Jista’ il-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 16200 u jgħid min kien il-lecturer li kien indispost? Kemm dam indispost? Kemm kienu dawk li applikaw u kemm minnhom irtiraw u ddeċidew li ma jattendux il-kors tat-TEFL?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 16201 u jgħid jekk għal dan il-kors kienx hemm biss lecturer wieħed? Jekk le, min kienu u x’kien se jkun is-suġġett tagħhom fil-kors tat-TEFL? Possibbli li kellu jitħassar il-kors għax wieħed minnhom kien indispost? Ma jaħsibx il-Ministru li dawk li applikaw u ddeċidew li jattendu ma kellhomx jiġu ddiżappuntati fl-aħħar sigħat qabel ma jibda l-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm qed jattendu l-kors tat-TEFL fit-taqsima ta’ l-Universita` f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll min qed jagħti l-lectures fil-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il persuna taħt l-eta` ta’16 –il sena nstabu f’xi postijiet ta’divertiment, inkluż parties organizzati mill-privat matul Diċembru u fl-ewwel ġimgħa ta’Jannar 2006? X’passi ttieħdu? F’liema lokalitajiet instabu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Diċembru 2005 u t-8 ta' Jannar 2006 kien hemm żewġ persuni taħt is-sittax-il sena li nstabu mill-Pulizija ġewwa postijiet ta' divertiment, wieħed ġewwa Paċeville u l-ieħor fil-Marsa. Dwar dan il-pulizija ser tieħu passi quddiem il-Qorti kontra il-persuni responsabbli minn dawn il-postijiet.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid minn meta daħlet il-liġi li tiprojbixxi tipjip f’bars u stabbilimenti oħra, kemm tressqu persuni l-qorti xahar b’xahar talli nqabdu jpejpu fejn mhux suppost? Jista’ jgħid ukoll jekk ittieħdux passi kontra s-sidien ta’ dawn l-istabbilimenti? Jista’ jgħid x’inhu jsir fil-preżent sabiex ma jsirux abbużi u ksur tal-liġi billi jsir tipjip fejn mhux suppost u dan anke fid-dawl ta’ numru ta’ ilmenti li wasluli li qed isir tipjip fejn mhux suppost, speċjalment f’bars ġewwa Paceville?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn meta ġew fis-seħħ ir-Regolamenti ta’ l-2004 dwar it-Tipjip f’Postijiet Miftuħin għall-Pubbliku sa l-aħħar tas-sena 2005, il-Pulizija sabet u ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 249 persuna talli pejpu ġewwa postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit, kif jidher hawn taħt:-
2004Ottubru9
Novembru9
Diċembru1
2005Jannar11
Frar10
Marzu29
April37
Mejju24
Ġunju11
Lulju13
Awissu5
Settembru19
Ottubru26
Novembru23
Diċembru22
Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed tagħmel u ser tkompli tagħmel spezzjonijiet.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk il-MEPA skedatx dik li qabel kienet id-dar tas-surmast tal-Kulleġġ St.Edwards? Jekk fl-affermattiv, fuq liema bażi? Jaf li parti minn din id-dar, jiġifieri l-gallerija tal-ġebel, tinsab f’periklu li taqa’ u dan kif iddikjarat mill-Perit Joe Delia? Intalab permess li din tiġi rranġata u jekk fl-affermattiv, meta? X’xogħol sar biex jitneħħa l-periklu lill-istudenti li jattendu din l-iskola?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-binjiet tal-Kulleġġ ta' St. Edwards, inkluż id-dar tas-surmast, għadhom mhux skedati.
Madankollu, peress li l-binjiet tal-Kulleġġ ta' St. Edwards għandhom iktar minn ħamsin sena dawn huma awtomatikament protetti permezz tal-Liġi dwar il-Wirt Kulturali 2002.
Ma hemm l-ebda applikazzjoni pendenti fuq il-Kulleġġ ta' St. Edward's għall-żvilupp jew talba għat-tneħħija ta' strutturi perikolanti.
Jista’ il-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu sabiex il-problema ta’ l-għargħar fl-iskejjel primarji tal-Fgura tiġi solvuta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ilmijiet li jispiċċaw fl-iskejjel primarji tal-Fgura u li qegħdin jikkawżaw l-għargħar f'dawn l-iskejjel, qegħdin joriġinaw minn deversi nħawi u triqat oħra - uħud minnhom ġodda - tal-lokal li qegħdin jitfgħu l-ilmijiet fid-direzzjoni ta' l-iskejjel. Tajjeb li wieħed jgħid li l-problema ta' l-għargħar hija waħda li żviluppat matul is-snin. Dan il-fatt kien diskuss waqt laqgħa li kellha l-FTS mal-kapijiet ta' l-iskejjel u mas-Sindku u uffiċjali oħra tal-Kunsill Lokali, ġewwa l-uffiċini tal-kunsill lokali, li min naħa tagħhom fehmu u apprezzaw il-punt li kien qiegħed isir min naħa ta' l-FTS.
