Legislature:
Category:
Reset
Active:

VAT fuq affarijiet edukattivi

Question

Jista’ il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15645 u jgħid il-gvern kemm daħħal s’issa matul din is-sena mill-VAT fuq tagħmir edukattiv u affarijiet edukattivi oħra, bħal kotba, pitazzi, eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 15645 li ngħatat f’Seduta 331.

Kampanja kontra t-tipjip u l-alkoħol fl-iskejjel

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk jaqbilx li għandha ssir kampanja qawwija fost it-tfal ta’ l-iskejjel kollha, jiġifieri kemm ta’ l-Istat, dawk indipendenti u tal-knisja, kontra t-tipjip u l-alkaħol? Minbarra l-posters li jitqassmu, m'għandux ikun hemm laqgħat regolari kemm ma’ l-istudenti mill-iżgħar sa l-għola klassijiet kif ukoll mal-ġenituri biex jintwerew l-effetti ħżiena tat-tnejn? F'din is-sena skolastika, jista’ jgħid x' sar f'dan il-qasam fl-iskejjel ta' l-Istat? Intalbet xi għajnuna mill-iskejjel indipendenti u tal-knisja dwar it-tipjip u l-alkaħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Kampanja kontra kull vizzju dejjem hija mportanti, speċjalment fil-qasam edukattiv. Informat li l-lezzjonijiet regolari dwar it-tipjip u l-alkoħol isiru regolarment mill-għalliema tal-P.S.D. It-taqsima "Anti-Substance Abuse" fis-Safe Schools Programme, jagħmlu programmi regolari fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, fuq talba tal-Kapijiet ta' l-Iskola u/jew Guidance Teachers, dwar is-sustanzi u t-teħid tagħhom. Il-laqgħat huma sew għall-istudenti, għall-istaff kif ukoll għall-ġenituri. Barra minn hekk, isiru wkoll l-INT Seminars (Irrid Nagħżel Tajjeb) għal-Form IV's, li jdumu tlett ijiem. L-iskejjel jaħdmu qrib ma' SEDQA dwar il-prevenzjoni mhux biss dwar drogi imma wkoll dwar alkoħol u tipjip. Il-Guidance and Counsellors Services, permezz tal-Guidance Teachers u Councellors, jorganizzaw wkoll "referrals" fejn meħtieġ. Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni fl-2001 ippublika ukoll proċeduri u politika dwar l-abbuż ta' sustanzi. Dan il-proċess japplika għal kull tip ta' skola, kemm ta' l-Istat kif ukoll tal-Knisja u Indipendenti.

Xorb alkoħoliku fost iż-żgħażagħ

Question

Issa li għadda s-sajf u dalwaqt jasal il-Milied, tista’ il-Ministru tgħid fejn waslet bil-proposti tagħha rigward ix-xorb alkaħaliku fost iż-żgħażagħ? Għaliex hemm dan id-dewmien kollu biex jiddaħħlu miżuri li jipproteġu aktar lit-tfal kontra minn qed jabbuża billi jbiegħ u/jew iqassam xorb alkaħoliku fost iż-żgħażagħ? Tapprezza l-Ministru li speċjalment fi tmiem il-ġimgħa f'ħafna lokalitajiet ta' divertiment wieħed jista’ jara għadd ta' żgħażagħ, anke ta' eta` żgħira fis-sakra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jitħejja abbozz ta' regolamenti dwar is-suġġett tal-Mistoqsija, li mistenni jitressaq għal konsiderazzjoni tal-Kabinett fil-gimgħat li ġejjin.

