Jista’ il-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati sexually transmitted diseases (STD) din is-sena? Kemm ġew infettati rġiel u kemm nisa? Kemm kien hemm barranin f’kull każ? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-akbar u l-iżgħar raġel u mara li ġew infettati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm diversi tipi ta' mard li jaqgħu taħt it-titlu Sexually transmitted disesaes (STD) u li mhux bil-fors jinfirxu b'kuntatt sesswali. Il-każijiet li ġejjin huma dawk li ġew innotifikati lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika mill-bidu tas-sena sas-7 t'Ottubru 2005:
Syphillis- 16-il każ
Gonorrhoea- 20 każ
Chlamydia- 43 każ
Epatite B- 9 każi
HIV/AIDS- 13-il każ
L-Epatite B u l-HIV, partikularment, jistgħu jiġu trasmessi b'aktar minn mod wieħed u jinkludu: waqt is-sess, mill-użu ta' siringi minn aktar minn persuna waħda u mill-omm għat-tarbija waqt il-ħlas. Il-każijiet ta' Epatite u HIV nnotifikati mhumiex kollha trasmessi waqt is-sess u mhux dejjem huwa possibbli li taf kif ġew trasmessi.
Minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalita' u biex nipproteġu lill-individwi, informazzjoni fuq in-nazzjonalita' l-eta' u s-sess ma tingħatax.
Jista’ il-Ministru jghid meta persuna tigi identifikata li kienet hi li nfettat lil ħaddieħor b’xi marda minħabba s-sess x’passi mediċi jittieħdu? Matul din is-sena kemm ġew identifikati rġiel u nisa? Dawn kollha kkollaboraw? Kemm kien hemm barranin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta persuna tiġi identifikata li kienet hi li nfettat lil ħaddieħor b'xi marda minħabba s-sess, isir il-contact tracing. Dan isir billi jiġu identifikati l-partners li kellha din il-persuna u dawn jiġu avviċinati biex isirulhom l-investigazzjonijiet meħtieġa u jingħataw informazzjoni dwar kif tinxtered l-infezzjoni. Dawn il-partners jiġu riferuti mill-persuna nnifisha jew avviċinati mill-istaff mediku meta l-pazjent ikun jixtieq jibqa' anonimu.
Ikun hemm każijiet fejn il-persuna ma tikkolaborax jew għax ma tkunx trid jew għax il-kuntatti jkunu każwali u l-persuna stess ma tkunx tista' tidentifikhom.
Minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalita' u biex nipproteġu lill-individwi, informazzjoni fuq in-nazzjonalita' u s-sess ma tingħatax.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-pilloli Pentacol 400 ilhom sitt xhur out of stock?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-aġent li miegħu d-dipartiment għandu kuntratt biex jissupplixxi l-mediċina Mesalazine 400mg (Pentacol), għal diversi drabi m'onorax iż-żmien stipulat li fih ried iwassal l-konsenji tiegħu. Għalhekk, id-dipartiment ma kellux triq oħra ħlief li jixtri minn sorsi oħrajn fuq il-kont tal-kuntrattur oriġinali.
Wieħed jifhem li ċirkustanzi bħal dawn joħolqu dewmien li ma jkunux previst.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waslet konsenja f'10/10/05 mis-sors alternattiv u għandha tasal oħra għal l-aħħar t'Ottubru 2005 mill-kuntrattur oriġinali.
Jista’ il-Ministru jghid jekk l-iskema bi sħab bejn l-Awtorita` dwar it-Trasport u l-Kunsilli Lokali li kienet tammonta għal Lm75,000 għadhiex fis-seħħ jew le? Jekk fin-negattiv, x’inhi r-raġuni li din l-iskema dwar l-irranġar ta’ toroq mill-Kunsilli Lokali twaqqfet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7492.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li art li tinsab biswit is-swar tingħata b’ċens jew kera lill-Fgura Football Club? Jista’ jgħid jekk hemmx talba pendenti għal dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-Isport qed jikkonsidra t-talba tal-Fgura Football Club.
Deċiżjoni jekk l-art hux ser tingħata, u jekk fl-affermattiv, jekk hux b'ċens jew kera tittieħed mill-Kummissarju ta' l-artijiet.
