Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm studenti, subien u bniet separatament, li qed jattendu l-iskola Giovanni Curmi, in-Naxxar? Kemm hemm studenti li daħlu għall-ewwel darba? Kemm minnhom kienu mill-iskejjel indipendenti u tal-knisja? Dawn l-istudenti kollha huma intitolati għall-istipendju? Kemm huwa l-istipendju li jirċievu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li qed jattendu l-Iskola Sekonadarja Ogħla Giovanni Curmi huwa ta' 1,600 student, 900 huma bniet u 700 huma subien.
In-numru ta' studenti li daħlu għall-ewwel darba fl-iskola huwa ta' 1,077 student.
1,300 student huma intitolati għall-istipendju stabbilit fir-Regolamenti.
Informat ukoll li n-numru ta' studenti li rreġistraw f'din l-iskola f'Ottubru 2005 li ġejjin minn skejjel indipendenti u tal-knisja huwa ta' 260.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14480, jista’ il-Ministru jgħid kemm ilhom quddiem il-bord l-erba’ każi li għandu quddiemu t-tribunal skolastiku?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-ewwel każ li għandu quddiemu t-tribunal skolastiku kien wasal f'Jannar u l-iktar wieħed riċenti wasal f'Lulju 2005.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14476, jista’ il-Ministru jivverifika l-informazzjoni li ġiet mogħtija lilu, peress li lili jirriżultali li l-applikant m’għandux garaxx u għalhekk l-iskwalifika ma tibqax tapplika?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
B’riferenza għal mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Kunsill Lokali kkonċernat fejn jiddikjara li l-applikant għandu garaxx fil-viċinanzi tad-dar. Tali dikjarazzjoni tal-Kunsill Lokali ntużat mill-Bord għar-Reserved Parking tal-Persuni b’Diżabilita' meta ġie pproċessat il-każ fil-30 ta’ Awissu, 2005.
It-Traffic Management Unit huwa nfurmat li l-applikant appella id-deċiżjoni tal-Bord għar-Reserved Parking tal-Persuni b’Diżabilita' għand ir-Review Panel tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita'.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14481, jista’ il-Ministru jgħid meta se jiġi quddiem il-bord tat-tribunal skolastiku l-każ tal-persuna msemmija? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għal dan id-dewmien kollu meta hemm biss erba’ każi biex jinstemgħu quddiem dan il-bord?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14491 u jgħid kemm-il ktieb ġdid inxtara għall-klassijiet primarji għas-sena skolastika li fetħet f’dawn il-jiem? Liema huma? Kemm swew? Min ħa l-kuntratt? Kemm-il ditta tefgħet l-offerta u liema kienu? Kemm kienet kull offerta? Jista’ jgħid ukoll meta tqassmu dawn il-kotba fl-iskejjel u f’liema klassijiet (year)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Membru huwa kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat ukoll li dawn il-kotba tqassmu bejn April u Settembru ta' din is-sena fil-klassijiet mill-1 sas-6 sena.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14492 u jgħid kemm-il ktieb inxtara għall-klassijiet sekondarji għas-sena skolastika li fetħet f’dawn il-jiem? Liema huma? Kemm swew? Min ħa l-kuntratt? Kemm-il ditta tefgħet l-offerta u liema kienu? Kemm kienet kull offerta? Jista’ jgħid ukoll meta tqassmu dawn il-kotba fl-iskejjel u f’liema klassijiet (form)?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14494 u jgħid x’kien il-persentaġġ ta’studenti fl-iskejjel ta’ l-Istat li fis-sena skolastika li għaddiet ma attendewx l-iskola mingħajr raġuni ? Jista’ jagħti l-figuri għall-primarji, sekondarji u l-kumplament separatament? Meta mqassmin bejn studenti subien u bniet, liema kienet l-ogħla?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid kif inxtara l-makkinarju awdjoviżiv ta’ l-IKONOS? Ta’ min huwa proprjeta`, ta’ dak li kien l-MCR jew ta’ fejn kien qed jintuża, jiġifieri l-istituti barranin?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-makkinarju awdjoviżiv ta’ l-IKONOS inxtara bi proċess ta’ tender.
Il-makkinarju huwa propjeta’ tal-pajjiż fejn hu nstallat l-equipment. Wara l-konklużjoni tal-proġett hemm kondizzjonijiet li huma marbutin mat-trasferiment tal-propjeta' li iridu jigu diskussi mal-Kummissjoni Ewropea.
Jista’ il-Ministru jghid kemm kien hemm kumpanniji li ħarrku lill-MCR fuq flus li għandhom jieħdu minħabba l-IKONOS u min huma? Kemm jammontaw dawn it-talbiet? Jikkonferma li l-Unjoni Ewropeja ma ħallsitx wieħed mill-pagamenti ta’ l-IKONOS u sakemm ġie mġedded il-kuntratt, dejjem jekk dan ġie mġedded? Min hu nkarigat fil-każ li dan ġie mġedded mill-IKONOS?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kumpanija lokali Forestals kienet bdiet proċeduri kontra dak li kien qabel l-MCR. Dan il-proċess ġie mwaqqaf għaliex ntlaħħaq ftehim bejn il-partijiet fuq l-ammonti li kellhom jiehdu minhabba I-IKONOS. L-ammont li fuqu ntlaħħaq ftehim bejn il-partijiet kien ta’ LM94,000.
