Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' Maltija għall-Komunikazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' Maltija għall-Komunikazzjoni nvestigatx dak li għaddej fil-preżent fuq ix-xandir ta' bosta logħbiet tal-football kif ukoll tat-tazza tad-dinja li se ssir aktar tard din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' Maltija għall-Komunikazzjoni ma tirregolax il-kontenut li jipprovdu operaturi (bħal Melita Cable) fuq in-networks tagħhom. Minkejja dan, l-Awtorita' qiegħda taħdem ma' diversi regolaturi oħra, fosthom, l-uffiċju tal-Kompetizzjoni Ġusta, L-Awtorita' tax-Xandir u d-Diviżjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur, biex tiġi analiżżata l-pożizzjoni taż-żewġ operaturi f'dan is-suq (Melita u Multiplus), bil-għan li fl-ewwel lok, jiġi assigurat li l-operaturi qedgħin jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jipprovdu lill-abbonati tagħhom bl-informazzjoni kollha dwar il-programmi li jkunu se jixxandru. Jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet ikkonċernati jintervjenu skond il-liġi. Il-bidliet riċenti huma riżultat ta' numru ta' fatturi li jinkludu, bidliet teknoloġiċi, l-introduzzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tad-distribuzzjoni tat-televiżżjoni u fuq kollox l-akkwist tad-drittijiet esklussivi biex jiġi trasmess kontenut li fil-passat kien jintwera free to air. Ħafna staqsew lill-MCA biex tintervjeni f'dan il-każ. L-Awtorita' ħadet nota ta' dawn l-ilmenti u qed tagħmel l-almu tagħha biex dawn l-ilmenti jiġu ndirizzati b'mod xieraq. Dwar il-każ ta' drittijiet esklussivi ta' kontenut, l-Awtorita' tifhem li meta jingħataw drittijiet esklussivi għal ċertu kontenut, dawn id-drittijiet għandhom jiġu mħarsa.
Leg 10 PQ #17280 Sitting 362 2006-03-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Ħaddiema/Studenti Għawdxin — Sussidju fuq trasport bejn Malta u Għawdex

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14217, tista' il-Ministru tgħid għal kull każ kemm kienu l-istudenti kemm għas-sena 2004 kif ukoll għas-sena 2005?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-medja ta’ dawk li bbenefikaw mis-sussidji li ngħataw mill-Ministeru għal Għawdex għat-trasport tagħhom bejn Malta u Għawdex kienet kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Allowances lill-Għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li hemm dewmien esaġerat, xi drabi aktar minn sena, sabiex l-għalliema jingħataw allowances għal diplomi u post-graduate degrees li jkunu kisbu? Lil min issir it-talba mill-għalliema wara li jkunu kisbu tali diplomi u korsijiet oħra? Min huwa responsabbli li joħroġ dawn l-allowances?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux kull talba li ssir tkun ġustifikata billi l-kwalifika li fuq il-bażi tagħha tkun qed issir it-talba tista' ma tkunx rikonoxxuta, jew tal-livell meħtieġ jew ma tkunx tissodisfa il-kundizzjonijiet stipulati fil-Public Service Management Code. Għalkemm talbiet bħal dawn jistgħu f'xi każi jieħdu xi ftit fit-tul minħabba li jkun jinħtieġ issir verifika tal-kwalifika barra minn Malta, ma jirriżultax li dan il-Ministeru għandu xi talba li ilha pendenti għal aktar minn sena. Każ magħluq jista' wkoll jerġa jinfetaħ meta l-applikant ma jaċċettax id-deċiżjoni meħuda, iżda dan ma għandux jitqies bħala dewmien fil-każ oriġinali.

Tinda f'Ta' Qali

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-kumpannija li trid twaqqaf tinda ġganteska f'Ta' Qali applikat u ngħatat il-permessi kollha meħtieġa? Jaf li meta titwaqqaf din it-tinda se xxekkel it-tgawdija tal-wesgħat ta' Ta' Qali minn mijiet ta' familji Maltin fi ġranet sbieħ ta' tmiem il-ġimgħa fix-xitwa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Ta’ Qali, u deċiżjoni finali tittieħed wara li jintemm dan il-proċess. Il-pjan li ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika jindika li attività temporanja bħal dik tieħu parti minn spazju li llum huwa ddedikat għal parkeġġ pubbliku u bl-ebda mod m’għandu jixxekkel l-ispazju użat mill-pubbliku għal rikreazzjoni nformali.

Ta' Qali

Question

Minbarra l-park nazzjonali u l-area fejn it-teatru miftuħ, jista' il-Ministru jgħid xi pjani hemm biex jissebbħu l-wesgħat frekwentati ġewwa Ta' Qali minn familji Maltin fi ġranet sbieħ tax-xitwa? Hemm il-ħsieb li jinbnew toilets u faċilitajiet oħra biex it-tfal jilagħbu f'ambjent nadif u ta' sigurta'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-estensjoni tal-Park ta’ Ta' Qali ser ikompli din is-sena bit-taħwil u embellishment tal-parti ta' quddiem l-entratura tal-Park. Hemm pjanijiet anke għar-riabilitazzjoni tar-runway u iktar taħwil fil-parti informali ta' Ta' Qali, li jinkludu toilets u anke playing fields għat-tfal.