L-FTS irrakkomandat illi biex tissolva l-problema ġewwa l-iskejjel, bieb li hemm fuq in-naħa ta' fejn qed tidħol kwantita' ta' ilma irid jingħalaq billi jinbena ħajt minflok, u jinfetaħ bieb ieħor fuq naħa oħra ta' l-iskola li fil-fatt huwa mbarrat.
Uffiċjali tal-Kunsill Lokali baqgħu jilmentaw illi l-problema kienet qiegħdha tinqala' għaliex il-'culverts' ġewwa l-iskola kienu miżdudin u għalhekk ma setax' jgħaddi l-ilma. Avolja l-FTS ma qablitx ma' dan, ittieħdu passi immedjati u dawn il-'culverts' tnaddfu xi ġimgħat ilu mill-impjegati tat-Technical Services Division tad-Diviżjoni ta' l-Edukazjoni.
Waqt il-laqgħa ma' l-uffiċjali tal-Kunsill Lokali, dawn baqgħu jargumentaw kontra l-proposta li jingħalaq il-bieb u insistew li tinstab soluzzjoni ġewwa l-'grounds' ta' l-iskejjel. Bħalissa l-FTS lestiet tender biex jitkabbru xi 'culverts' li hemm fuq in-naħa ta' fejn hemm dan il-bieb, biex jiġi ddevjat l-ilma għal ġo debien li hemm fil-'grounds' ta' l-iskola.
Jekk dawn il-'culverts' ma jsolvux il-problema ta' l-għargħar, l-FTS ikollha tagħlaq il-bieb u ttella ħajt biex l-ilma ma jidħolx fl-iskola.
Jista’ il-Ministru jgħid wara li ġie ppubblikat ir-rapport Spiteri dwar l-edukazzjoni inklussiva, x’ġie mwettaq s’issa u x’inhu maħsub li jitwettaq u jiġi implimentat matul is-sena skolastika li ninsabu fiha?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi stqarrija għall-media maħruġa mill-Ministeru fid-29 ta' Diċembru, 2005 bit-tagħrif mitlub fil-Mistoqsija.
Peress li r-rapport Spiteri dwar l-edukazzjoni inklussiva jsemmi fost l-oħrajn li l-iskejjel speċjali għandhom ikunu ċentru ta' riżorsi, jista' il-Ministru jgħid kif ser isir dan u x'hemm ippjanat sabiex din il-proposta tiġi mwettqa?
Response (GALEA, LOUIS)
L-iskejjel speċjali għandhom jevolvu sabiex jiżviluppaw Ċentri ta' Riżorsi. L-ewwel eżerċizju li qed isir hu li kull skola tiġi identifikata' bi rwol speċifiku ta' liema qasam ta' diżabilita' għandha tispeċjalizza fiha. Huwa ppjanat illi jitħarrġu numru ta' għalliema f'Universitajiet barra minn Malta f'diversi oqsma tal-Edukazzjoni Speċjali li jaħdmu f'dawn l-iskejjel fuq livell ta' Master sabiex isiru specialist teachers u jkunu jgħinu fit-twaqqif ta' dawn iċ-Ċentri.
L-għalliema li jkunu speċjalizzaw f'diversi oqsma tal-edukazzjoni speċjali jkunu jistgħu jgħinu kemm lill-iskejjel regolari sabiex ikunu jistgħu jippjanaw aħjar għal bżonnijiet edukattivi ta' dawn l-istudenti, kif ukoll billi jappoġġaw lil dawn l-istudenti li jattendu fil-mainstream billi jagħmlu użu ta' riżorsi li jinsabu ġo dawn iċ-Ċentri ta' Riżorsi skond kif ikun identifikat fil-pjan edukattiv ta' l-istudenti (IEP).
Wara li fil-bidu ta' din is-sena skolastika ġew imwaqqfa erba' kulleġġi bi prova, jista' il-Ministru ġentilment jgħid x'ġara s'issa u x'għajnuna u support qed jingħataw dawn il-kulleġġi?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Membru japprezza li l-proċess ta' riforma f'dawn il-Kulleġġi ilu biss ftit ġimgħat li beda u bi prova. Diġa' jidher li l-ħidma flimkien ta' skejjel fi ħdan Kulleġġ qed tkun ta' ġid, u qed jittieħdu diversi inizjattivi.