Il-kuntratt ta’ l-IKONOS ġie mġedded b’xahrejn sas- 7 ta’ Frar 2005 b’ittra formali ta’ extension mill-EU. Din hija notata b'addendum to contract. Din l-extension hija l-unika konferma uffiċjali ghall-IKONOS. Waqt dan iż-żmien, il-proġett kien fl-inkarigu ta’ Dr J. Cannataci fir-rwol tiegħu ta’ Project Leader tal-IKONOS.
Mill-erba pagamenti li kellhom isiru għall-IKONOS ma sarx il-first intermediate annual payment u sa issa l-anqas il-forecast final payment.
Jista' il-Miinstru jispjega kif skond ma ntqal f'risposta għall-mistoqsija parlamentari 14529 ma nħatrux periti għall-proġett tal-perched beach f'Buġubba meta diġa' saret applikazzjoni lill-MEPA? Min kien il-perit għal din l-applikazzjoni, kif intgħażel u x'se jitħallas għas-servizzi professjonali tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Mistoqsija Parlamentari Numru 14529 kienet dwar il-proġett tal-bajja tar-ramel fil-Qawra. Għal dak il-proġett għadu ma nħatarx perit.
Fir-rigward tal-bajja ta’ Buġibba, l-perit responsabbli għall-applikazzjoni huwa l-Perit Alfred Grech. Il-Perit Grech jaħdem b’mod regolari ma’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta fuq tip ta’ xogħol speċjalizzat rikjest għal dan il-proġett. Il-Perit Grech ser jitħallas skond it-tariffa kif stabbilita bil-liġi.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14754 u jgħid kemm hemm studenti fl-universita` li bħalissa qed isegwu full-time course? Kemm huma l-istudenti li bdew full-time course minn din is-sena akkademika? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-istudenti Għawdxin, inkluż dawk li se jibdew din is-sena, li bħalissa qed isegwu kors full-time fl-Universita` ta' Malta?
Jista’ jgħid ukoll kemm kienu l-istudenti li kull sena bejn is-sena 2000 u din is-sena li applikaw biex jibdew isegwu kors ta' -
-Bachelor of Science (Business & Computing) ;
-Bachelor of Science (Hons) Information Technology;
-Bachelor of Science (Hons) - Biology, Chemistry, Mathematics, Physics, Statistics & Operations Research, Computer Science;
-Informatics Bachelor of Engineering (Hons);
-Bachelor of Education/ PGCE - Biology, Chemistry, Physics, Mathematics, Computer;
Jista’ jgħid minn meta beda jkun applikat it-test tal-mezzi u kemm kienu sena b'sena l-istudenti li bbenefikaw minnu? Fiex jikkonsisti dan it-test tal-mezzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li qed jattendu l-Universita' full-time kors huwa ta' 6818.
In-numru ta' studenti li bdew din is-sena full-time kors huwa ta' 2292.
Informat ukoll li n-numru ta' studenti Għawdxin li qed isegwu kors full-time huwa ta' 653.
Tagħrif dwar n-numru ra' studenti li bdew isegwu il-korsijiet imsemmija fis-snin 2000 sa 2005, ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat li t-test tal-mezzi beda jkun applikat fis-sena 2000. Il-kriterju ġenerali hu li jekk id-dħul fil-familja ta' l-applikant ikun ta' anqas minn Lm4,000 fis-sena t-talba tkun milqugħa. Iżda l-policy li stabilixxa l-Bord hi li jekk wara li jkun eżaminat kollox, l-istudent jipprova li jinħtieġlu għajnuna biex ikun jista' jkompli l-istudji tiegħu l-każ ikun kunsidrat pożittivament.
In-numru li bbenefikaw minn din l-għajnuna kien hekk:
Sena Studenti
2000/1 212
2001/2 228
2002/3 233
2003/4 245
2004/5 260
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14755 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-projections u kif inħadmu ta’ kemm huwa maħsub li jkun hemm studenti li jkomplu l-istudji terzjarji tagħhom sena b’sena, għas-snin li ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-mira ta' parteċipazzjoni ta' studenti fil-livell post sekondarju, vokazzjonali u terzjarju tinħadem fuq bażi storika, li turi li fl-aħħar sitt snin żgħażagħ li komplew l-istudju/taħriġ sa 19 il-sena tela' minn 31% fl-1999 għal 44% fl-2004, u fuq il-politika tal-Gvern li qed isegwi il-miri ta' l-Agenda ta' Lisbona.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14756 u jgħid kemm daħlu studenti fl-Universita` fl-ewwel sena akkademika li bdiet f’dawn il-jiem u dan separatament skond il-kors magħżul minnhom? Jista’ jgħid kemm huma l-istudenti Għawdxin ta’ l-ewwel sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond l-applikazzjonijiet deċiżi s'issa, din is-sena daħlu 2,634 student fl-Universita' ta' Malta li minnhom 277 huma Għawdxin.
