Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #16839 Sitting 350 2006-02-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Public service obligation

Question

Jista’ il-Ministru jagħti rendikont ta’ kif il-Lm500,000 li kienu allokati għas-sena 2005 bħala public service obligation tal-gvern, wara li l-istess gvern għalaq l-FM Bronja, kif ġew minfuqa? Jista’ jgħid ukoll x’ser jiġri matul din is-sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Kif diġa wiegħdt, hekk kif l-awdituri indipendenti jlestu l-awditjar tal-kontijiet inkun f'qagħda li nagħti l-informazzjoni mitluba dwar l-allokazzjoni tal-Gvern għad-diversi ġeneri ta' programmi taħt l-extended public service obligation. Darba jkolli l-kontijiet nkun nista nwieġeb għat-tieni parti tal-mistoqsija.
Leg 10 PQ #16840 Sitting 350 2006-02-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kont tat-Turiżmu u l-Kultura

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’ġara mill-idea li kellu l-gvern li jwaqqaf kont tat-turiżmu u l-kultura? Jista’ jgħid jekk din l-idea ġietx imwarrba jew le?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern jemmen bis-sħiħ f’din l-industrija u għalhekk il-flus għall-investiment f’dan is-settur jiġu pprovduti mill-Gvern a bażi ta’ dak li hu meħtieġ għall-industrija, indipendentement mid-dħul li din tiġġenera għall-istess Gvern. Il-prinċipju ta’ l- envelope ġie applikat fil-każ tar-ristrutturar ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta fejn, meta permezz ta’ l-eżerċizzju tar- ristrutturar ġew iffrankati Lm 600,000 fi spejjeż amministrattivi, dawn ma tteħdux mill-Gvern iżda ngħataw lura lill-Awtorità biex dawn jintużaw għal skopijiet ta’ marketing. Ta’ min iżid ukoll li l-investiment tal-Gvern f’dawn l-oqsma hu sostanzjali u hu bil-wisq akbar mid-dħul dirett għall-Gvern minn dawn l-attivitajiet li l-biċċa l-kbira tiegħu jmur direttament għand l-operaturi privati fis-settur bħalma huma l-lukandiera u l-operaturi tar-ristoranti u bars.
Leg 10 PQ #16841 Sitting 350 2006-02-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Akkademja Nazzjonali tal-Mużika

Question

Wara li fil-pre-budget document kien tħabbar li ser titwaqqaf akkademja nazzjonali tal-mużika, jista’ il-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani sabiex din titwaqqaf? Meta huwa maħsub li dan iseħħ u kif ser taħdem?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-kumitat imwaqqaf mill-Ministeru biex jieħu ħsieb it-twaqqif tal-akkademja tal-mużika ħadem fuq il-policies, termini, u struttura li għandhom iservu bħala l-bażi tal-akkademja. Apparti milli toffri lok biex studenti interessati li jispecjalizzaw fil-mużika ikomplu t-taħriġ tagħhom, l-akkademja ser ikollha ukoll funzjonijiet oħra li jinkludu dak li żżid l-attivitajiet fil-kamp mużikali. L-akkademja għandha l-għan ukoll li tgħolli il-livell mużikali fil-gżejjer billi toffri taħriġ u assistenza lil dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-kamp mużikali. L-akkademja ser tibni ukoll affiljazzjonijiet ma’ akkademji oħra barranin biex tiżgura livell dejjem aktar għoli ta’ tagħlim fil-qasam tal-mużika filwaqt li ser toffri ukoll faċilitajiet oħra bħaċ-ċentru ta’ riċerka mużikali li għandu jgħin lil mużiċisti biex ikomplu t-taħriġ tagħom f’dan il-qasam. L-akkademja ser tkun qed tibni rabtiet tajbin mal-iskola tal-mużika biex tiigura li dak kollu li qed jiġi mgħallem f’din l-iskola ikun marbut ma’ dak li ser jiġi mgħallem fl-akkademja.
Leg 10 PQ #16842 Sitting 350 2006-02-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Xogħol fit-Teatru Manoel