Jista’ il-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar tliet snin akkademiċi, sena b’sena, kemm studenti universitarji ħadu sehem f’xi programm ta’ l-Unjoni Ewropea? Jista’ jagħti din l-informazzjoni separata għal kull fakulta` u/jew dipartiment, kif ukoll jgħid kemm kien in-numru ta’ studenti li kienu qegħdin fl-istess kors?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-gvern sabiex iħares il-fortifikazzjonijiet mibnija kemm mill-Ingliżi kif ukoll dawk il-fortifikazzjonijiet mibnija mill-Kavallieri ta’ San Ġwann?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li r-Restoration Unit, fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, tagħmel xogħol kontinwu ta’ restawr, manutenzjoni w tindif fuq is-swar u l-fortifikazzjonijiet kollha li jiġu ddikjarati li qegħdin fi stat ħażin, kif ukoll dawk li jikkostitwixxu periklu għall-pubbliku. Dan ix-xogħol isir skond sistema ta’ prijoritajiet u skond il-mezzi disponibbli.
Il-Ministeru qiegħed ukoll jipprepara programm estensiv ta’ restawr u manutenzjoni tas-swar u fortifikazzjonijiet sabiex ikun jista' jitħaddem mill-fondi strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hu jew xi uffiċjal tal-Ministeru tiegħu u/jew ta’ Heritage Malta ġiex informat dwar id-deċiżjoni li se jibda jintalab ħlas għad-dhul fil-Katidral ta’ l-Imdina? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux xi talbiet mid-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni biex gruppi ta’ tfal ta’ l-iskola jiġu eżentati minn dan il-ħlas?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onor interpellant japprezza illi l-Katidral ta' l-Imdina ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Gvern.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk irċeviex xi talba mill-ASA jew minn xi ħaddieħor sabiex tingħata xi għajnuna lit-team tal-waterpolo ta’ l-irġiel sabiex ikun jista’ jipparteċipa fil-logħob tal-Commonwealth għall-ħabta ta’ Marzu/April 2006, minħabba li jidher li dan it-team mhux ser jipparteċipa minħabba nuqqas ta’ finanzi u mhux għax mhux intitolat li jipparteċipa minħabba xi riżultati negattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa fejn jirriżulta ma waslitx fil-Ministeru talba bħal dik imsemmija mill-Onor. Membru.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16100, jista’ il-Ministru jgħid jekk hux sew li t-tfal ta’ Year 2 fl-iskola primarja ta’ l-Għarb f’Għawdex ikollhom għalliem/a differenti kull darba li l-għalliema proprja tkun ma tiflaħx u allura la t-tfal u lanqas l-għalliem/a temporanji ma jidraw lil xulxin? Ġaladarba l-għalliema konċernata, minħabba raġunijiet ta’ saħħa jkun meħtieġ li tieħu bosta ġranet ta’ sick leave, jista’ jara li ma tibqax aktar fi skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sar arranġament li kull meta din l-għalliema tkun assenti mill-iskola minħabba mard tintbagħat dejjem l-istess għalliema biex tissostitwixxiha. Din l-għalliema dejjem ippreżentat ċertifikat ta' mard normali. S'issa qatt ma ppreżentat ċertifikat ta' mard mingħand speċjalista u ma għamlet l-ebda talba bil-miktub biex tiġi eżenti milli tgħallem fi klassi.
Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid meta se jingħataw risposta ż-żewġ persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, u li applikaw għall-visa sabiex ikunu jistgħu jagħmlu diploma course fil-computer fl-iskola tas-Swatar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni għall-visa tal-persuni li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant qegħda fl-aħħar stadji tal-proċess.
Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dokument li tħejja mill-management efficiency unit dwar il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument intitolat Developing an Institutional Framework for the Malta Council for Culture and the Arts datat 27 ta’ Mejju 2005 u maħruġ mill-Management Efficiency Unit fuq talba tal-Ministeru tiegħi.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija rċevewx xi rapporti dwar Triq il-Kitba ġewwa l-Fgura minħabba li hemm min għandu xi xarabanks, u anke jagħmel xogħlijiet fuqhom fit-triq imsemmija, b’konsegwenza li qed ikun hemm ħmieġ u dan b’detriment għar-residenti ta’ din l-istess triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fuq rapporti li kellha, il-Pulizija għamlet diversi spezzjonijiet fit-triq imsemmija fejn għalkemm instab li kien hemm xi xarabanks ipparkjati, ma kienx qed isir xogħol fuqhom. Minkejja dan, sid dawn ix-xarabanks ġie mwissi sabiex ma jagħmilx xogħolijiiet fit-triq.