Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għalliema ġodda

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm applikaw għalliema ġodda sabiex jidħlu jgħallmu? Għal liema suġġetti applikaw, kemm ġew magħżula u f’liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li 375 persuna applikaw għall-post ta' għalliem/a fl-iskejjel ta' l-Istat. It-tagħrif fl-aħħar parti tal-Mistoqsija ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kotba għall-klassijiet primarji

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm-il ktieb ġdid inxtara għall-klassijiet primarji għas-sena skolastika li fetħet f’dawn il-jiem? Liema huma? Kemm swew? Min ħa l-kuntratt? Kemm-il ditta tefgħet l-offerta u liema kienu? Kemm kienet kull offerta? Jista’ jgħid ukoll meta tqassmu dawn il-kotba fl-iskejjel u f’liema klassijiet (year)?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Xiri ta' kotba għall-klassijiet sekondarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il ktieb inxtara għall-klassijiet sekondarji għas-sena skolastika li fetħet f’dawn il-jiem? Liema huma? Kemm swew? Min ħa l-kuntratt? Kemm-il ditta tefgħet l-offerta u liema kienu? Kemm kienet kull offerta? Jista’ jgħid ukoll meta tqassmu dawn il-kotba fl-iskejjel u f’liema klassijiet (form)?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Resits tas-SEC/MATSEC

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li qagħdu għar-resits tas-SEC u l-MATSEC separatament fis-suġġetti differenti? Kemm kienu subien u kemm kienu bniet? Kemm għaddew f’kull suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Assenteiżmu mill-iskejjel

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’kien il-persentaġġ ta’studenti fl-iskejjel ta’ l-Istat li fis-sena skolastika li għaddiet ma attendewx l-iskola mingħajr raġuni ? Jista’ jagħti l-figuri għall-primarji, sekondarji u l-kumplament separatament? Meta mqassmin bejn studenti subien u bniet, liema kienet l-ogħla?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta.

Year 6 tal-primarja

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kienu t-tfal li kienu qed jattendu fl-aħħar sena tal-Primarja (year 6) matul is-sena skolastika li għaddiet? Jista’ jagħti din l-informazzjoni għal kull skola separatament? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu dawk li kienu f’xi skola tal-Knisja jew privata separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li kienu qed jattendu fl-aħħar sena tal-Primarja matul is-sena skolastika li għaddiet huwa ta' 3,798. L-informazzjoni għal kull skola qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kappara — Traffic lights

Question

Jista’il-Ministru jgħid jekk is-survey li ilu xhur sħaħ isir fuq it-traffic lights fir-roundabout f’tal-Kappara (magħrufa bħala fejn it-tankijiet tal-gass) tlestiex? Jekk iva, jista’ ipoġġi kopja fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk le meta ser jitlesta? Jista’ jgħid kemm se jdumu jteptpu dawk id-dwal li hemm mar-roundabout?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qed tikkoordina bejn id-Direttorati kollha sabiex tniedi pjan dwar x'jista' jsir f'dan il-perjodu transitorju sakemm jitlesta l-proġett finali ta' upgrading f'dan is-sit. Rapport kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Tribunal skolastiku

Question

Jista’ il-Ministru jghid minn min huwa kompost it-tribunal skolastiku u fuq liema kriterji ġew magħżula l-membri tiegħu? Meta twaqqaf dan it-tribunal bil-kompożizzjoni kif inhi fil-preżent? Jista’ jghid jekk dawn il-membri jitħallsux jew le? Jekk fl-affermattiv, kemm huwa dan il-ħlas? Jista’ jgħid ukoll kemm–il darba ltaqa’ dan it-tribunal minn meta ġie kostitwit sal-lum? Kemm–il każ instema’ quddiemu u kemm ġew deċiżi? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm każi pendenti sabiex jitilgħu quddiem dan it-tribunal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Tribunal Skolastiku hu preżentament kompost minn: a) Dr Anna Felice - President b) Is-Sur Carmel D'Amato - Membru jirrapreżenta l-Universita' u l-iskejjel kollha ta' l-Istat c) Is-Sur Joseph Muscat - Membru maħtur mill-Malta Union of Teachers d) Fr Alan Scerri - Membru jirrappreżenta l-iskejjel kollha liċenzjati taħt dan l-Att. It-Tribunal Skolastiku ġie mwaqqaf fl-1 ta' Diċembru 2004 u jien infurmat li s'issa ltaqa' darbtejn. Informat ukoll li l-Bord qed jittratta l-erba' każi li għandu quddiemu. Ma hemmx remunerazzjoni għall-membri ta' dan il-Bord.

