Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-aġenzija Sedqa torganizza xi seminar dwar id-drogi barra minn Malta? Tista' tgħid jekk sarux seminars barra minn Malta matul is-sena li għaddiet? Tista' tgħid ukoll jekk dawn it-tip ta' seminars ġewx reklamati b'xi mod fl-iskejjel ukoll?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li m’hemmx ħsieb li l-Aġenzija Sedqa torganizza xi seminar dwar id-drogi barra minn Malta.
Ninsab infurmata wkoll li t-Tweġiba għat-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16954 u jgħid mis-somma totali dovuta għas-servizz ta' l-elettriku lill-Enemalta, kemm hija dovuta minn azjendi parastatali? Jista' jgħid kull azjenda kemm għandha tagħti? Meta kien tħallas l-aħħar kont?
Jikkonferma l-Ministru li hemm pjani konkreti għall-privatizzazzjoni tat-taqsima tal-gass ta' l-Enemalta? Fiex waslu dawn il-pjani?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Korporazzjoni Enemalta għandha pjan strateġiku biex tikkommerċjalizza t-Taqsima tal-Gass. Bħalissa qed jinkiteb ir-Request for Proposal (RFP).
L-RFP qiegħed jitfassal.
Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-emendi li saru dan l-aħħar għall-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur Kap. 368 u li kienu ppubblikati fil-gazzetta tal-gvern numru 17,853 tas-16 ta' Diċembru 2005, daħlux fis-seħħ jew le? Jekk fl-affermattiv, meta daħlu fis-seħħ u liema artiklu? Jekk le, meta huwa maħsub li dan isir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li l-emendi għall-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur daħlu fis-seħħ fis-16 ta’ Diċembru, 2005, id-data tal-promulgazzjoni ta’ l-istess Att, jiġifieri l-Att XIX ta’ l-2005.
Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur
Question
Jikkonferma l-Ministru li l-emendi li saru għall-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur, Kap 368 u li kienu ppubblikati fil-gazzetta tal-gvern numru 17,853 tas-16 ta' Diċembru 2005, jinkludu wkoll eżenzjoni mit-taxxa għal ċertu għaqdiet volontarji?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li l-emendi li saru fl-Att dwar it-Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur m'humiex relatati ma' eżenzjonijiet. Il-Ministru responsabbli mill-finanzi għandu l-poter li jagħti dawn l-eżenzjonijiet bis-saħħa tas-subartikolu (2) ta' artikolu 19 ta' l-istess Att. F'dak l-artiklu ma saru l-ebda emendi u alllura ma nbidel xejn minn dak li kien hemm qabel.
Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol ta' tħammil qed isir fl-inħawi tal-Freeport? Meta beda dan ix-xogħol u meta se jitlesta? Min qed jagħmel dan ix-xogħol u kif ingħata dan il-kuntratt? Jista' jgħid fejn qed jiġi mormi dan ir-radam? F'każ li qed jiġi mormi fil-baħar, x'kontrolli qed isiru mill-awtoritajiet konċernati, fosthom il-MEPA u Heritage Malta, sabiex il-baħar u l-patrimonju ta' ġo fih jiġi mħares u protett? Jista' jgħid ukoll jekk il-kuntrattur hux qed jimxi mal-linji gwida u l-ispeċifikazzjonijiet mogħtija lilu, jekk sar hekk, b'mod partikolari fejn jidħol ir-rimi ta' dan l-istess radam?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħol ta' tħammil li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant jagħmel parti mill-proġett ta' rikostruzzjoni ta' Triq Ħal Far. L-Awtorita' dwar it-Trasport għandha numru ta' nies tagħha li jagħmlu sorveljazzjoni fuq is-sit inkwistjoni u ma kienx rappurtat illi r-radam intrema fil-baħar. L-istess sorveljazzjonijiet isiru biex jiġi assigurat illi l-kuntrattur jimxi skond l-istandards, liema standards kienu nklużi mall-kuntratt ta' xogħlijiet li kienu ġew aġġudikati lill-istess kuntrattur inkwistjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA tieħux ħsieb xogħlijiet li jsiru fuq il-baħar, bħal tħammil u r-rimi tar-radam li qed isir fl-inħawi tal-Freeport? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'għamlet il-MEPA minn mindu beda x-xogħol sal-lum biex tħares il-baħar u l-patrimonju ta' ġo fih u sabiex ix-xogħol isir skond il-permess, jekk huwa l-każ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kull tip ta' rimi ta' radam fil-baħar jeħtieġ permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma għandiex records ta' permessi eżistenti biex isir rimi ta' radam fl-inħawi tal-freeport. Normalment, rimi ta' radam (inert waste) ikun permess biss li jsir fis-sit uffiċjali 'l barra mill-Port il-Kbir u mhux fl-inħawi tal- freeport.