Postijiet ta' divertiment — Persuni taħt l-eta'

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid f'Awissu, Settembru, Ottubru u sal-15 ta' Novembru 2005 kemm-il persuna taħt l-eta` permessa mil-liġi nstabet f'post ta' divertiment fejn jinbiegħ l-alkaħol? Kemm minnhom kienu ta' nazzjonalita` barranija? Jista’ jagħti l-figuri għal kull xahar separatament? Jista’ jgħid ukoll x' passi ttieħdu kontra s-sidien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Awissu u l-15 ta' Novembru ta' din is-sena, il-Pulizija sabet 16-il persuna taħt l-eta' ta' sittax-il sena, kollha ta' nazzjonalita' Maltija, f'postijiet ta' divertiment. Dawn kienu għaxra matul ix-xahar ta' Awissu, filwaqt li s-sitta l-oħra nstabu matul ix-xahar ta' Settembru. B'riżultat ta' dan, il-Pulizija qed tieħu passi quddiem il-Qorti kontra ħames persuni responsabbli mill-postijiet ta' divertiment fejn instabu dawn iż-żagħżagħ.

VAT fuq affarijiet edukattivi

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm daħħal il-gvern s’issa matul din is-sena mill-VAT fuq tagħmir edukattiv u affarijiet edukattivi oħra, bħal kotba, pitazzi etc.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata. Persuni reġistrati m’humiex obbligati li jirrapurtaw il-ġeneru tal-bejgħ li jagħmlu.

Ġbir ta' VAT

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm inġabret VAT mill-edukazzjoni fl-ewwel disa' xhur tas-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, id-Dipartiment tal-VAT ġabar Lm427,121 bħala VAT mill-edukazzjoni.

Biċċa art ħdejn is-swar tal-Fgura

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjegalna x'inhuma d-diffikultajiet li jridu jingħelbu qabel l-art li hemm ħdejn is-swar tal-Fgura tiġi devoluta? Minħabba li f'din l-istess art hemm maħsub li jsir 5-a-side synthetic pitch u saret talba mill-Fgura Utd. Football Club, jista' jgħid jekk hemmx xi diffikultajiet f'dan ir-rigward? Fid-dawl li anke s-south local plan jindika li din l-art trid tiġi żviluppata f'park sportiv, x'inhi d-diffikulta' li ssir din id-devoluzzjoni, jew ifisser li s-south local plan hu żbaljat? Jista' jgħid min hu responsabbli jekk minħabba dewmien żejjed ser jintilfu grants mill-MFA lil Fgura Utd. FC sabiex jinbena l-5-a-side football pitch? Jekk minħabba d-diffikultajiet li hemm id-devoluzzjoni ma tistax tingħata u l-iżvilupp tal-ground ma jseħħx, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'ser isir minnha din l-art?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Fgura United Football Club diġa' għandu permess ta' encroachment fuq il-futbol ground li hemm ħdejn is-swar tal-Fgura. Infurmat ukoll li l-klabb kien talab li jingħata ċens fuq l-istess ground. Kienet għaddiet riżoluzzjoni tal-Parlament f'dan is-sens iżda mbagħad il-Klabb naqas li jersaq għall-iffirmar tal-kuntratt. Jidher li issa l-Klabb qed jitlob biċċa art oħra biswit l-istess ground sabiex jikkonvertiha f'synthetic pitch. Taħt l-Att dwar l-Iżvilupp dan jinħtieġ permess mingħand il-MEPA. Il-Klabb ġie verbalment infurmat b'dan iżda sa issa ma jidhirx li tali permess ġie ottenut. Sadanittant ta' min wieħed igħid li, abbażi tal-provvediment li kienu ġew introdotti bl-Att dwar l-Isports, minn Mejju tal-2005 ir-responsabbilita' dwar talbiet għal proprjeta' tal-Gvern minn għaqdiet sportivi għaddiet għand il-Kunsill Malti għall-Isport li mbagħad jikkonsulta mat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dwar il-qies ta' l-art u t-tip ta' allokazzjoni li tkun tista' tingħata. Dwar il-każ tal-FUFC il-proċess ikun jista' jitkompla meta dan jissottometti kopja tal-permess tal-MEPA lill-Kunsill Malti għall-Isport.

