Jista' il-Ministru jgħid kif u minn min qed jitmexxa l-Matthew Micallef St. John Stadium tal-Marsa? Hemm xi pjan biex dan jingħata lil xi organizzazzjoni jew għaqda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Marsa Sports Complex, inkluż il-Matthew Micallef St. John Stadium, qed jitmexxa mill-Kunsill Malti għall-Isport, fejn fil-preżent hemm Assistant Principal iservi ta' Manager.
Il-Kunsill Malti għall-Isport qed jikkonsidra diversi proposti għall-għoti b'titolu legali ta' diversi faċilitajiet f'dan l-ispazju sportiv (inkluż il-proposta ta' l-Amateur Athletic Association).
Meta l-proposti kollha ikunu ġew konsidrati ser tittressaq proposta sħiħa lill-Gvern għall-konsiderazzjoni tiegħu.
Jista' il-Ministru jara jekk hux minnu jew le li l-għalliema li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, qed tfalli ta' spiss u dan b'detriment għall-istudenti tal-klassi tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa l-għalliema kkonċernata kienet bis-sick leave għal tlett'ijiem. Ġurnata oħra, kellha titlaq mill-iskola fil-11.30 ta' fil-għodu għax ħassitha ma tiflaħx.
Kull għalliem hu intitolat għal sittax-il siegħa u nofs 'Special Leave' kull sena skolastika. S'issa l-għalliema imsemmija għamlet użu ta' ebgħa siegħat u nofs biss.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu r-regolamenti li għandhom jiġu ppubblikati wara li kienet approvata l-liġi dwar l-armi? Jista' jgħid meta huwa maħsub li l-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali jlesti dawn ir-regolamenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-regolamenti msemmija mill-Onorevoli Membru ġew abbozzati u qegħdin fil-proċess li jiġu eżaminati bir-reqqa dwar l-implikazzjonijiet legali u fattwali tagħhom. Kif dan il-proċess jitlesta dawn jiġu pubblikati.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti, maqsumin bħala bniet u subien, li se joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC f'Mejju/Ġunju li ġej? Kemm minnhom huma minn skejjel ta' l-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jiġi kompilat tweġiba tingħata meta d-data tar-reġistrazzjonijiet tgħalaq u t-tagħrif ikun ġie komputerizzat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il student qed joqgħod għal kull suġġett fl-eżamijiet tas-SEC ta' Mejju/Ġunju li ġej? Jista' jgħid ukoll kemm-il student se jagħmel Paper A u kemm Paper B f'kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 16715.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16548 u jgħid fl-ewwel term kien hemm xi rapporti ta’pussess u/jew teħid ta’ droga u/jew alkoħol fl-iskejjel? Jekk iva, jista’ jagħti dettalji dwar x’kienet id-droga? Kemm kellhom żmien l-istudenti nvoluti? X’passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kapijiet u assistenti kapijiet li se jirtiraw bl-eta' fil-kumplament ta' din is-sena skolastika? F'liema skejjel qegħdin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' Kapijiet u Assistenti Kapijiet ta' skola li ser jirtiraw bl-eta' ta' 61 sena matul il-bqija ta' din is-sena skolastika (Jannar u Awissu 2006) huwa:
9 Kapijiet ta' skola (5 ta' skejjel primarji, 2 ta' Junior Lyceum Subien, 1 ta' skola sekondarja subien u 1 ta' Post-sekondarja) u 12-il Assistent Kap ta' skola (5 ta' skejjel primarji, 3 ta' skola sekondarja subien, 2 ta' skola sekondarja bniet, 1 ta' Junior Lyceum subien u 1 ta' Junior Lyceum bniet.
Sa fejn hu magħruf s'issa hemm ukoll 2 Kapijiet ta' skola li ser jagħlqu 60 sena u nfurmawna li ser jirtiraw (1 ta' skola primarja u 1 ta' Junior Lyceum bniet)
Jista' il-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm vakanzi ta' għalliema fl-iskejjel primarji u sekondarji? F'liema suġġetti u f'liema skejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Primarji ta' l-Istat bħalissa m'hemmx vakanzi ta' għalliema, filwaqt li fl-iskejjel Sekondarji il-vakanzi li hemm huwa kif indikat hawn taħt:
F'liema Suġġett F'liema Skejjel
Technical Design Agius de Soldanis, Victoria GJL
Malti Lorenzo Gafa', Fortini BSS
Fiżika u Bijoloġija San Franġisk t'Assisi, Sta. Venera BSS
Qed jittieħdu l-passi biex jinstabu għalliema alternattivi.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt bil-kundizzjonijiet imposti fuq l-organizzaturi tal-party ta’ lejliet l-ewwel tas-sena f’Dar il-Mediterran u jekk l-istess kundizzjonijiet kenux kollha esegwiti? Kif jista’ ikun żgur minn dan? Peress li dan huwa post pubbliku, jista’ jgħid jekk kienx hemm ukoll uffiċjali ta’ Dar il-Mediterran li kienu inkarigati li jkunu hemm waqt il-party biex jaraw li kollox jimxi kif suppost?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ma nħossx li jkun etiku li nesprimi opinjoni personali tiegħi kif mitlub mill-Onor. Interpellant fuq din l-attività, meta għaddejja Inkjesta Maġisterjali.
Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjan tal-perit dwar kif kienet se tintuża s-sala u partijiet oħra ta’ Dar il-Mediterran waqt il-
party
ta’ lejliet l-ewwel tas-sena u li kienet waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuq l-organizzaturi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta’ natura kummerċjali u għaldaqstant ma nħossx li għandha tingħata.