Każ ta' għalliem

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta se jiġi deċiż il-każ ta’ għalliem li ilu jgħallem għal aktar minn 15–il sena u li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li għadu ma ngħata la l-warrant temporanju u wisq anqas il-warrant permanenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan il-każ kien diġa deċiż fit-23 ta' Awissu 2004. Din il-persuna billi ma qablitx mad-deċiżjoni li ngħatat resqet il-każ tagħha quddiem it-Tribunal Skolastiku.

Youth specialisation studies scheme credential committee

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi l-ħidma li jwettaq il-youth specialisation studies scheme credentials committee?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Youth Specialisation Studies Scheme Credentials Committee, kumitat appuntat mill-Ministru kull sena, janalizza l-applikazzjonijiet ta’ l-istudenti u jara li dawn ikunu konformi mal-kriterji maħruġa fl-applikazzjoni, fosthom li l-istudenti jkunu bejn it-18 u t-30 sena u li l-korsijiet ma jiġux provduti lokalment.

Xogħol fi skejjel matul is-sajf

Question

Jista’ il-Ministru jgħid matul dan is-sajf fejn sar xi xoghol fl-iskejjel? Min kien il-kuntrattur li għamel dan ix-xoghol u kemm ġie jiswa? Meta nbeda dan ix-xoghol u meta tlesta?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li x-xogħol li sar fl-iskejjel matul is-sajf għadu qed jiġi ċċertifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Booklet Hello IT

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-booklet Hello IT? Għand min sar dan il-bookletu lil min ġie mqassam? Jista’ jgħid kif jiġġustifika l-użu tal-lamination meta mil-lat ambjentali l-użu tal-lamination qed jiġi ristrett?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-ktejjeb HelloIT ġie jiswa b'kollox Lm8,455.61. Din l-ispiża hi maqsuma fi Lm3,607.60 li tħallsu lil ANG għad-disinn, tqassim, u tħejjija tal-films u colour separations u Lm4,847.99 li tħallsu lill-Interprint Ltd għall-istampar ta' 2,000 kopja bil-lingwa Ingliza u l,000 kopja bil-lingwa Maltija.Il-ktejjeb hu pubblikazzjoni tal-Ministeru mqassma lil kull min hu interessat f'attivitajiet pubbliċi tal-Ministeru u lil kull min jitlob kopja għalih. L-għazla ta' l-uzu tal-lamination saret għal raġunijiet estetiċi. Ser niġbed l-attenzjoni ta' l-uffiċjali mill-Ministeru dwar l-osservazzjoni ta' l-Onor. Interpellant dwar l-implikazzjonijiet ambjentali ta' din l-għazla.

Ħal-Luqa — Librerija pubblika

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta se terġa’ tiftaħ il-librerija pubblika f’Ħal-Luqa? Kemm ilha magħluqa? Jista’ jghid x’ tiswijiet saru fiha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Librerija Reġjonali ta' Ħal Luqa ilha magħluqa mill-24 ta' Mejju 2004 minħabba xogħol strutturali li sar fl-Iskola ta' Ħal Luqa. Reġgħet infetħet nhar it-Tlieta, 28 ta' Settembru 2005. Ix-xogħol strutturali u ta' manutenzjoni li sar fil-Librerija kien il-bdil tas-saqaf; tibjid, installazzjoni mill-ġdid tad-dawl; suffett u aperturi ġodda.

