Jista’ il-Ministru jgħid il-proġett tal-park and ridex’impatt se jkollu fuq min jaħdem u jinsab fil-viċinanzi ta’ dan il-proġett? Jista’ jgħid ukoll kif se jiġu milquta l-postijiet li jinsabu fiż-żona u li qed jintużaw mill-parteċipanti tal-karnival? Jista’ jgħid jekk f’dan il-każ hemmx xi flus ivvotati biex jgħinu lil dawn l-istess parteċipanti ħalli jkunu jistgħu jsibu post alternattiv u adegwat fejn ikunu jistgħu jaħdmu l-karrijiet tagħhom? Hemm xi postijiet li ġew identifikati għal dan l-iskop? F’każ li jkun meħtieġ li jsiru xi alterazzjonijiet, min se jagħmel dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk matul din is-sena l-Ministeru jew id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni rċevewx ilmenti dwar bejgħ ta' kotba minn skejjel? Jista' jgħid liema skejjel kienu qed jagħmlu dan? Jikkonferma li bejgħ ta' kotba mill-iskejjel mhux permess li jsir? Jista' jgħid jekk dan japplikax ukoll għall-past papers?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'din is-sena skolastika il-Ministeru irċieva ilment wieħed dwar il-bejgħ ta' kotba minn skejjel.
Informat ukoll li mhux permess li jsir bejgħ ta' kotba mill-iskejjel ħlief għall-past papers ta' l-eżami tal-Junior Lyceum li huma stampati mill-Istamperija tal-Gvern.
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn l-Association tal-Youth Workers mhux se tingħata l-opportunita' biex tkun involuta fil-Commonwealth Youth Forum jew fl-evalwazzjoni tagħha?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-Onorevoli Interpellant hu mitlub jagħmel din id-domanda lill-Ministru konċernat li hu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni Żgħażagħ u Impjiegi.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema f’kull skola primarja, sekondarja u post-sekondarja fl-iskejjel tal-gvern f’Malta ? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm tfal f’kull klassi fl-iskejjel primarji u sekondarji ta’ l-Istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema fl-iskejjel tal-Gvern huwa hekk :
Primarji - 885 Sekondarji - 1992 Post-Sekondarji - 196
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet numru 14513 u 14514, f'Seduta 302 għat-tieni parti tal-Mistoqsija.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar xhur kienx hemm xi rapport dwar l-istipendji qabel ma l-gvern ħabbar tnaqqis f’din is-sistema? Jekk fl-affermattiv, jista’ ġentilment ipoġġi kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru, wara r-Rapport Chalmers li diġa pubblikat, kien hemm xhur ta' diskussjonijiet mal-Kunsill Studenti Universitarji dwar ir-reviżjoni tas-sistema ta' l-istipendji.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14977, jista’ allura jgħid jekk jeżistix xi mekkaniżmu ieħor sabiex isir magħruf kemm hawn nies illitterati f’pajjiżna minbarra ċ-ċensiment li jsir kull għaxar snin? Hemm għallinqas xi statistika dwar kemm jista’ ikun dan in-numru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li apparti ċ-ċensiment li se jibda jitwettaq dan ix-xahar, l-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika jirriċerka r-rata ta' illitteriżmu minn żmien għal żmien fl-istħarriġ li jorganizza. Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika f'Lulju, 2004 ir-rata ta' litteriżmu reġistrata hija ta' 92.8%.
Jista’ il-Ministru jgħid xi programmi qed jitwettqu taħt l-EDRC minn meta Malta saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea? Kien hemm xi bidla minn meta sirna membri? Fiex kienet tikkonsisti din il-bidla?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi it-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed tagħmel il-MEPA biex tara li l-fishfarms li hemm Delimara u/jew Wied il-Għajn qed jitħaddmu kif suppost? X'passi ttieħdu dan l-aħħar wara li kien hemm kwantita' ta' imsaren tat-tonn fil-baħar f'dawn l-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li xi kwantità ta’ msaren iddaħħlu mal-kurrenti f’Wied il-Għajn b’mod inċidentali. Dan ġara waqt il-qatla tat-tonn ta’ nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ Ottubru. Wara li l-imsaren inġabru f’dak li jissejjaħ jumbo bag biex jiġu pproċessati bħas-soltu, dan il-jumbo bag kien qed jiġi ttrasferit minn fuq barkun għal fuq dgħajsa oħra meta dan infaqagħlu l-qiegħ. Il-ħaddiema ġabru li setgħu, iżda minħabba l-baħar imqalleb ma setax jinġabar l-iskart kollu.