Jista' il-Ministru jgħid x'sorveljanza qed tagħmel il-MEPA fuq il-fish farms li hemm fil-Ħofriet ġewwa Delimara? Jista' jgħid ukoll jekk meta jingħataw permessi għall-fish farms, isirux konsiderazzjonijiet marbuta mhux biss ma' x'impatt negattiv dawn ikollhom fuq il-baħar, imma wkoll dwar il-patrimonju li hemm mistur fl-ibħra Maltin? Kien hemm talbiet li ġew rifjutati minħabba dan il-fatt?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li bħala parti mill-kondizzjoni tal-permess ta’ żvilupp, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tesiġi li jkun hemm programm ta’ monitoraġġ li jiġi esegwit minn konsultenti independenti, għal spejjeż ta’ l-operatur. Il-proċess tal-permessi, li jinkludi l-proċess ta’ Environmental Impact Assessment iqis il-preżenza ta’ oġġetti li huma ta’ valur kulturali. Eżempju huwa l-Blenheim bomber ftit ‘il barra mill-Ħofriet, fejn is-sit tar-razzet tat-tonn li ntgħażel b'mod li dan ikun l-bogħod kemm jista’ jkun mill-ajruplan mġarraf. Il-kondizzjonijiet tal-permess esiġu li jkun hemm monitoraġġ ta’ dan is-sit ta’ importanza kuturali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Heritage Malta jew xi awtorita' oħra li kienet responsabbli qabel din l-aġenzija mill-Wirt Nazzjonali, kienux konsultati dwar fish farms, speċjalment fid-dawl tal-patrimonju li jeżisti taħt il-baħar? Jista' jgħid jekk dan ġarax fir-rigward tal-fish farms li jinsabu fin-naħa t'isfel ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, sarux xi kondizzjonijiet u x'kienu dawn il-kondizzjonijiet jew talbiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorita` responsabli ghall-Wirt Kulturali, li tikkordina mal-Awtorita` ghall-Ambjent u l-Ippjanar ta’ Malta (MEPA) hija is-Sovrintendenza ghall-Patrimonju Kulturali mis-sena 2003. Fis-snin ta’ qabel l-enti reponsabli kien id-Dipartiment tal-Muzewijiet.
Ninsab infurmat li sas-Sena 2002, id-Dipartiment tal-Muzewijiet kien ircieva 3 talbiet ghal konsultazjoni mill-MEPA li kienu dwar ‘fish farms’.
Mis-sena 2003 l-hawn, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali rcieviet kaz wiehed biss mill-MEPA dwar applikazjoni ghall-‘fish farms’.
L-erba kazijiet imsemmija kollha jinsabu fin-naha t’isfel ta’ Malta.
