Jista' il-Ministru jgħid għaliex issa li reġgħet fetħet il-Pixxina Nazzjonali, il-vaska ż-żgħira ma kenitx imsaħħna mill-ewwel jiem? X'qed iżomm milli jsir dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li, kif diġa avżat pubblikament, il-Kunsill Malti għall-iSport, ma kellu l-ebda ħsieb illi isaħħan il-vaska ż-żgħira. Din il-vaska ma kienetx qed tiġi imsaħħna qabel l-għeluq tal-kumpless biex jiġu ikkontrollati l-ispejjeż involuti biex tissaħħan.
Universita' — Korsijiet mill-international school of English
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15650, jista' il-Ministru jgħid kemm saru korsijiet organizzati mill-international school of English ta' l-Universita' fil-Malti, fl-Għarbi, fit-Taljan u fl-Ispanjol fl-2005 u kemm kien hemm studenti f'kull kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-informazzjoni mitluba hija ta' natura kummerċjali li tista' sservi biex tagħti vantaġġ inġust lill-kompetituri ta' l-International School of English.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm–il persuna ngħatat iċ-
chance
minn Jannar 2004 sal-lum li tħallas arretrati tat-taxxa tad-dħul billi sar ftehim li s-somma dovuta titħallas b’ammont kull xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-ftehim ma ġewx onorati mill-persuna konċernata? X’passi ttieħdu? Meta l-ftehim ikun biex is-somma ta’ kull xahar tinqata’ mill-paga, min hu responsabbli, l-impjegat jew is-sid li din titħallas ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16152 Seduta 334.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilhom mingħajr għalliem taċ-chart reading l-istudenti ta' l-istitut marittimu ta' l-MCAST? X'passi qed jittieħdu biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema taċ-Chartwork li huwa part-timer ilhu ma jagħti lezzjonijiet l-istudenti tiegħu mid-9 ta' Jannar, 2006. Dan għaliex intbgħat barra minn Malta fuq xogħol uffiċjali mill-Gvern u għax bħalissa qed jattendi kors ta' taħriġ b'konnessjoni ma xogħolu ta' Master Mariner.
Informat ukoll li mistenni jasal lura Malta biex ikompli t-tagħlim fl-Istitut Marittimu fi żmien qasir.
Sadanittant l-Uffiċjali Kadetti li qegħdin fl-Istitut Marittimu tal-MCAST qed ikomplu t-taħriġ tagħhom f'suġġetti oħrajn ta' importanza simili.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet il-popolazzjoni ta' Malta fil-31 ta' Diċembru 2005? Kif inhi mqassma f'irġiel, nisa u tfal? Jista' jgħid ukoll kif inhuma mqassmin f'etajiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba li l-informazzjoni dwar il-popolazzjoni ta’ Malta għall-2005 għada mhix finaliżżata, qed tingħata l-popolazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2005 projected fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta min jinnota li bħala figuri projected ma jinkludux il-barranin li jkunu residenti f’Malta.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tħallas VAT fuq affarijiet edukattivi matul is-sena finanzjarja li għaddiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għaliex persuni reġistrati m’humiex obbligati li jirrapurtaw il-ġeneru tal-bejgħ li jagħmlu.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ħlas li sar lill-iskejjel tal-knisja skond il-ftehim bejn il-gvern u l-knisja għal dan it-tieni term? Kemm minn din is-somma kienet għal pagi ta' l-għalliema u kemm għall-manutenzjoni? Jista' jindika kull skola kemm ħadet u għal xiex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Jannar 2006, għat-tieni term tas-sena skolastika 05/06, il-Gvern ħallas Lm2,125,000 għall-iskejjel tal-Knisja, liema ammont ikopri Jannar u Frar. Dan l-ammont jinkludi għaxra fil-mija (10%) għall-ispejjeż ġenerali, skond il-ftehim. It-tagħrif dwar x'irċeviet kull skola tal-Knisja għax-xahar ta' Jannar 2006, li jammonta għal total ta' Lm1,100,164, ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid, bħala ministru responsabbli mill-isport, liema huma dawk l-għaqdiet/organizzazzjonijiet li talbu għajnuna finanzjarja jew mod ieħor biex kompetituri jkunu jistgħu jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet internazzjonali li se jsiru matul din is-sena? X'kienet it-talba tagħhom u x'ġew mogħtija?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa l-ħlas li għandu jagħti l-gvern għall-importazzjoni tal-mediċini? Jista' jindika lil min għandu jagħti dawn il-flus u kemm f'kull każ? Jista' jgħid ukoll kemm ilha ma titħallas kull ditta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern bħalissa għandu jħallas Lm10,615,100 għall-xiri ta' mediċini u tagħmir mediku biss.