Skejjel — kapijiet/assistenti kapijiet u għalliema
Question
Jista’ il-Ministru jghid kemm–il kap ta’ skola, assistenti kapijiet u għalliem/a separatament huma mistennija li jispiċċaw mis-servizz mal-Gvern fis-sena skolastika li qegħdin fiha għaliex ikunu laħqu l-eta` tal-pensjoni? Liema huma s-suġġetti li jgħallmu u f’liema livell ta’skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' impjegati li se jirtiraw bl-eta' ta' 61 sena fis-sena skolastika 2005/06 fil-gradi imsemmija hu:
Kap ta' skola: 12
Assistent Kap: 17
Għalliema: 44
It-tagħrif dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija għad irid jinġabar.
Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid bħalissa x’inhu n-numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li qegħdin jittieħdu passi kriminali kontrihom minħabba xi ksur tal-liġi? Jista’ jgħid f’liema stadju waslu? X’inhuma l-akkużi? Meta tressqet il-persuna l-Qorti l-ewwel darba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 23 membru tal-Korp tal-Pulizija li kontra tagħhom hemm proċeduri kriminali pendenti quddiem il-Qorti fuq dawn l-akkużi:
ImputazzjoniNru.ImputazzjoniNru.
attentat omiċidju1offiża fuq il-persuna4
regolamenti tat-traffiku2korruzzjoni1
droga1offiża fuq il-persuna/serq1
inġurja2ħsara volontarja3
frodi3falsifikazzjoni1
abbuż ta’ poter2ksur paċi pubbliku2
Dawn il-proċeduri bdew bejn il-11ta’ Jannar 1995 u s-17 ta’ Ġunju 2005.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tinżammx statistika dwar x’persentaġġ ta’delitti, bħal qtil, serq, ġlied u delitti oħra ġew kommessi minħabba xi konnessjoni mad-droga? Kemm minn dawk li nqabdu u ġew akkużati b’xi delitt matul din is-sena kellhom il-problema tad-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli.
Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid kemm matul din is-sena saru testijiet tal-breathalyser fuq is-sewwieqa ? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew misjuba li kellhom aktar alkoħol milli tippermetti l-liġi? F’kull każ ittieħdu passi bil-Qorti? Jeżisti studju fejn wieħed jara x’persentaġġ ta’ inċidenti tat-traffiku, żgħar u kbar, saru għaliex xi sewwieq kien xorob alkoħol aktar milli suppost?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena kien hemm 61 sewwieq/a li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv u 29 minnhom kienu involuti f'inċidenti tat-traffiku. Minn dawn kollha, 23 kellhom riżultat pożittiv, filwaqt li 38 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. F'kull każ qed jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti skond il-liġi.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi dettalji ta' kull inċident tat-traffiku fejn tissejjaħ il-Pulizija jingħataw lill-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta sabiex tagħmel l-użu li tħoss neċessarju.
Jista’ il-Ministru jgħid issa li bdiet sena skolastika oħra, jiżgura li se jsir minn kollox biex fil-canteens /tuck shops ta’ l-iskejjel ta’ l-istat, indipendenti u tal-knisja jinbiegħu biss prodotti li huma tajbin għas-saħħa tat-tfal? Jaf li fl-Ingilterra l-Ministru responsabbli tat struzzjonijiet sabiex ċerti prodotti ma jinbiegħux lit-tfal? Konxju l-Ministru li jekk jieħu azzjoni serja jgħin biex jevita aktar problemi ta’ ħxuna fiż-żgħażagħ tagħna?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kapijiet ta' l-iskejjel jafu li ilha il-politika tal-Ministeru li mit-tuck shop ta' l-iskola jinbiegħu biss prodotti li huma tajbin għas-saħħa tat-tfal. Tlabt lid-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni tassigura li din il-politika tiġi segwita mill-iskejjel kollha. Napprezza l-ismijiet ta' skejjel li ma jkunux qed isegwu din il-linja biex jittieħdu il-passi meħtieġa.
Jista’ il-Ministru jinvestiga u jara għaliex ċerti skejjel, bħal dawk imsemmija separatament, taw ordni lill-ġenituri li l-uniformijiet u ħwejjeġ oħra konnessi jridu jinxtraw biss minn ħwienet speċifiċi? Ordni bħal din ma tiksirx il-liġi? Jista’ jgħid ukoll jekk f’pajjiżna hemmx il-ħsieb li dan il-monopolju jinqata’?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel jibgħatu lill-ġenituri jixtru l-uniformi minn ħwienet speċifiċi għax ftit huma l-ħwienet li jkollhom il-materjal adattat. L-iskejjel lesti jikkoperaw ma' dawk il-ħwienet kollha li juru interess li jkollhom l-items ta' l-uniformijiet tagħhom, iżda kważi l-ebda ħanut ħlief il-ftit tas-soltu, ma jikkuntattjaw lill-iskejjel biex jaraw il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Fil-każ ta' waħda mill-iskejjel imsemmija, nħarġet 'public tender' li applikaw għaliha aktar minn 10 skejjel. L-għażla finali ttieħdet mill-iskola b'konsultazzjoni ma' l-għaqda tal-ġenituri tat-tfal ta' l-iskola.