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’xogħol sar fit-Teatru Manoel matul is-sena 2005 u kemm ġie jiswa dan ix-xogħol? Jista’ jgħid ukoll x’xogħol hemm ippjanat għal matul din is-sena? Kemm huwa stmat li ser jiswa dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li twettqu fl-2005 u dawk ippjanati li jsiru fl-2006 huma kif ġej: 2005 Xogħol ta' tisbiħ u restawr tal-bitħa liema xogħol ġie jiswa Lm16,553. Tkompla l-proġett ta' manutenzjoni f'Casa Bonici li jinkludi l-installazzjoni tal-lift. Intefqu Lm22,512 fuq dan il-proġett. Sar it-twaqqigħ ta' l-istruttura interna tal-propjeta' f'81, Triq Zekka, Valletta bħala preparazzjoni għall-bini mill-ġdid ta' din l-istess dar f'rehearsals u changing rooms. Matul l-2005 intefqu Lm18,831 fuq dan il-proġett. Sar xogħol strutturali fil-faċilitajiet f'backstage u in-nefqa kienet ta' Lm19,449.50. Twettaq Fire Safety Project b' nefqa ta' Lm22,500. 2006 Se jitkompla l-proġett tar-rikostruzzjoni tal-propjeta 81, Strada Zekka, Valletta fejn in-nefqa hi stmata li ħa tkun tlahhaq madwar Lm129,006. Se tkompli r-rikostruzzjoni tal-faċilitajiet f'backstage - passenger lift - madwar Lm19,449. Twaqqigħ u skavar ta 81, Old Mint Str - madwar Lm12,619 u finishing ta' dan l-istess post li ser jiswa madwar Lm45,212. Issir il-finalizzazjoni tal- manutenzjoni sħiħa ta' Casa Bonici li mistennja tiswa madwar Lm8,714. Fire safety project ta' madwar Lm25,000.
Leg 10 PQ #16843 Sitting 350 2006-02-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Villaġġ tal-Karnival

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhuma l-ħsebijiet tal-gvern dwar il-villaġġ tal-karnival li issa ilu mwiegħed snin twal? X’ġara mill-allokazzjoni li kien hemm xi żmien ilu ta’ madwar Lm60,000?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Villaġġ tal-Karnival huwa wieħed mill-erba’ proġetti li ġew identifikati bħala ta’ importanza mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. Il-Gvern ikkummissjona studju fuq dan il-villaġġ li qed jiġi diskuss mill-Kumitat tal-Kabinett għall-Proġetti Nazzjonali. Il-Lm 65,000 ġew użati biex jiġi riabilitat parti minn Forti Sant’Iermu li kien u qiegħed jintuża minn kumpaniji li jieħdu sehem fil-Karnival.
Leg 10 PQ #16844 Sitting 350 2006-02-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Attivitajiet Kulturali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hu jew xi ħadd mill-ministeru għamlux talba sabiex il-VAT fuq il-biljetti tad-dħul għall-attivitajiet kulturali titneħħa jew titnaqqas ħalli l-biljetti tad-dħul ikunu aktar aċċessibbli għall-familji?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li qatt ma saret talba formali ta’ din ix-xorta mill-Ministeru tiegħi jew minn xi entità kulturali fid-dikasteru tiegħi.

Pixxina Nazzjonali — Kuntratturi

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16586 u jgħid min huma l-kuntratturi li ħadu x-xogħlijiet tal-pixxina nazzjonali, li skond il-Ministru swew Lm400,000, fl-aħħar sentejn? Jista’ jgħid ukoll jekk ħarġux sejħiet għall-offerti għax-xogħol konċernat? Jekk iva, jista’ ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kull offerta, min applika, min ħadha u jekk ix-xogħol sarx fi żmien stipulat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tagħrif mitlub qed jinġabar.

Pixxina Nazzjonali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15647, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi oħra, speċjalment dwar punti (b), (c) u (d)?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk : Xogħol fuq il-ħajt ta' taħt il-Parking area :- It-tender ġie ippublikat fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa, 6 ta' Jannar, 2006. Id-data tal-għeluq hija l-Ġimgħa, 3 ta' Frar, 2006. Xogħol fuq il-Fitness Centre :- Il-ħlas għall-applikazzjoni mill-Perit għand il-MEPA sar it-Tlieta, 10 ta' Jannar, 2006. Din il-ġimgħa ser jiġu sommessi il-pjanti. Xogħol fuq l-apparat tal-Plant Room :- Ir-rapport tal-għażla fuq il-Heat Exchangers tlesta mill-Engineer assenjat. Tpoġġiet l-ordni għax-xiri. Fir-rigward tar-ramel għall-filters inħarġet l-ordni għax-xiri. Żmien massimu ta' xahar.
Leg 10 PQ #16835 Sitting 349 2006-02-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti għal matul din is-sena? Kif beħsiebu jwettaq il-ħidma tiegħu bil-fondi allokati fis-sena 2006?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi lill-Onor interpellant għall-Istqarijja għall-Istampa Numru 1647/05 ippublikata mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni li telenka l-prioritajiet u l-ħidma tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti għal din is-sena. Qed inqiegħed kopja ta' din l-istqarrija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #16836 Sitting 349 2006-02-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Festi Nazzjonali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi deċiżjoni li l-festi nazzjonali ma jibqgħux taħt il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti iżda jibdew jaqgħu taħt l-uffiċċju tal-Prim Ministru? Jekk fl-affermattiv, minn meta sehh dan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti mhux se jibqa’ jorganizza avvenimenti. Dawn issa se jgħaddu fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura. M’hemm ebda deċiżjoni f'dan l-istadju sabiex il-festi nazzjonali jgħaddu f’idejn l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għalkemm din il-possibbiltà qiegħda tiġi kkunsidrata.
Leg 10 PQ #16837 Sitting 349 2006-02-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Awtorita' Maltija tat-Turiżmu — Attivitajiet Kulturali