Minħabba l-informazzjoni mitluba hija ta' natura sensittiva m'hix il-konswetudni li tingħata informazzjoni iktar dettaljata bħal dik li qiegħda tintalab, u din l-informazzjoni hija regolata bid-Data Protection Act.
Il-ħlas isir fuq bażi regolari u pagamenti jintbagħtu lit- teżor kuljum, u f'kull xahar isiru daqs Lm1.8 miljun f'pagamenti.
Jista’ il-Ministru jgħid kif jara u jiġġudika l-attivita` fiżika li qed issir fl-iskejjel tal-gvern fil-preżent? Jista’ jgħid jekk huwiex sodisfatt jew le? Jista’ jagħti l-veduti tiegħu anke għal-lezzjoni tal-PE?
Response (GALEA, LOUIS)
M'hemmx dubju li l-kwalita' ta' attivita' fiżika li qed issir fl-iskejjel tal-Gvern fil-preżent hi tajba. Il-problema hi li fil-limiti tal-ħin normali ta' l-iskola m'hemmx ħin biżżejjed għal din l-attivita'. Il-fehma tiegħi li wieħed irid jaħseb għal programm ta' attivita' fiżika anke wara il-ħin ta' l-iskola.
Jista’ il-Ministru jgħid x’sar mill-programm ta’ inkoraġġiment li kien ħabbar fil-15 ta’ Jannar 2005 li kien ser isir sabiex jinkoraġġixxi u jkabbar il-parteċipazzjoni tal-popolazzjoni b’mod ġenerali fl-attivita` fiżika?
Response (GALEA, LOUIS)
Diġa' qed issir ħafna ħidma minn aġenziji pubbliċi u privati f'dan ir-rigward. Il-politika indikata fid-diskors tal-15 ta' Jannar, 2005, hija inkluża fl-abbozz tal-Politika Nazzjonali Għall-iSport, liema dokument ġie ppreparat mill-Kunsill Malti Għall-iSport u li ser jiġi pubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ il-Ministru jgħid x’sar s’issa meta fl-istess diskors tas-Sibt 15 ta’ Jannar 2005 issemmew numru ta’ targets li kellhom jintlaħqu fi snin differenti? Ftit aktar minn sena wara, fiex ninsabu fit-targets li semma l-Ministru fejn tidħol l-attivita` fiżika u l-isport? Jista’ jgħid xi sforz akbar qed isir sabiex dawn il-miri jiġu milħuqa? X’riżorsi ġew ivvotati u dedikati għal dan il-għan?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 16991.
Jista’ il-Ministru jgħid meta ser titwettaq il-wegħda elettorali tal-Partit Nazzjonalista li jkollna skola speċjalizzata għall-isport? Jista’ il-Ministru jgħid ukoll kif qed iwettaq wegħda oħra, dik li jżid l-għajnuna lill-għaqdiet sportivi? Jista’ jgħid ukoll jekk teżistix xi skema jew possibbilta` sabiex għaqdiet sportivi jibbenefikaw minn rati ta’ interessi anqas u ċertu rebates oħra hekk kif kien imwiegħed mill-Partit Nazzjonalista fil-programm elettorali?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-suġġett jinkwadra ruħu fit-twettiq tar-riforma proposta fis-sistema edukattiva u ta' l-istrateġija nazzjonali dwar l-isports.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi l-politika (policy) dwar l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji? Jista’ jgħid ukoll x’sar u x’qed isir sabiex jinħatar EO għall-edukazzjoni fiżika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-politika dwar l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel Primarji hi li l-għalliema peripatetiċi jmorru fl-iskejjel u jagħtu lezzjonijiet lill-istudenti. L-għalliema tal-klassi jassistu għall-lezzjonijiet biex meta l-għalliema peripatetiċi ma jmorrux l-iskola għax ikunu involuti f'xi attivitajiet oħra, l-għalliema tal-klassi xorta jkunu f'pożizzjoni li jagħtu lezzjoni.