Ta’ min jinnota li wara li deher rapport fil-ġurnal 'It-Torċa' fuq dan l-inċident, il-Ministru bagħat komunikazzjoni lill-istess ġurnal iżda dan, sa llum għadu ma ppubblikax din l-informazzjoni.
Filwaqt li wieħed japprezza l-inkonvenjent ta’ inċident bħal dan, ta’ min igħid li l-proposta tal-Gvern biex il-farms kollha tat-tonn f’Malta jitpoġġew 6.3 kilometri ‘l barra mill-kosta għandha l-għan ewlieni li tkompli tnaqqas il-probabbiltà ta’ inċidenti bħal dan.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern dwar il-fishfarms? Jista' jgħid ukoll kemm hawn fishfarms f'Malta u Għawdex u ta' min huma? Meta nħareġ il-permess għal kull wieħed? Jista' jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti u jekk fl-affermattiv, f'isem min hija l-applikazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Politika tal-Gvern fil-qasam ta' l-akkwakultura ma nbidlitx. Il-produzzjoni ta' l-akkwakultura proprja għandha tiżdied mill-elf (1000) tunnellata li qegħda fil-preżent għal massimu ta' elfejn u ħames mitt (2500) tunnellata, possibbilment b'diversifikazzjoni ta' l-ispeċi. Il-Gvern għandu jibqa’ jagħti l-għajnuna kollha tiegħu biex jiġu żviluppati speċi ġodda. Kull fejn il-bioloġija tal-ħuta, u x-xjenza u t-teknoloġija tat-trobbija jippermettu, għandu jsir sforz biex t-trobbija ssir l-iktar ‘l barra minn xtutna possibbli biex hekk innaqqsu l-konflitt bejn is-setturi li jużaw il-kosta Maltija. F’dan is-sens il-Gvern qiegħed jipproponi li t-trobbija tat-tonn issir iktar ‘il barra minn xtutna, u għalhekk hemm proposta għal żvilupp ta’ żona ta’ l-akkwakultura 6.3 kilometri ‘il barra mill-Ponta ta’ Żonqor, Marsascala. Fil-futur ser tiġi proposta żona oħra fil-Majjistral ta’ Malta biex jiġu rilokati il-farms tat-trobbija tat-tonn tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Minħabba dan il-fatt, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m’għadhiex tilqa’ applikazzjonijiet għat-trobbija tal-ħut għaliex l-iżviluppatur ser ikun il-Gvern permezz tat-Taqsima għall-Konservazzjoni u l-Kontroll tas-Sajd. L-operaturi, b’hekk, japplikaw ma’ din it-Taqsima meta jkollhom l-intenzjoni li joperaw f’dan il-qasam.
F'Malta għandna żewġ (2) fishfarms fuq l-art li mhumiex joperaw; erba’ (4) fishfarms ta’ l-ispnott u l-awrat fil-baħar, li minnhom illum joperaw tnejn (2) biss; ħames (5) farms tat-tonn, li minnhom illum qed joperaw tlieta (3) biss.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra id-dettalji ta’ kull fishfarm separatament.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm idaħħal flus il-gvern mit-taxxi li jiġbor mill-fishfarms li hawn joperaw f'Malta? Jista' jgħid ukoll kemm ħallsu VAT fis-snin 2003 u 2004 u sa Settembru, 2005 separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ftehm bejn il-PBS u Campus FM? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm ftehim bejn il-PBS u l-University Broadcasting Services Limited dwar Campus FM.
Qed inpoġġi kopja ta' dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jiista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-iskejjel sekondarji mhux qed jitħalla li jintuża l-workbook ta' l-istudji soċjali u minħabba f'hekk qed jagħmlu fotokopji tiegħu bi spiża żejda? Min qed iħallas għall-fotokopji li qed isiru?