Tagħrif dwar il-kors u n-numru ta' studenti ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Għoti ta' art lill-kunsill lokali tal-Fgura
Question
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li biċċa art li tinsab biswit is-swar tiġi devoluta lill-Kunsill Lokali tal-Fgura? Jista’ jgħid ukoll meta għamel din it-talba l-Kunsill u xi tweġiba jew tweġibiet ingħata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għad hemm xi diffikultajiet li jridu jingħelbu qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-art in kwistjoni tistax tiġi allokata. It-talba tal-Kunsill Lokali Fgura, mibgħuta mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali saret f'April 2002.
Jista’ il-Ministru jghid jekk hemmx fid-Diviżjoni jew fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni persuni li għalqu l-eta` ta’ 61 sena u għadhom jaħdmu? Jista’ jgħid ukoll min huma u x’xogħol qed jagħmlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li la fil-Ministeru u lanqas fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma hemm persuni b'impjieg full-time li għandhom aktar minn 61 sena.
Informat ukoll li fil-Ministeru u fid-Diviżjoni hemm numru ta' persuni ta' 'l fuq minn 61 sena li jaħdmu fuq bażi part-time. Dawn jinkludu:
Ministeru ta' l-Edukazzjoni:
2 Konsulenti fil-Policy Unit tal-Ministeru
Konsulent fid-Dipartiment għall-Affarijiet Ewropej tal-Ministeru
Kanċillier ta' l-Universita'
Ombudsman ta' l-Universita'
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni
Persuna involuta fi proġett ta' kompjuterizzazzjoni tal-libreriji ta' l-iskejjel
Persuna fuq żewġ proġetti ta' riċerka
2 persuni fuq tagħlim fl-iskejjel
2 persuni fuq xogħol kurrikulari
28 persuna fil-programm ta' l-evening classes.
Jista’ il-Ministru jara li fi Triq Zaren Dalli ġewwa Birżebbugia meta jkunu ħerġin it-tfal mill-iskola primarja ma jkunx hemm karozzi privati fejn mhux suppost minħabba li skond rapporti li għandi dawn qed ifixklu t-trasport ta’ l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt li l-materja titqanqal mal-Kummissarju tal-Pulizija.
Jista’ il-Ministru jpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li saru dwar iċ-Ċentru Malti ghar-Restawr ta’ Bighi? Jista’ jgħid ukoll jekk l-Awditur Ġenerali għamilx rapport dwar l-istess ċentru u/jew dwar il-proġett IKONOS? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-kamra? Jista’ jpoġġi wkoll kopja tar-rapport li sar dwar il-proġett IKONOS?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li wara li ġie mħabbar li l-MCR kien sa jiġi assorbit minn Heritage Malta, Heritage Malta talbet li jsiru Financial Audit tal-MCR, Ikonos Evaluation Report u Ikonos Financial Report (li wasal biex jiġi konkluż).
Fis-2005 ma kien hemm l-ebda rapport dwar l-istess Ċentru u/jew il-proġett Ikonos mill-Awditur Ġenerali.
Hekk kif jitlestew iż-żewġ rapporti dwar l-Ikonos, jien se nqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra.
Malta school library association — Reserved parking
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir ir-reserved parking għall-Malta school library association li tinsab f'67, Triq Stefano Erardi, Iklin minħabba li din hija meħtieġa għall-ħidma li dawn qed iwettqu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Skond Sezzjoni 8.7 tal-Car Parking Policy ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, l-iżvilupp imsemmi fil-mistoqsija parlamentari ma jikkwalifikax għal Reserved Parking.
Jikkonferma il-Ministru li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, kienet qed titħallas fondi addizzjonali fis-sena bħala Chairman ta’ l-IKONOS? Jekk fl-affermattiv, kemm kienet din is-somma?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Project Leader tal-Ikonos kien jitħallas ammont għal dan l-inkarigu. Is-somma allokata għal dan-inkarigu tul il-proġett kienet ta’ Euros 93,600.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13989, tista’ il-Ministru tgħid s’issa matul din is-sena kemm–il litru methadone inxtara bħala sostitut ta’ l-eroina u kemm sewa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xiri tal-Methadone isir mid-Dipartiment tas-Saħħa li jissuplixxi din il-mediċina liċ-Ċentru Detox.
Ninsab infurmata wkoll li minn Jannar sa l-aħħar ta' Settembru 2005, intużaw 8,115 litri ta' Methadone miċ-Ċentru Detox.