwann, Swieqi u San Pawl il-Baħar.
Dawn l-ilmenti ġew investigati mid-Direttorat ta' l-Infurzar imma ma ttieħdet l-ebda azzjoni legali minħabba li l-allegazzjonijiet ma setgħux jiġu ppruvati. Il-familji kienu mwissija dwar l-obbligi tagħhom bħala familji ospitanti.
Mill-ewwel ta' Jannar 2005 sal-lum saru 80 spezzjoni fir-residenzi ta' familji ospitanti. 54 minn dawn l-ispezzjonijiet saru mingħajr avviż biex jiġi iċċekjat li l-kondizzjonijiet tal-liċenza qed jiġu osservati. 26 spezzjoni oħra kienu investigazzjonijiet ta' lmenti li rċieva d-Direttorat kemm minn Maltin kif ukoll minn barranin.
Matul din is-sena ttieħdu dawn l-azzjonijiet legali mid-Direttorat ta' l-Infurzar:
- Ħames każi dwar familji ospitanti li ma osservawx il-kondizzjonijiet tal-liċenza;
- Tliet każi dwar familji li operaw bħala familji ospitanti mingħajr ma kienu fil-pussess ta' liċenza valida;
- Tliet każi kontra Skejjel tal-lingwi barranin li rreferew studenti għand familji li ma kellhomx liċenza.
Jista' il-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw jew ser jintużaw biex jintgħażlu l-kordinaturi tal-kulleġġi li twaqqfu bi prova? Jista' jgħid ukoll meta ser jitwaaqaf il-bord tal-gvernaturi ta' kull kulleġġ? Xi kriterji ser jintużaw sabiex dawn jiġu magħżula? Min ser jagħżel lil dawn il-persuni? Jikkonferma li dawn mhux ser jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar l-ewwel punt tal-Mistoqsija ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra is-sejħa għal applikazzjoni relattiva.
Dwar l-aħħar tlett mistoqsijiet tweġiba tingħata aktar 'l quddiem meta l-materji mqanqla jiġu deċiżi.
Jista’ il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13486 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta` Socjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi r-raġuni li dawk li jgħixu fit-tieni dar għall-persuni b'diżabilita' li nfetħet xi żmien ilu wara Dar Nazareth fiż-Żejtun mhux qed jibbenefikaw mill-għoti ta' ħalib bħalma qed jiġri fir-residenza l-oħra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minkejja li l-għoti ta' ħalib b'xejn ma jaqax taħt ir-responsabilita' tiegħi jien infurmat li l-gvern qatt ma pprovda ħalib b'xejn lid-Djar għall-persuni b'diżabilita' msemmija.
Fuljett bl-isem "Titjib ta' l-Impjant ta' Sant'Antnin"
Question
Jista’ il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13656 u jgħid kemm–il kopja tal-fuljett intitolat ‘Titjib ta' l-Impjant ta' Sant'Antnin" u li kien ippubblikat mill-kumpanija WasteServ u mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent ġew stampati? Jista’ jgħid ukoll f’liema stamperija ġew stampati u jekk ħarġitx sejħa għal offerti/tenders għall-istampar tagħhom?
Kemm hi l-ispiża totali involuta, inkluż id-distribuzzjoni u l-pustaġġ u minn liema vot tħallsu l-ispejjeż konnessi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għall-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant, jista’ jingħad li ġew stampati b'kollox 36,000 fuljett. Dan il-fuljett ġie stampat għand l-ISR Printers. Din il-kumpanija tifforma parti mill-grupp JP Advertising, l-istess kumpanija mqabbda mill-WasteServ Malta Limited għall-servizzi ta' komunikazzjoni. Il-JP Advertising kienu magħżula wara sejħa pubblika (Expression of Interest) f'Ottubru 2003 għal dan is-servizz.
Għat-tweġiba tal-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kont tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 13392.
Jista’ il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13657 u jinforma lill-Kamra jekk il-Bord tal-MEPA kienx aċċetta l-analiżi komparattiva fuq l-għażla tas-siti għall-proġett tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin magħmul mill-kumpannija SLR għan-nom tal-kumpannija WasteServ, skond kif inhu stipulat fit-terms of reference ta' l-istess MEPA fl-2004?