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-warrants board? Jista' jgħid min hija s-segretarja ta' dan il-bord? Jikkonferma li s-segretarja preċedenti rriżenjat bosta xhur ilu u ma kien hemm ħadd li kien qed jagħmel ix-xogħol tagħha u b'konsegwenza t' hekk bosta xogħlijiet ma sarux?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-membri tal-Warrants Board huma Margaret M Ellul, Assistent Direttur, John Fernandez, Uffiċjal Edukattiv u John Preca Uffiċjal Edukattiv. Is-segretarja tal-Bord kienet Mariosa Micallef li għalqilha l-kuntratt u x-xogħol tagħha qed isir minn uffiċjali pubbliċi oħra skond il-ħtieġa. Il-Bord wettaq ix-xogħol tiegħu regolarment.
Jista' il-Ministru jara jekk min imexxi l-iskola primarja ta' San Ġiljan jistax, u għandux id-dritt li ma jħallix tifel ta' tliet snin li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jidħol l-iskola u saħansitra hedded li jekk jinġieb l-iskola kien se jinforma lill-pulizija? Jista' jara x'inhi s-soluzzjoni għal dan il-każ għall-ġid ta' kulħadd?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kap ta' l-iskola qatt ma hedded li jinforma l-pulizija jekk it-tifel jinġieb l-iskola. L-awtoritajiet edukattivi qed jieħdu ħsieb dan il-każ speċjali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew minfuqa flus fl-iskema tal-youth specialisation studies scheme mis-sena 2000 sa Ottubru 2005? Jista' jagħti d-dettalji separatament għal kull sena? Jista' jgħid ukoll x'kienu l-korsijiet li għalihom ġew imqassma dawn il-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Sezzjoni Żgħażagħ ħarġet is-somma ta’ Lm57,314.39 bħala ammont imħallas fuq l-interessi mis-sena 2000 sa Ottubru 2005.
Fis-sena 2000, it-total kien ta’ Lm10,335.74;
Fis-sena 2001, it-total kien jammonta ghal Lm9,198.35;
Fis-sena 2002, it-total kien ta’ Lm12,498.26;
Fis-sena 2003, it-total ammonta ghal Lm11,556.01;
Fis-sena 2004, it-total ammonta ghal Lm8,846.68 u
Fis-sena 2005, it-total kien ta’ Lm4,879.35
Il-korsijiet kienu jvarjaw minn MSc Renewable Energy Systems Technology; MSc Archaeological Computing; MA Int. Journalism; MSc Educational Psychology; Masters Project Management; MA Critical and Cultural Theory; MA Early Modern European History; MSc in Architecture; Mphil/PhD in Lexical Develoment; MA in Political & Admin. Studies; MSc Occupational Therapy; MSc Forensic Dentistry; MA Design Management; MSc Photonics; BA(Hons) Film Studies; MA Music Composition; MA Applied Theatre; MSc Cultural Management and Policy; Specialisation in Nuclear Medicine; Biochemistsry & Cell Biology; Veterinary Medicine; MSc Advances Clinical Studies; MSc in Structural Steel Design; European Masters in Environmental Technology; Degree in Economics and Marketing in the Agroindustrial System; Doctor of Philosophy in Anatomy & Genetics; MSc in marine Environmental Protection; MSc in Automotive Engineering; BA Hons in 3D Digital Character Animation; MA Marketing Communications, MSc in Information Security; MSc in RF Communication Systems; MSc Social and Public Communication; MA Preventive Conservation
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus bis-saħħa tal-faċilita' li teżisti bejn l-FTS u l-APS minn meta daħal fis-seħħ dan il-ftehim? Jista' jgħid ukoll kemm flus ġew imħallsa lura mill-gvern jew l-FTS?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sat-30 ta' Settembru 2005 intefqu Lm6,240,331.71 bis-saħħa tal-faċilita' li awtorizza l-Gvern bejn il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada u l-APS minn meta daħal fis-seħħ dan il-ftehim. Ninsab informat ukoll li sat-30 ta' Settembru 2005 tħallas l-ammont ta' Lm268,166.00 lura lill-bank bħala 'loan repayment'.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14483 u jgħid matul dan is-sajf fejn sar xi xoghol fl-iskejjel? Min kien il-kuntrattur li għamel dan ix-xoghol u kemm ġie jiswa? Meta nbeda dan ix-xoghol u meta tlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14482, jista’ il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitat tal-Youth specialisation studies scheme credentials?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kumitat tal-Kredenzjali tal-Youth Specialisation Studies Scheme għal din is-sena kienu Dr. James Calleja, Chairperson, Edward Calleja, Annabelle Vassallo, Dr. Justin Fenech u Mariella Orlando bħala membri.