Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nuqqas ta' kotba ta' l-Abacus mill-iskejjel

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta se jiġu pprovduti l-kotba ta’ l-Abacus li suppost kienu għand l-istudenti fil-bidu ta’ din is-sena skolastika? X’inhi r-raġuni li dawn il-kotba għadhom ma waslux għand l-istudenti? X’alternattivi ġew proposti fin-nuqqas ta’ dawn il-kotba? Liema huma s-snin li ġew milquta minn dan in-nuqqas ta’ kotba? Jista’ jgħid ukoll x’inhi r-raġuni li t-tfal qed jiġu mgħallma ħames tipi differenti meta wara qed jgħidulhom li tip wieħed biss hemm bżonn jużaw?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawn il-kotba waslu u qed jitqassmu fl-iskejjel. Informat ukoll li biex l-istudenti ma jitilfux lezzjonijiet kien hemm qbil ma' l-aġenti tal-kotba biex isir photocopying ta' l-ewwel partijiet tal-ktieb. Dan sar fl-iskejjel kollha u b'hekk l-istudenti ma tilfux lezzjonijiet. L-istudenti li ġew milquta kienu dawk tal-Year 5. Informat li l-mod ta' tagħlim li jintuża mill-kotba tal-matematika jgħin biex l-istudenti verament jifhmu l-proċess matematiku u mhux sempliċement jaslu għar-riżultat mingħajr ma jkunu jafu kif għamlu dan.
Leg 10 PQ #15113 Sitting 314 2005-11-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Studenti Għawdxin

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14587, tista’ il-Ministru tgħid jekk dawn il-flus jitħallsux mill-fondi allokati lill-istess Ministeru jew minn xi vot ieħor? Tikkonferma li l-istudenti Għawdxin, anke dawk li jikkwalifikaw għal għajununa ta’ Lm50 fix-xahar u jaqgħu taħt l-għotja normali ta’ l-istipendju, fil-fatt kellhom tnaqqis fl-istipendju tagħhom hekk kif ħabbar il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ammont ta’ sussidju, kemm lill-istudenti Universitarji Għawdxin kif ukoll lil dawk li jattendu l-MCAST u istituzzjonijiet edukattivi Governattivi oħra f’Malta, ser jithallas minn fondi allokati lill-Ministeru għal Għawdex. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għal Press Release Nru. 1388 ippublikata mid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni fid-29 ta’ Settembru 2005.

Wied il-Għajn — Triq ir-Ramla

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kontroll qed tagħmel il-MEPA biex tassigura li l-iżvilupp li qed isir fi Triq ir-Ramla, Wied il-Għajn qed isir skond il-permess maħruġ u li m'hemmx periklu li n-niċċa ta' San Spiridjun u l-ħarruba ta' maġenbu mhux se jispiċċaw minn hemm bla ħsieb ta' xejn minħabba l-iżvilupp li qed isir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed timmonitorja l-iżvilupp imsemmi mill-Onor. Interpellant. Jirriżulta li l-kundizzjoni tal-permess ta' dan l-iżvilupp jissalvagwardja kemm in-niċċa kif ukoll is-siġra tal-ħarrub li hemm fil-viċin.

Istitut tal-hairdressing

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fl-istitut tal-hairdressing hemm xi għalliema ta’ xi suġġetti nieqsa, fosthom tal-matematika? Jista’ jgħid meta se jkun hemm l-għalliema meħtieġa ħalli l-istudenti ma jkomplux jitilfu dawn il-lezzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Istatut tas-Servizzi fil-Kommunita hemm għalliem tal-Matematika nieqes. L-intervisti saru u bħalissa qegħdin fil-proċess li jiġu magħżula biex jibdew jgħallmu l-Matematika fl-MCAST.

Inċident ġewwa skola

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’impatt ser iġġib, jew x'konsegwenzi se jkun hemm wara s-sentenza mogħtija mill-Imħallef Tonio Mallia fejn persuna ġiet mogħtija Lm37,000 minħabba inċident li kien seħħ fl-iskola fejn kien jattendi student?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-każ qiegħed jiġi evalwat mill-Avukat Ġenerali tar-Repubblika u mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.

Eżamijiet tal-MATSEC

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk dan l-aħħar kienx hemm xi ordni minn xi ħadd sabiex l-applikazzjonijiet għall-eżamijiet tal-MATSEC isiru onlinebiss?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn naħa tal-Matsec Support Unit ma kien hemm l-ebda ordni sabiex l-applikazzjoniiet għall-eżamijiet tal-Matsec isiru online biss.