Jista' il-Ministru jara li sitwazzjoni xejn sabiħa li nħolqot fi klassi tal-Year 1 ta' għalliema li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fl-iskola primarja A tal-Fgura, tiġi rimedjata malajr kemm jista' ikun minħabba li t-tfal qed jintlaqtu ħażin? X'inhi r-raġuni li f'din l-istess klassi hemm żewġ facilitators meta hemm klassi oħra li m'għandha lil ħadd? Saret xi pressjoni minn xi ħadd sabiex fi klassi partikolari ma jkunx hemm facilitator bil-konsegwenza li fil-klassi msemmija qabel hemm tnejn? Jista' jgħid jekk l-għalliema li ntbagħtet minflok il-persuna msemmija hux għalliema kkwalifikata jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Bil-politika ta' inklużjoni ġo kull klassi jista' jkun hemm sa żewġ facilitators u massimu ta' tlett'itfal bi bżonnijiet speċjali. Fil-klassi li l-Onor. Membru qed jirreferi għaliha hemm żewġ facilitators u żewġt'itfal bi bżonnijiet speċjali.
Fl-iskola li għaliha qed jalludi l-Onor. Membru f'din il-Year Stream partikolari hemm erba' klassijiet. Fi tlieta minnhom hemm tfal bi bżonnijiet speċjali. Il-kap ta' l-iskola ma qiegħedx tfal bi bżonnijet speċjali fil-klassi l-oħra minħabba l-fatt li jkun hemm trasferimenti ta' tfal minn skola għall-oħra matul is-sena skolastika. Informat li kieku ma użax din l-istrateġija speċjali f'din il-klassi wkoll, kienu jinqalgħu problemi meta jkun hemm bżonn li jsiru trasferimenti għal Year 1.
L-għalliem inkwistjoni ħarġet bis-Sick Leave meta reġgħet bdiet l-iskola fid-9 ta' Jannar 2006 u għamlet Open Certificate. Biex it-tfal tal-klassi tagħha ma jitilfux lezzjonijiet, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħasbet biex tibgħat għalliema f'din il-klassi sakemm l-għalliema regolari terġa' tidħol lura għad-doveri tagħha. Peress li l-lista ta' l-għalliema regolari li ggradwaw mill-Universita' ġiet eżawrita kollha, id-Diviżjoni bagħtet Supply Teacher.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-kummissjoni li twaqqfet biex tissuġġerixxi tibdil fil-liġijiet tad-divertiment fost l-oħrajn, ingħatatx terminu ta’ żmien ta’ meta għandha tlesti r-rapport tagħha?
Jista’ il-Ministru jwiegeb mistoqsijiet parlamentari 16201 u 16533 u jgħid jekk għal dan il-kors kienx hemm biss lecturer wieħed? Jekk le, min kienu u x’kien se jkun is-suġġett tagħhom fil-kors tat-TEFL? Possibbli li kellu jitħassar il-kors għax wieħed minnhom kien indispost? Ma jaħsibx il-Ministru li dawk li applikaw u ddeċidew li jattendu ma kellhomx jiġu ddiżappuntati fl-aħħar sigħat qabel ma jibda l-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-korsijiet mill-MUS u mill-I.S.E. huma ta' natura kommerċjali u offruti biss jekk huma kummerċjalment vijabbli.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16534 u jgħid kemm hemm li qed jattendu l-kors tat-TEFL fit-taqsima ta’ l-Universita` f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll min qed jagħti l-lectures fil-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors tat-TEFL għadu ma bediex. Applikaw ħdax-il persuna u jekk ikun hemm sbatax-il applikant, x'aktarx jibda fis-17 ta' Frar 2006.
Il-kors qed jiġi offrut minn Bell International, bil-kollaborazzjoni taċ-Ċentru ta' l-Universita' t'Għawdex u l-Ministeru għal Għawdex.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16313 u jgħid x’passi ttieħdu mid-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni rigward il-periklu li jeżisti fil-gallerija ta’ dik li qabel kienet id-dar tas-surmast tal-Kulleġġ St.Edwards hekk kif iddikjarat mill-Perit Joe Delia? Għaliex studenti ta’ din l-iskola qed jitħallew jiġġerew ħdejn din id-dar b’periklu kbir għalihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li propjament m'hemmx gallarija f'dik id-dar tas-surmast imma hemm parapett.
Informat ukoll li l-perit tal-Kulleġġ ma kkundannax dan il-parapett u se jsir xi xogħolijiet u refurbishment ieħor. Dan il-bini ma jitużax ħlief għal xi live-ins u t-tfal fiħ ma jkunx hemm. Barra minn hekk, il-perit qatt ma ta parir biex it-tfal jitwarrbu minn hemm, għalkemm it-tfal mhux qed jitħallew fil-viċinanzi tiegħu. Fil-parapett isir biss it-tindif tiegħu.
Jista’ il-Ministru jwiegeb mistoqsijiet parlamentari 16200 u 16532 u jgħid min kien il-lecturer li kien indispost? Kemm dam indispost? Kemm kienu dawk li applikaw u kemm minnhom irtiraw u ddeċidew li ma jattendux il-kors tat-TEFL?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li applikaw kien 17 li minnhom 7 irtiraw.
Dwar il-parti l-oħra tal-Mistoqijsa, mhux ser tingħata informazzjoni peress li dan il-każ jinvolvi mard li hija materja privata.