Fgura — Restawr ta' swar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir restawr u manutenzjoni tas-swar li hemm bejn il-Fgura u l-Kottonera?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li din il-linja tas-swar hija nkluża fil-proġett tar-restawr u manutenzjoni, li fil-pajjiż għandna madwar 25 kilometru tul, liema rapport sar mill-esperti fi ħdan dan il-Ministeru. Dan il-proġett ser jiġi sottomess għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern biex jiġi nkluż bħala wieħed mill-proġetti li jkun iffinaliżat mill-fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropea 2007 - 2013.

Skola Giovanni Curmi

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-inventarju tal-furniture and equipment ta' kull dipartiment u l-lista ta' affarijiet li huma earmarked biex jitneħħew u eventwalment jintremew fl-iskola ogħla Giovanni Curmi?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Junior college

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-inventarju tal-furniture and equipment ta' kull dipartiment u l-lista ta' affarijiet li huma earmarked biex jitneħħew u eventwalment jintremew tal-junior college?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Edukazzjoni — Vetturi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15634, jista’ il-Ministru jelenka min juża dawn il-vetturi fil-ministeru u fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Jista' jgħid x'għamel u x'qed jagħmel biex jiġi mnaqqas il-kiri u l-użu tal-vetturi, speċjalment li f'din l-aħħar sena għola kemm–il darba l-prezz tal-petrol u tad-diesel? Il-vetturi jistgħu kollha jittieħdu minn dawk li jużawhom fi tmiem il-ġimgħa u fi btajjel pubbliċi?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Arretrati tat-taxxa tad-dħul

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm–il persuna ngħatat iċ- chance minn Jannar 2004 sal-lum li tħallas arretrati tat-taxxa tad-dħul billi sar ftehim li s-somma dovuta titħallas b’ammont kull xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-ftehim ma ġewx onorati mill-persuna konċernata? X’passi ttieħdu? Meta l-ftehim ikun biex is-somma ta’ kull xahar tinqata’ mill-paga, min hu responsabbli, l-impjegat jew is-sid li din titħallas ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Programm ERASMUS

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti Maltin li qed jieħdu sehem fil-progrmm ERASMUS? F’liema pajjiżi? Kemm hemm studenti barranin li bħalissa qed jistudjaw f’Malta taħt l-istess programm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti reġistrati ma' l-Universita' ta' Malta li matul dan is-semestru qed jieħdu sehem fil-programm Erasmus huwa 89. Dawn qed jistudjaw Universitajiet : l-Italja, l-Ingilterra, l-Irlanda, Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, Spanja, id-Danimarka u l-Finlandja. Informat ukoll li n-numru ta' studenti barranin li bħalissa qed jistudjaw fl-Universita' ta' Malta permezz tal-programm Erasmus huwa 187.

Studenti barranin ta' l-Ingliż

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fl-ewwel disa' xhur ta’din is-sena kemm–il student barrani ġie f’pajjiżna biex jitgħallem l-Ingliż? Minn liema pajjiżi l-aktar li ġew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena 2005, f'Malta u Għawdex ġew 51,689 student barrani sabiex jitgħallem l-Ingliż bħala Lingwa Barranija. L-aktar li ġew studenti mill-Ġermanja, Franza, Awsrija, Svizzera, Spanja u Ċina.

Studenti barranin

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin li qed jattendu skejjel f’Malta? Jista’ jgħid kemm, separatament, imorru fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-knisja u dawk indipendenti? Ta’ liema nazzjonalita` huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti barranin li jattendu fi skejjel statali huwa 422. Informat li n-numru ta' studenti barranin li jattendu fl-iskejjel tal-Knisja huwa ta' 25 u f'dawk Indipendenti huwa ta' 456. Tagħrif dwar mill-liema nazzjonalita' ġejjin ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ġbir ta' VAT