L-istudenti tal-Primarja jkollhom tlett lezzjonijiet fil-ġimgħa ta' nofs siegħa kull darba.
Informat ukoll li uffiċjali edukattivi jinħatru minn fost Assistenti Kapijiet ta' skola jew minn Subject Co-ordinators. Dawn ta' l-aħħar huma l-iktar li ġew imħajra japplikaw għal din il-pożizzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex fl-iskola ogħla Giovanni Curmi, Naxxar it-timetable ta' l-istudenti hija mqassma b'mod li tista' tkun ta' tbatija għall-istudenti? Għaliex hemm studenti li għandhom lezzjoni waħda f'ġurnata, tlieta f'ġurnata oħra u erba' lezzjonijiet f'ġurnata oħra? Jaf li hemm studenti li m'għandhom l-ebda lezzjoni f'ġurnata fil-ġimgħa? Ma tistax issir xi ħaġa biex ikun hemm aktar regolarita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-timetable ta' l-istudenti ta' l-iSkola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi hija waħda kkomplikata ferm biex tinħadem. Dan għaliex tinkorpora tliet korsijiet differenti ta' studju:
1. Kors ta' sentejn għaċ-Ċertifikat tal-Matrikola, għal dawk l-istudenti li jixtiequ jidħlu l-Universita' ta' Malta. Kull student f'dan il-kors irid jagħżel żewġ suġġetti fil-livell avvanzat, erba' suġġetti fil-livell intermedju u suġġett fil-livell ordinarju (dak li ma jkunx għadda minnu u li għalih ma kienx ikkwalifika biex imur il-Junior College);
2. Kors ta' sentejn fejn l-istudenti jagħżlu li jitgħallmu suġġetti fil-livell avvanzat u fil-livell ordinarju;
3. Kors ta' reviżjoni ta' sena ta' suġġetti fil-livell SEC.
Suġġett fil-livell avvanzat għandu allokati 5 lectures ta' siegħa l-wieħed fil-ġimgħa u siegħa oħra tutorial jew sagħtejn oħra fi prattiku fil-każ tas-suġġetti tax-xjenza.
Suġġett fil-livell intermedju għandu allokati żewġ lectures ta' siegħa l-wieħed fil-ġimgħa.
Suġġett fil-livell SEC (ordinarju) għandu allokati tliet lectures ta' siegħa l-wieħed fil-ġimgħa.
Is-sistema taħseb sabiex l-istudent ma jkollux aktar minn lecture wieħed kuljum għal kull suġġett (ħlief meta jkollu t-tutorial jew prattiku).
It-timetable ta' l-iSkola Giovanni Curmi ma tistax tinħadem bis-sistema orizzontali bħal fil-livell sekondarju iżda biex tkun tista' ssir trid tinħadem bis-sistema ta' rotation djagonali.