Min kienu l-membri tal-bord li ddeċidew dwar dan u f'liema data ttieħdet id-deċiżjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nikkonferma li l-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-24 ta' Ġunju 2004, kien aċċetta l-analiżi komparattiva fuq l-għażla tas-siti għall-proġett tar-riċiklaġġ ta' Sant' Antnin magħmul mill-kumpannija SLR għan-nom tal-kumpannija WasteServ Malta Limited.
Tmien (8) membri ivvutaw favur filwaqt li tlieta (3) ivvutaw kontra. erba’ (4) membri ma kenux preżenti meta ttieħdet din id-deċiżjoni.
Il-bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kien kompost mis-sinjuri: Andrew Calleja, Chairman, Victor Torpiano, Ronald Azzopardi, Michael Ellul, Alfred Mangion, Salvator Mousù, Sandra Sladden, Peter Zammit, Leonard Callus, Godwin Debono, Saviour Gauci, Anthony Mifsud, Joseph Falzon, Joe Brincat u Karen Vincenti. Kif jidher il-Kamra tar-Rappreżentanti hija rrappreżentata fuq il-bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) b' żewġ membri, wieħed innominat mill-Prim Ministru u l-ieħor mill-Kap Ta' Oppożizzjoni.
B’referenza ghall-mistoqsija parlamentari 1138 li ġiet imwieġba f’seduta numru 32, jista’ il-Ministru jgħid jekk in-numru msemmi hux biżżejjed għall-ħtiġijiet u t-talbiet ta’ l-iskejjel fejn tidħol għajnuna lit-tfal mill-complementary teachers?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' Complementary Teachers huwa 84, 10 minnhom f'Għawdex. Jirriżulta li hemm riżorsi biżżejjed biex jitwettqu l-programmi ta' litteriżmu li jkun hemm bżonn.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kienet il-popolazzjoni ta’ l-istudenti fis-sena skolastika li għaddiet fl-iskola sekondarja tal-bniet Maria Assunta fil-Ħamrun?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-popolazzjoni ta' l-istudenti fis-sena skolastika li għaddiet fl-iskola sekondarja tal-bniet Maria Assunta fil-Ħamrun kienet 893.
Jista’ il-Ministru jgħid x’ġie deċiż dwar l-iskola ġdida li tinsab fl-inħawi magħrufa bħala tal-Karwija?
Response (GALEA, LOUIS)
L-iskola tinsab f'Ħal Kirkop u mhux fl-inħawi magħrufa bħala tal-Karwija.
Din l-iskola ġdida sekondarja subien fetħet għall-ewwel darba illum kif pjanat u laqgħat fiha l-ewwel studenti subien fil-Form 1, Form 2 u Form 3. L-iskola sekondarja subien tifforma parti mill-Kuleġġ San Benedittu.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux minnu li fl-iskola Ninu Cremona, Għawdex, l-istudenti ta’ l-ewwel sena li kienu jinsabu fl-ewwel u t-tieni klassi ta’ dawk li m’għaddewx mill-eżami tal-Junior Lyceum, kellhom kotba differenti fis-suġġett ta’ l-Ingliż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Area Secondary hemm sillabi differenti addattati għall-bżonnijiet tat-tfal. Dan jeħtieġ kotba differenti. Fl-Ingliż bħal fil-każ ta' suġġetti oħra, l-kotba tal-Junior Lyceum huma differenti minn dawk tal-kotba ta' l-Area Secondary.
Jista’ il-Ministru jgħid x’tibdil sar fil-youth support programme? Veru li dawn l-applikazzjonijiet din is-sena ma nfetħux u allura bosta għaqdiet ma jistgħux jibbenefikaw minn għotja ta’ flus, żgħira kemm hi żgħira?
Response (GALEA, LOUIS)
L-applikazzjonijiet taħt il-Youth Support Programme fetħu u għalqu u l-Bord qed jikkonsidra u jevalwa dawn l-applikazzjonijiet.