Jista’ il-Ministru jghid x’kien id-dħul s’issa matul din is-sena għall-Pixxina Nazzjonali minn timijiet tal-waterpolo u/jew ta' l-għawm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-dħul s'issa matul din is-sena minn timijiet tal-waterpolo u/jew tal-Għawn lokali jammota għal Lm52367 (minnhom hemm ammont ta' Lm 36552.30 f'sussusdju lill-ASA inkluż il-clubs).
Universita' — Studenti li attendew l-international school
Question
Jista’ il-Ministru jgħid s’issa matul din is-sena x’kien in-numru ta’studenti barranin li attendew l-International School ta’ l-Universita`ta’ Malta? Jista’ jgħid liema kienu l-pajjiżi li l-aktar li ġew minnhom dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li attendew l-International School of English bejn Jannar u Settembru 2005 kien ta' 397. Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-istudenti ġew mill-Italja u Spanja.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jghid matul din is-sena, mill-1 ta’ Jannar 2005 sa llum, kemm-il darba kien hemm sejba tad-droga fil-Faċilita` Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jagħti d-dettalji ta’ kemm instabet droga f’kull okkażjoni u d-data ta’ kull sejba? Kienu priġunieri jew staff jew persuni oħra li nstabet għandhom id-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul din is-sena kien hemm 32 okkażżjoni meta nstab xi materjal suspettuż ġewwa l-Ħabs. Il-każi kollha jiġu mistħarrġa mill-Pulizija u f'kull każ issir inkjesta Maġisterjali. Dawn l-inkjesti għadhom ma humiex magħluqa u għaldaqstant id-dipartiment ma għandux informazzjoni dwar jekk il-materjal misjub huwiex droga jew le u l-ammont ta' droga misjuba.
Dawn is-sejbiet seħħew f'dawn id-dati:-
12 ta' Jannar 22 ta' Frar 1 ta' Marzu 7 ta' Marzu
17 ta' Marzu 23 ta' Marzu 20 ta' April 24 ta' April
3 ta' Mejju 12 ta' Mejju 14 ta' Mejju (2) 30 ta' Mejju
12 ta' Ġunju 17 ta' Ġunju 30 ta' Ġunju 3 ta' Lulju
11 ta' Lulju 19 ta' Lulju 22 ta' Lulju 26 ta' Lulju
2 ta' Awissu 22 ta' Awissu (2) 29 ta' Awissu 31 ta' Awissu
12 ta' Settembru 20 ta' Settembru 27 ta' Settembru (2) 30 ta' Settembru
7 ta' Ottubru
Fil-maġġoranza tal-każi il-materjal suspettuż instab għand il-priġunieri, iżda kien hemm każi li nstab għand viżitaturi li jiġu biex jagħmlu visti mal-priġunieri. Kien hemm ukoll każ wieħed li nstab għand uffiċjal tal-ħabs.
Jista’ il-Ministru jgħid x’kienet is-somma globali li ngħatat mill-Gvern lill-iskejjel tal-Knisja fis-sena skolastika li għaddiet ? Jista’ jgħid kemm minnha kienet għall-pagi ta' l-għalliema u kemm kienet għal staff ieħor?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-somma globali għas-sena skolastika Ottubru 2004 - Settembru 2005 kienet Lm11,673,178. Din kienet maqsuma hekk :
Ammont imħallas lil għalliema :- Lm9965089
Ammont imħallas lil staff ieħor :- Lm1323563
Ammont imħallas għal spejjes oħra :- Lm 385000
Totali :- Lm11673178
Informat ukoll li l-flus mgħoddija lill-iskejjel tal-Knisja huma mgħoddija fuq bażi tas-sena finanzjarja Jannar-Diċembru.