Kotba għall-klassijiet primarji

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14491 u jgħid kemm-il ktieb ġdid inxtara għall-klassijiet primarji għas-sena skolastika li fetħet f’dawn il-jiem? Liema huma? Kemm swew? Min ħa l-kuntratt? Kemm-il ditta tefgħet l-offerta u liema kienu? Kemm kienet kull offerta? Jista’ jgħid ukoll meta tqassmu dawn il-kotba fl-iskejjel u f’liema klassijiet (year)?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 14974, Seduta 310.

Xiri ta' kotba għal skejjel sekondarji

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14492 u jgħid kemm-il ktieb inxtara għall-klassijiet sekondarji għas-sena skolastika li fetħet f’dawn il-jiem? Liema huma? Kemm swew? Min ħa l-kuntratt? Kemm-il ditta tefgħet l-offerta u liema kienu? Kemm kienet kull offerta? Jista’ jgħid ukoll meta tqassmu dawn il-kotba fl-iskejjel u f’liema klassijiet (form)?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 14975, Seduta 310.

Assenteiżmu mill-iskejjel

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14494 u jgħid x’kien il-persentaġġ ta’studenti fl-iskejjel ta’ l-Istat li fis-sena skolastika li għaddiet ma attendewx l-iskola mingħajr raġuni ? Jista’ jagħti l-figuri għall-primarji, sekondarji u l-kumplament separatament? Meta mqassmin bejn studenti subien u bniet, liema kienet l-ogħla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tagħrif dwar assentejiżmu mhux awtorizzat ta' studenti fl-iskejjel ta' l-Istat hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Swatar — Ċentru tat-taħriġ

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk l-istudenti li jattendu ċ-ċentru tat-taħriġ tas-Swatar humiex intitolati għall-istipendju? F’każ li t-tweġiba tkun fin-negattiv, x’inhi r-raġuni għal dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-liġi ma tipprovdix stipendju għal studenti li jattendu ċ-ċentru tat-taħriġ tas-Swatar.
Leg 10 PQ #15098 Sitting 312 2005-11-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kif ġew magħżula dawk li ħadu sehem fil-Festival Malta 2005 - Summer Arts Festival - July/August 2005 li kien imtella' mill-kunsill Malti għall-kultura u l-arti? Jista’ jgħid kif intgħażlu x-xogħlijiet u kemm tħallsu separatament? Jista’ jgħid ukoll min tella’ dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-attivitajiet li ġew imtella’ mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti (l-MCCA) f’Lulju/Awissu 2005 ġew magħżula wara negozjar bejn id-diretturi ta’ l-attivitajiet u l-bord ta’ tmexxija ta’ Festival Malta 2005. Kriterji li ġew applikati kienu l-valur kulturali, l-gwadann għall-kultura, l-arti u t-teatru, u d-distinzjoni ta’ l-event proposta mill-events l-oħra li kienu qed jiġu kkunsidrati. Fil-għażla ta’ l-events, ittieħed ukoll in konsiderazzjoni n-nefqa meħtieġa sabiex tiġi mtella’ l-attività flimkien mad-dħul previst mill-istess attività. Fil-każ tal-festival tad-drama, l-hekk imsejjaħ Dramafest 2005, l-gruppi li ħadu sehem intgħażlu wara li applikaw. Oriġinarjament kien ippjanat li, minn fost il-gruppi kollha li japplikaw, jiġu magħżula għaxra. Iżda peress li applikaw biss ħdax-il grupp u kollha pproponew drama ta’ livell aċċettabbli, ġie deċiż li jiġu aċċettati kollha. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-nefqa li saret min-naħa ta’ l-MCCA għal kull attività.

Ħaż-Żabbar — Triq l-Għakrux

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li bus shelter fi Triq l-Għakrux ġewwa Ħaż-Żabbar tneħħa u dan b’detriment għar-residenti u għal dawk li jagħmlu użu minnu, b’inkonvenjent ċar, speċjalment fi ġranet ta’ maltemp? Jikkonferma li dan tneħħa sabiex ikun akkomodat xi ħadd?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ dwar it-Trasport ma neħħiet l-ebda Bus Shelter jew Bus Stop minn Triq l-Għakrux, Ħaż-Żabbar.

Wied il-Għajn — Kindergarten

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk instabitx xi biċċa art fejn tista’ tinbena kindergarten ġdida ġewwa Wied il-Għajn? Jekk iva, fejn tinsab u kemm ġiet tqum din il-biċċa art? Meta se jibda x-xogħol fuq din il-kindergarten ġdida u kemm huwa maħsub li se tilqa’ studenti fiha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni talbet lill-Kummissarju ta' l-Artijiet biex jallokalha biċċa art fejn tista' tinbena kindergarten fl-istess arja ta' l-iskola primarja ta' Wied il-Għajn. F'dan l-istadju dettalji oħra huma prematuri.