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm inġabret VAT din is-sena sa l-aħħar ta’ Settembru? Fl-istess zmien, kemm kien hemm ħwienet/ristoranti/barijiet li s-sidien tagħhom inqabdu li ma tawx irċevuti fiskali għas-servizzi li taw lill-klijenti ? F’liema lokalitajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li s-somma ta’ Lm143,187,182 ġiet miġbura bħala (gross) VAT bejn Jannar u Settembru 2005. Matul l-istess perjodu d-Dipartiment ħallas is-somma ta’ Lm21,667,193 bħala rifużjonijiet tal-VAT. L-ammont nett migbur għal perjodu Jannar – Settembru 2005 kien ta’ Lm121,519,989. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kumplament ta’ l-informazzjoni mitluba.
Leg 10 PQ #15646 Sitting 329 2005-11-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Żjajjar ta' studenti lil siti storiċi

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk jiġux organizzati żjarat għat-tfal ta' l-iskejjel għal siti storiċi u/jew mużewijiet speċifiċi biex dawn jitgħallmu aktar dwar dak is-sit partikolari jew dwar xi esebiti f’mużew, minn xi organizzazzjoni li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li Heritage Malta bħala aġenzija organizzat diversi żjarat għat-tfal ta’ l-iskejjel kemm f’siti u mużewijiet tagħha u fejn m’organizzathomx din l-aġenzija għax iż-żjarat kienu organizzati mill-iskejjel infushom, Heritage Malta rat li torganizza t-tours biex it-tfal jingħataw it-tagħrif kollu xieraq. Barra minn hekk, Heritage Malta torganizza wkoll attivitajiet oħra mmirati lejn it-tfal li fihom mhux biss jingħata tagħrif dwar l-istorja ta’ pajjiżna imma t-tfal jiġu mħajjra jipparteċipaw b’mod li jappella għall-kreattività tagħhom. Din l-aġenzija għandha wkoll programmi edukattivi apposta għat-tfal li għalissa huma limitati għal żewġ siti għax il-proġett għadu fil-bidu imma li se jkompli jiżviluppa skond l-esperjenza. Heritage Malta se tkompli b’dawn l-attivitajiet fi programm li diġà huwa mhejji għas-sena d-dieħla.

Pixxina nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-pixxina nazzjonali tingħalaq għal xi żmien fil-ġimgħat li ġejjin biex isir xi xogħol ta’ kostruzzjoni u/jew manutenzjoni? Jista’ jgħid liema hu dan ix-xogħol? Minn min se jsir u kemm se jiġi jiswa? Kemm ser iddum magħluqa l-pixxina?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-perjodu ta' Jannar u Marzu 2006 għandu jitkompla x-xogħol ta' manutenzjoni fil-Kumpless. Informat ukoll li x-xogħol ser jikkonsisti f' :- a) Xogħol fuq il-pilastri - Lm18,217.27 b) Xogħol fuq il-ħajt ta' taħt il-parking area ċ) Xogħol fuq il-Fitness Centre d) Xogħol fuq l-apparat tal-Plant Room - stmat Lm20,000 Qed jinkitbu t-tenders fuq b) u ċ) filwaqt li qed isir evalwazzjoni fuq l-ewwel parti ta' d).

Pixxina nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid s’issa matul din is-sena, sa l-aħħar ta’ Ottubru, kemm intnefqu flus fuq fuel biex tissaħħan il-pixxina nazzjonali? Kemm minn din is-somma diġa` tħallset? X’tip ta’ fuel qed jintuża? Min qed jissupplixxi l-fuel? Taħt liema ftehim?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-KMS nefaq is-somma ta' Lm 55998.04 f'diesel biex tisssaħħan il-Pixxina Nazzjonali fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena. Wieħed irid isemmi illi l-Pixxina Nazzjonali kienet għaddejja bi program ta' manutenzjoni fix-xhur Jannar - Marzu u b'hekk ma kienetx qed tkun imsaħħna. Informat ukoll li x-xiri tal-fuel kien mingħand EneMalta Corporation - Lm 35255.04 sakemm ħareg tender li ġie mirbuh minn Cassar Fuels Suppliers (Lm 20743).