L-uniku kaz li gie referut lil Sovrintendenza ghal-Patrimonju Kulturali huwa dan il-gej:
Permes Nu. 87/04: Xrobb l-Ghagin
Fuq dan il kaz, li gie approvat f’Dicembru tal-2005, Is-Sovrintendenza infurmata li fost il-kondizjonijiet mhemuza mal-Permes hemm l-obligu fuq l-izvilupopatur li jaghmel spejjez tieghu Survey Arkeologiku taz-zona kollha effetwata minn din l-applikazjoni. Dan qed isir sabiex ma ssirx hsara fuq xi fsalijiet arkeologika li jista’ jkun hemm gewwa dan is-sit.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 15658, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk teżistiex breakdown ta' l-Lm427,121 li nġabret bħala VAT mill-edukazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dawn id-dettalji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta li tajt f’Mistoqsija Parlamentari numru 16531 seduta numru 340.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15644, jista' il-Ministru jgħid kemm tqassmu siringi lil dawk li jabbużaw mid-droga minn kull ċentru tas-saħħa separatament f'Jannar li għadda? Kif jikkomparaw il-figuri ma' Jannar 2005?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif ġej:
Jannar
Furjana
Qormi
Gżira
Raħal Ġdid
Bormla
Mosta
Rabat
2005
3939
1050
4584
5000
2600
1945
836
2006
3727
1318
3125
3800
1400
1714
588
Tista' il-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' persuni li marru għall-għajnuna fiċ-ċentru Detox fl-2005? Kemm kienu rġiel u kemm nisa? Kemm minnhom kienu taħt it-18-il sena? Tista' tgħid ukoll x'kien in-numru ta' persuni, irġiel u n isa separatament, li talbu għall-għajnuna f'Jannar li għadda u kif kien jikkompara man-numri f'Jannar ta' l-2005? Kemm kienu fix-xahar li għadda li kellhom anqas minn 18-il sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16844, peress li kien hemm anke intervisti fil-gazzetti minn persuni li għandhom ċertu responsabbilta' fil-qasam kulturali li ssuġġerew tnaqqis jew it-tneħħija tal-VAT minn fuq il-biljetti tad-dħul ta' attivitajiet kulturali, jikkonsidra l-gvern li jieħu dan is-suġġeriment, anke jekk m'hemmx talba formali, ħalli jgħin biex aktar nies u familji jersqu lejn dawn l-attivitajiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għadux hemm il-pjan li tinbena sala fl-iskola primarja ta' Marsaxlokk? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk il-pjanti humiex lesti, jekk saritx applikazzjoni quddiem il-MEPA u meta huwa ppjanat li jibda dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva. Il-pjanti qed jiġu riveduti biex jirriflettu l-bżonnijiet attwali ta' din l-iskola.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża pubblika fuq l-edukazzjoni bħala persentaġġ tal-GDP mis-sena 1994 sas-sena 1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub li jista’ jingħata hu għas-snin 1998 u 1999 fejn l-ispiża tal-gvern fuq l-edukazzjoni bħala persentaġġ tal-GDP kienet ta’ 5.7 u 5.6 rispettivament. Dawn il-figuri huma skond il-Classifications of Functions of Government (COFOG) li hi klassifikazzjoni dettaljata tal-Eurostat tal-għanijiet jew oġġettivi soċjo-ekonomiċi li entitajiet fis-settur tal-‘General Government’ jippruvaw jilħqu permezz ta’ tipi varji ta’ nfiq. Sa l-aħħar ta’ din is-sena hu mistenni li tkun lesta l-allokazzjoni skond il-COFOG għas-snin 1995 sa 1997 u allura jiġu ppubblikati l-persentaġġi mitlubin mill-Onor. Interpellant għal dawn is-snin. Għalissa mhux ippjanat li ssir l-allokazzjoni simili għas-sena 1994. Għal tagħrif iktar riċenti fuq dan is-suġġett nirreferi lill-Onor. Interpellant għan-News Release numru 18/2006 ippubblikata mill-NSO fil-31 ta’ Jannar 2006 paġna 3.