Benefiċċji soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ilha li applikat għaċ-children allowance minn Marzu 2005 u sal-lum għadha ma rċeviet xejn, minkejja li marret tiċċekkja bosta drabi u qatt ma ngħatat risposta sodisfaċenti dwar x'ġara mill-applikazzjoni tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.

Żabbar — Triq il-Ward

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex bozza li tinsab ma' arblu fi Triq il-Ward, Ħaż-Żabbar, u allura taqa' fir-responsabbilta' ta' l-Enemalta, minkejja li ilha rrapportata aktar minn 15-il ġurnata għadha ma ġietx mibdula? Jista' jgħid ukoll f'kemm suppost tiġi mibdula bozza mill-Enemalta wara li din tkun ġiet irrapportata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li skond ir-rekords il-bozza li saret referenza għaliha ma kinitx irrapurtata. Il-manutenzjoni meħtieġa issa saret fl-14/09/2005. Bħala medja, bozza ddum madwar sitt ijiem biex tinbidel.

Żejtun — Qtugh tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dan l-aħħar qed jinqata' id-dawl ta' sikwit, speċjalment f'ċerti nħawi taż-Żejtun?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-interruzzjonijiet li qiegħda ssir referenza għalihom kienu riżultat ta' ħsarat f'cables taħt l-art u li jiffurmaw parti mis-sistema ta' vultaġġ għoli fl-inħawi tan-nofsinhar ta' Malta.

Kunsill Malti għall-Isport

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew mgħejjuna għaqdiet sportivi, assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet mill-Kunsill Malti għall-isport matul din is-sena meta dawn organizzaw xi kompetizzjoni kemm nazzjonali jew internazzjonali? Kemm u kif kienet l-għajnuna li ngħatat? Jista' jgħid ukoll xi kriterji jintużaw sabiex tingħata din l-għajnuna? Jista' jgħid ukoll kemm kienu u min dawk li talbu l-għajnuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Reserved Parking

Question

Jista’ il-Ministru jghid meta se jingħata reserved parking lill-persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, wara li ilha bosta xhur li applikat u l-każ huwa wieħed urġenti u gravi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni hawn fuq imsemmija bin-numru 758 ma ġietx approvata mill-Bord għal reserved parking għal persuni b’diżabilità minħabba li kif infurmati mill-Kunsill Lokali rispettiv, l-applikant għandu garaxx u għalhekk ma jikkwalifikax għal reserved parking.

MCAST — Għalliema

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-foundation course fl-Istitut tas-Servizzi Komunitarji ta’ l-MCAST jidher li mhux se jkollhom għalliem tal-matematika għal sena sħiħa, għalliem tax-xjenza għal madwar tliet xhur minħabba li dik li hemm bħalissa qed tistenna tarbija, u għalliem tal-Malti qed jistenna transferu allura jħoss li m’għandux għalfejn jibda l-lezzjonijiet meta dalwaqt se jiġi trasferit? Jista’ il-Ministru jgħid jekk u meta ser jintbaghtu r-replacements ta’ l-għalliema msemmija ħalli l-istudenti ma jitilifu xejn mill-edukazzjoni tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliem tal-Matematika ser jiġi maħtur f'qasir żmien. L-intervisti se jsiru dil-ġimgħa u l-lezzjonijiet li tilfu se jpattu għalihom meta jiġi l-għalliem il-ġdid. Il-lezzjonijiet tax-Xjenza ser joħduhom xorta mingħand għalliema oħra f'dawk it-tlett xhur li tkun barra l-għalliema tax-Xjenza minħabba li se jkollha tarbija. L-għalliem tal-Malti mhux qed jistenna transfer u l-lezzjonijiet qed isiru fuq bażi regolari.

Skejjel ta' l-Istat

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti, subien u bniet separatament, li mis-sena skolastika li jmiss se jibdew jattendu skejjel ta' l-Istat wara li kienu qed jattendu xi skola indipendenti jew dik tal-knisja? Kemm kien hemm li kienu fi skejjel ta' l-Istat li marru fi skejjel indipendenti jew tal-knisja?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.