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-attivitajiet kulturali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? Kemm hija l-allokazzjoni għal dawn l-attivitajiet imsemmija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-attivitajiet kulturali li sa ftit ilu kienu jaqgħu taħt l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta u li issa qed jiġu organizzati mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura huma dawn li ġejjin: · Mediterranean Food Festival 3-5 ta’ Marzu u 10-12 ta’ Marzu · Malta Fireworks Festival 29-30 ta’ April · Malta Historic Cities Festival 5-15 ta’ Ottubru · In Guardia Parade (kif jidher fl-iskeda li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra) · Alarme Re-enactments (kif jidher fl-iskeda li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra). L-ammont allokat għal dawn l-avvenimenti huwa ta’ Lm 175,000.
Leg 10 PQ #16838 Sitting 349 2006-02-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Jazz Festival

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk itteħditx xi deċiżjoni li l-jazz festival jingħata lill-privat? Jekk fl-affermattiv, fiex waslu l-affarijiet u jekk intlaħaqx xi ftehim ma' xi ħadd?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għal Press Release Numru 0135 li ħarġet mid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni datata 31 ta’ Jannar 2006. Qed inqiegħed kopja ta' l-istess stqarrija fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola Primarja tas-Siġġiewi

Question

Jista' il-Ministru jara x'jista' isir sabiex studenta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li tinsab fl-iskola primarja tas-Siġġiewi tingħata l-għajnuna li għandha bżonn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din l-istudenta diġa tingħata attenzjoni speċjali kuljum ta' Complimentary Teacher u li l-proċess ta' statementing għadu għaddej.

Ħamrun — Skola Adelaide Cini

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ser ikunu lesti, u allura jistgħu jintużaw, il-home economic/food lab ta' l-iskola sekondarja tal-bniet Adelaide Cini fil-Ħamrun?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola msemmija hemm żewġ food laboratories li huma lesti diġa u jistgħu jintużaw.

Ħamrun — Skola Adelaide Cini

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-iskola sekondarja tal-bniet Adelaide Cini fil-Ħamrun ser ikollha s-servizz ta' l-internet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li saru arranġamenti bejn il-MITTS u l-FTS biex isir ċaqlieq ta' laboratorju tal-Computers. Ix-xogħol issa huwa kollu lest u din il-ġimgħa żewġ timijiet tal-MITTS se jagħmlu configuration tan-Network u s-Server biex l-istudenti ikollhom is-servizz ta' l-Internet.

Użu minn karozza EAK554

Question

Jista' il-Ministru jgħid min jagħmel użu minn karozza li għandha n-numru EAK554 u għalxiex tintuża?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-karozza tintuża fit-transport pool tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u li bħalissa qiegħda f'idejn l-Education Assessment Unit, tissostitwixxi Skoda GVN 127, li qiegħda għat-tiswija.

Pixxina Nazzjonali — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16585 u jgħid: Wara li l-Ministru f’diskors li għamel fil-jiem li għaddew qal li ntnefqu ma' l-Lm400,000 f’xogħlijiet fil-pixxina nazzjonali, jista’ ġentilment jagħti breakdown f’liema xogħlijiet intnefqu u kemm giet tiswa kull biċċa xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li jinħtieġ aktar żmien biex tinġabar l-informazzjoni mitluba.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Tobba u dentisti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm tobba u dentisti li jservu speċifikament fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Dawn jaraw ukoll tfal fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.