Wied il-Għajn — Trasport għall-istudenti

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li mhux qed ikun provdut trasport dirett għall-universita` u għall-MCAST minn Wied il-Għajn bħalma qed isir f’postijiet oħra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-istudenti li joqgħodu Wied il-Għajn jistgħu jaqbdu ir-rotot 17, 19 jew 20 li bihom jieqfu fil-venda ta’ Ħaż-Żabbar u minn hemm jaqbdu ir-Rotta 300 li hija rotta diretta lejn l-Universita u l-Junior College. Dawn l-istudenti ħallsu biss in-noll ta’ rotta diretta, li huwa 30ċ, għalkemm jagħmlu interchange fil-venda ta’ Ħaż-Żabbar. In-numru ta' studenti li qegħdin jaqbdu r-rotta 300 minn Wied il-Għajn għadu baxx. Xi ġranet ilu kien osservat li 6 studenti biss minn Wied il-Għajn użaw din ir-rotta f'ġurnata waħda. L-Awtorita' qegħda tagħmel survey sabiex tara fuq liema rotot jew destinazzjonijiet hu ġġustifikat li żżid il-frekwenza. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-iskeda bil-ħinijiet tat-tluq tar-rotta 300, kif ukoll l-ħinijiet tar-rotot li jitilqù minn Wied il-Għajn sabiex wieħed ikun jistà jagħmel interchange. Rigward is-servizz lejn l-MCAST ta’ Kordin, l-istudenti ta’ Wied il-Għajn jistgħu jużaw ir-rotot normali, jiġifieri Rotta 17, 19 u 20.

Ħaż-Żabbar — Skejjel Primarji

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li l-ħalib mhux se jibqa’ jingħata fl-iskejjel primarji ta’ Ħaż-Żabbar? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni? Hemm xi skejjel oħra li se jagħmlu l-istess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Iskola Primarja ‘A’ ta' Ħaż-Żabbar kienet ittieħdet deċiżjoni mill Kunsill Skolastiku li l-flus li kienu jintefqu għal xiri ta' ħalib għat-tfal ta' l-iskola kienu se jibdew jintefqu biex jinxtraw kotba għall-librerija ġdida għat-tfal tal-Kindergarten sa Year 3.Minħabba oppożizzjoni minn xi ġenituri il-ħalib ser jerġa jibda jitqassam mill-ewwel ta' Novembru 2005. F'dawn l-aħħar snin kien hemm skejjel, fosthom dawk Primarji tal-Qrendi u l-Imqabba, fejn deċiżjoni simili ntlaqgħet tajjeb mill-ġenituri u l-flus intefqu fuq riżorsi aktar bżonnjużi għall-iskola.

Persuni illitterati

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li hawn nies illitterati f’Malta? Jista’ jgħid kemm minn dawn huma ta’ l-eta` ta’ l-iskola? Kemm għandhom bejn is-17 u l-25 sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li risposta ċara tkun tista' tingħata wara li jsir iċ-Ċensiment Nazzjonali li għandu jsir lejn l-aħħar ta' din is-sena.

Freedom of Information Act

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid meta l-gvern għandu l-ħsieb li jintroduċi l-Freedom of Information Act kif hemm fil-maġġoranza kbira tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-Gvern hu ntenzjonat li sa l-aħħar ta’ Ottubru tas-sena d-dieħla, jippubblika bħala white paper abbozz ta’ liġi dwar l-aċċess liberu għall-informazzjoni.

Children allowance lil ommijiet xebbiet

Question

Tista’ il-Ministru tgħid kemm hemm ommijiet xebbiet li jirċievu ċ-children allowance? Kemm minnhom huma ta’ l-eta` ta’ l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li hemm 1,433 ommijiet xebbiet li qed jirċievu l-Allowance tat-Tfal li 10 minnhom huma ta’ l-eta’ ta’ l-iskola.

Twelid ta' trabi lil ommijiet xebbiet

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm twieldu trabi lil ommijiet xebbiet s’issa matul din is-sena? Jista’ jgħid kemm kellha żmien l-iżgħar u kemm kellha l-akbar mara? Kemm kien hemm twelid simili sena b’sena mill-2000?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta' Jannar u l-aħħar t'Awissu tas-sena 2005 ġew irreġistrati li twieldu 484 il-tarbija lil ommijiet xebbiet single mothers. L-iżgħar omm kellha 14 -il sena u l-ikbar omm kellha 43 sena. In-numru ta' twelid simili sena b'sena mill-2000 huma kif ġej: Sena Numru ta' trabi li twieldu lil ommijiet xebbiet 2000 429 2001 487 2002 561 2003 675 2004 704

Junior college/Sixth form

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm studenti, subien u bniet separatament, li qed jattendu l-junior college u s-sixth form ta’ l-iskejjel indipendenti u tal-knisja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm: SUBIEN BNIET TOTAL Junior College 1329 1932 3261 Skejjel tal-Knisja 331 324 655 Skejjel Indipendenti 46 29 75