Kull student f'kull kors għandu programm ta' studju differenti mill-oħrajn għaliex kull wieħed jagħmel l-għażla ta' suġġetti li jixtieq. Kulħadd għandu program ta' studju personali. Dan ifisser li jekk għandek 1600 student għandek 1600 komputazzjoni differenti. Dawn il-mijiet ta' komputazzjonijiet ftit li xejn jippermettu ċaqliq fil-programm tat-timetable. Hija wkoll in-natura ta' kemm hemm lectures fil-livelli differenti li twassal għal każijiet fejn student jista' jkollu lezzjoni waħda jew tnejn kuljum jew xejn. Dan jista' jiġri biss fil-każ ta' studenti li qegħdin fir-Revision Course jistudjaw tliet jew erba' suġġetti fil-livell SEC.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhu l-ħsieb tal-gvern u d-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni dwar il-peripatetic service? Liema huma dawk is-suġġetti li qed jingħataw mill-peripatetic teachers? Kemm qed jingħata ħin jew numru ta’ lezzjonijiet kull suġġett separatament? Liema huma dawk l-iskejjel li qed jibbenefikaw mis-servizz ta’ l-għalliema peripatetiċi? Kemm huma l-għalliema peripatetiċi għal kull suġġett separatament u kemm kienu sena ilu għal kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Peripatetic Service jgħin lill-iskejjel f’oqsma kurrikulari differenti. Bħal kull settur ieħor, l-operat f’dan is-settur jiġi analizzat bi skop li, jekk ikun hemm bżonn, jiġi mtejjeb is-servizz. Il-Peripatetic Service ikopri dawn l-oqsma bhal Complementary Education, Personal and Social Development, Arti, Drama, Home Economics, Mużika, Edukazzjoni Fiżika, Xjenza u Teknoloġija, Let Me Learn, Hands on Farming, Litteriżmu u Specific Learning Difficulties (SpLD).
Il-ħin allokat għall-lezzjonijiet jiddependi mill-ħtiġijiet partikolari ta’ l-iskejjel li l-għalliema jżuru. Dawn is-servizzi jinghataw f’diversi skejjel. Fis-sena 2005-2006, in-numru ta’ Peripatetic Teachers fl-oqsma kollha kien jammonta ghal 240 ghalliem.
Il-hsieb tal-Gvern u d-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni dwar il-peripatetic service qed jigi diskuss fid-dawl tar-riformi proposti.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm
activity teachers
u x’qed jagħmlu fil-preżent? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa maħhsub li jkun hemm
activity teachers
u meta ser jintlaħaq dan in-numru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' activity teachers huwa hekk :-
Suġetti mgħallma Numru ta' Activity Teachers Rimarki
Malta Għawdex
Edukazzjoni Fiżika 11* 4 *1 on loan ma' l-FES
Arti 5* 1 *1 on parental leave
Mużika 2 NIL
Dan is-suġġett għadu qed jiġi diskuss fid-dawl tar-riformi proposti.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li teżisti problema ta’ nuqqas ta’ għalliema ta’ l-Ingliż fis-settur pubbliku? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk ħarġitx sejħa pubblika sabiex persuni gradwati f’dan is-suġġett ikunu jistgħu japplikaw ħalli jidħlu jgħallmu bħala għalliema ta’ l-Ingliż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawk kollha li għaddew mill-interview għal għalliema ta' l-Ingliż kollha ġew impjegati. Billi ikun hemm vakanzi minn żmien għal żmien minħabba diversi raġunijiet, jintbagħtu Supply Teachers biex jimlew il-vakanzi li jinqalgħu.
Sejħa pubblika għal persuni gradwati f'dan is-suġġett kif ukoll fis-suġġetti l-oħra li huma mgħallma fl-iskejjel toħroġ fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li t-tagħlim tad-drama fl-iskejjel tal-gvern jibda jsir minn skejjel privati tad-drama? Jekk fl-affermattiv, min ġie avviċinat għal dan u ma’ min qed isiru/saru xi kuntatti? X’inhi r-raġuni li ser isir dan, jekk huwa l-każ li dan huwa minnu? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm hemm għalliema tad-drama fid-drama unit? Jista’ jgħid jekk riċentement saritx talba sabiex id-drama teachers jiżdiedu? X’sar minn din it-talba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipatiment tal-Kurrikulu m'għandux ħsieb li t-tagħlim tad-Drama jibda jsir minn skejjel privati tad-Drama. Informat ukoll li fil-preżent, in-numru ta' għalliema tad-Drama huwa 15. Talba għal żieda fl-għalliema isir f'Mejju għax ma jsirx reklutaġġ f'nofs is-sena.
Inżid ngħid li l-Ministeru qed nikkonsidraw x'jista' jsir biex id-drama tintuża ma' ħafna aktar tfal sa minn kmieni kemm jista' jkun bħala għodda ta' żvilupp edukattiv. Il-punti mqanqla mill-Onor. Membru għadhom ma ġewx kunsidrati u allura jsegwi li s'issa ma ġie avviċinat ħadd mill-privat għal dan is-servizz.