Jista’ il-Ministru jghid kemm hu stmat li l-Gvern se joħroġ għall-iskejjel tal-Knisja fis-sena skolastika li għada kemm bdiet? Kemm minnhom se jkunu għall-pagi ta' l-għalliema? Kemm għall-pagi ta’ ħaddiema oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-flus ivvutati għall-iskejjel tal-Knisja huma fuq bażi ta' sena kalendarja. Għas-sena 2005, il-Gvern ivvota Lm11.5 miljuni. Dan l-ammont diġa tħallas. Għalhekk għas-sena 2006, wieħed irid jistenna l-ammont approvat fl-Estimi Finanzjarji tas-Sena d-dieħla.
Skejjel — Kapijiet/assistenti kapijiet u għalliema
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm irriżenjaw kapijiet ta’ skejjel, assistenti kapijiet u għalliem/a separatament matul is-sena skolastika li għaddiet sal-25 ta’ Settembru 2005? Kemm irriżenjaw lecturers, tutors, eċċ., mill-MCAST u l-Junior College?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena skolastika li għaddiet, sal-25 ta' Settembru 2005, kien hemm dawn ir-riżenji:-
Kapijiet Ass.Kapijiet Għalliema Instructors
Fil-livell Primarju Nil Nil 7 Nil
Fil-livell Sekondarju Nil Nil 21 1
Irriżenjaw 27 lecturer full-time u 10 lecturer part-time mill-MCAST .
Informat ukoll li ħadd ma rriżenja mill-Junior College.
Nagħmel referenza ghall-mistoqsija parlamentari 13978, jista’ il-Ministru jagħti tagħrif dwar kif ġie assigurat li l-għalliema kellhom il-kwalifiki mitluba u li l-iskejjel kienu adegwati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hija l-policy tal-Bord ta' Sorveljanza tat-Tagħlim ta' l-Ingliż bħala Lingwa Barranija li kull min jgħallem fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-Barranin, irid ikollu is-Certificate of Proficiency in Teaching of English as a Foreign Language. Dan iċ-ċertifikat jiġi mġedded kull sena.
Jikkonferma l-Ministru li fil-kulleġġ San Benedittu hemm lezzjonijiet li se jkunu komuni għal dawk li jattendu t-taqsima Junior Lyceum u dawk ta’ l-Area Secondary fl-istess Kulleġġ? Liema huma l-lezzjonijiet? Jista’ jgħid jekk f’Kulleġġi ohra mwaqqfa hux se jkun hemm l-istess sistema f’ċerti lezzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-fażi pilota ta' dan il-Kulleġġ l-iskola sekondarja subien ħadmet time-table li tippermetti lezzjonijiet komuni bejn iż-żewġ tipi ta' studenti f'suġġetti bħal Arti, Drama, PE, Mużika, Reliġjon u PSD.
Fi stadju ulterjuri tar-riforma tas-sistema edukattiva jiġi deċiż jekk u kif tiġi estiża din is-sistema.
Skejjel ta' l-istat — Vakanzi ta' Kap u Assistent Kap
Question
Jista’ il-Ministru jghid jekk hemmx vakanzi bħalissa fil-grad ta’ Kap u Assistent Kap fl-iskejjel ta’ l-Istat? F’liema skola u kemm ilhom mingħajr il-Kap jew l-Assistent?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk:
Skejjel Primarji - Vakanzi fil-grad ta' Kap fl-iskejjel Primarji ta' l-Istat
Skola Data ta' meta l-post ġie vakant
B'Buġia B 26 ta' Settembru 2005
Kirkop 22 ta' Settembru 2005
San Lawrenz 8 ta' Jannar 2001
Xagħra 5 ta' Ġunju 2002
Żebbuġ (Għawdex) 2 ta' Jannar 2003
Fil-preżent il-postijiet vakanti ta' Kapijiet fl-iskejjel hawn fuq msemmija huma mimlija b'Assistenti Kapijiet 'in charge' ta' l-iskola. Fil-każ tal-vakanzi f'Għawdex dawn għadhom ma ntlewx minħabba nuqqas ta' applikazzjonijiet minn persuni kwalifikati minkejja li saru numru ta' sejħiet.
Skejjel Sekondarji - Vakanzi fil-grad ta' Kap fl-iskejjel Sekondarji ta' l-Istat
Skola Data ta' meta l-post ġie vakant
Ġuże Galea,Qormi BSS 28 ta' Settembru 2005
Kan. pawl Puliċino, Rabat GSS 22 t'Awissu 2005
Informat ukoll li fl-iskejjel Primarji u Sekondarji ta' l-Istat m'hemmx postijiet vakanti ta' Assistent Kap ta' l-iskola.