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiex informat jew inkella sarx jaf b'xi tentattivi li tiġi ffurmata orkestra privata full-time? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi taħditiet bejn dawn il-persuni l i qed jiffurmaw din l-orkestra ġdida u l-ministeru jew xi persuni oħra fid-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid ukoll x'impatt jista' ikollha din l-orkestra l-ġdida fuq l-orkestra nazzjonali? Il-fatt li jista' ikun hawn orkestra oħra fil-pajjiż fil-livell ta' l-orkestra nazzjonali, din tista' tibdel b'xi mod il-politika tal-gvern f'dan ir-rigward?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li hawn inizjattiva biex tiġi ffurmata orkestra full-time privata. Fil-fatt il-promotur ta’ din l-inizjattiva talab li jiltaqa’ miegħi, liema laqgħa diġà seħħet. Ma narax għaliex il-formazzjoni ta’ orkestra privata għandha tbiddel il-politika tal-Gvern fir-rigward ta' l-Orkestra Nazzjonali li se tibqa' tingħata l-akbar appoġġ u sostenn kif żgur jixirqilha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mill-għalliema li se jitilqu minħabba li waslu fl-eta' ta' l-irtirar se jieħdu l-opportunita' mogħtija lilhom li jirtiraw tliet xhur kmieni? Meta jsir dan? X'isir biex jidħol/tidħol għalliema/a ieħor flok dak li jkun/tkun se jitlaq/titlaq?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-għalliema li se jirtiraw ta' 60 sena matul l-2006, hemm 22 li applikaw għall-pre-retirement leave filwaqt li, minn dawk li ser jagħlqu l-61 sena, s'issa applikaw 27.
Il-pre-retirement leave, sa massimu ta' tlett xhur, jittieħed l-aħħar ħaġa qabel wieħed jirtira.
Informat ukoll li meta jirriżulta li għalliem/a sa jieħdu it-tliet xhur retirement leave, id-Dipartiment ta' l-operat jara :-
a) -jistgħux isiru arranġamenti interni mill-iskola stess biex xi għalliem/a ieħor/oħra tieħu l-lezzjonijiet,
b) -hux dieħla xi għalliema minn Parental jew Maternal Leave fis-suġġett'.
Jekk 1 u 2 ma japplikawx, jintbagħatu s-Supply Teachers.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-2006 kemm hemm pulizija u ta' liema rank li mistennija li jirtiraw minħabba li waslu għall-eta' ta' l-irtirar? Kemm hemm pulizija li se jgħalqu l-25 sena servizz matul din is-sena u ta' liema rank huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija li ser jagħlqu l-eta' ta' 60 matul din is-sena huma 7. Dawn jokkupaw dawn il-karigi: Assistent Kummissarju 1; Supretendent 2; Surġent 1 u Kuntistabbli 3. Hemm ukoll Kuntistabbli li ser jagħlaq il-61 sena. Infurmat ukoll illi hemm Surġent u 13-il Kuntistabbli li matul din is-sena ser jgħalqu 25 sena servizz fil-Korp.
Jista' il-Ministru jara li ħsara li teżisti fi Sqaq San Vincenz u Sqaq il-Wied ġewwa Ħaż-Żabbar, marbuta ma' xi linji tad-dawl, tiġi rranġata minħabba inkonvenjenti li qed isofru r-residenti ta' dawn il-postijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-linji li qiegħda ssir referenza għalihom minn l-Onor. Interpellant m'humiex responsabilita' ta' l-Enemalta.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15647, jista' il-Ministru jgħid jekk it-tenders għax-xogħol fuq il-ħajt tal-parking area ħarġux jew le? Fiex waslet l-evalwazzjoni fuq l-apparat għall-plant room?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tender tal-parking ħarġu u ġew evalwati, u qiegħdha fl-istadju biex tingħata.
Informat ukoll li l-apparat tal-Plant Room ġie evalwat u x-xogħol wasal Malta. Qed jibda wkoll l-preparazzjoni ta' twaħħil ta' l-apparat.