Universita' — Post ta' Manager Short courses

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-post ta' Manager Short courses fil-Malta University Services ta' l-Universita'? Meta se jsiru l-interviews għal dan il-post? Kemm saru short courses minn din it-taqsima fl-2005?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Malta University Services Ltd. irċeviet 19-il applikazzjoni għall-post ta' Short Courses Manager (Designate). Id-data ta' l-interviews għad trid tiġi stabbilita. Fl-2005, il-Malta University Services Ltd. organizzat 63 short course.

Persuni taħt l-influwenza tax-xorb

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk daħlux fis-seħħ dak li ġie rrappurtat fil-gazzetti li l-kabinett iddeċieda li dawk taħt is-16-il sena li jinsabu taħt l-influwenza tax-xorb jiġu mmultati? Jekk iva, tista' tispjega kif se topera?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

MCAST — Higher Diploma in Sports

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsir kors fil-higher diploma in sports and exercise sciences fl-MCAST? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid wara tliet snin ta' studju fl-MCAST, dawk l-istudenti li jixtiequ jkomplu jistudjaw jistgħux jibdew kors fl-Universita' ta' Malta billi jagħmlu użu mill-kwalifiki li jkunu ġabu mill-MCAST?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena mhux ser jinfetaħ il-kors tal-Higher National Diploma in Sports and Exercise Sciences. L-Universita' hija istituzzjoni awtonoma li tagħmel ir-regoli tagħha hi kif taċċetta studenti fil-korsijiet li toffri.

Santa Venera — Skola San Franġisk t'Assisi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern hux qed jikkonsidra li jagħti kumpens lill-ġenituri ta' student ta' 14-il sena li ismu qed jintbagħat separatament, li miet traġikament fl-iskola San Franġisk t'Assisi ġewwa Santa Venera? Jista' jgħid jekk dan is-suġġett ġiex diskuss fil-kabinett tal-ministri?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-materja issa hi soġġett għal proċeduri ġudizzjarji.

Fishfarms — Ħlas ta' taxxi

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15216 u jgħid kemm idaħħal flus il-gvern mit-taxxi li jiġbor mill-fishfarms li hawn joperaw f'Malta? Jista' jgħid ukoll kemm ħallsu VAT fis-snin 2003 u 2004 u sa Settembru, 2005 separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi fil-każ ta’ ħafna mill-kumpaniji li joperaw fishfarms japplikaw ċerti inċentivi taħt il-Business Promotions Act, u għaldaqstant it-taxxa li titħallas minn kumpaniji bħal dawn hija waħda mnaqqsa. It-total ta’ taxxa dovuta minn dawn il-kumpaniji għal dawn l-aħħar 7 snin kien Lm289,979. Għar-rigward ta’ taxxa tal-VAT, ngħarraf lill-Onor Membru illi fuq bejgħ ta’ ħut ma jitħallasx VAT.

Enemalta — Ċilindri tal-Gas

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 16725 u 16955 u u jikkonferma li madwar 35,000 ċilindru tal-gass mill-Enemalta, uħud minnhom ġodda, se jinqerdu? Għaliex?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Enemalta bdiet proċeduri legali fil-Qrati tat-Turkija kontra min issupplixxa dawn iċ-ċilindri difettużi, jiġifieri EVAS tat-Turkija. Għaldaqstant dawn iċ-ċilindri qed jinżammu taħt ħarsien fis-sezzjoni tal-gass gewwa l-Qajjenza, B'Bugia sa meta jintemmu dawn il-proċeduri u sussegwentement tittieħed deċiżjoni finali dwarhom.

WSC — Kontijiet Pendenti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16956 u jgħid kemm hija s-somma totali dovuta lill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma fl-aħħar ta' l-2005 minn familji?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li s-somma totali li għandha tieħu l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma hija ta' Lm2,236,378.87.

Għalliema ta' l-Ingliż lill-barranin

Question

F'diskors li għamel il-Ministru dan l-aħħar meta ppreżenta ċertifikati lil dawk li għamlu kors biex jieħdu ċertifikat biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin qal li beħsiebu jsaħħaħ l-istituzzjonijiet universitarji dwar dan, jista' il-Ministru jgħid kif se jagħmel dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-policy tal-Gvern hi li s-settur edukattiv vokazzjonali u terzjarju ikompli jissaħħaħ bl-iskop li jkun jista' joffri aktar servizzi edukattivi lil studenti barranin.

Skejjel li jgħallmu l-Ingliż

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hawn skejjel liċenzjati biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jinfetħu skejjel ġodda ta' dan it-tip? Minn min saret kull applikazzjoni? Meta u f'liema lokalita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sitta u erbgħin skola huma liċenzjati sabiex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin. Hemm applikazzjoni għal skola ġdida.

Skejjel li jgħallmu l-Ingliż

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni jew minn uffiċjali tal-monitoring board minn Settembru 2005 sal-15 ta' Frar 2006 fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Dawn instabu li kienu konformi mal-liġi dwar għalliema, faċilitajiet fl-iskejjel u ħwejjeġ oħra kif stipulat mil-liġi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Settembru 2005 sal-15 ta' Frar 2006, Il-Board ta' Sorveljanza tat-Tagħlim ta' l-Ingliz bħala Lingwa Barranija għamel spezzjonijiet uffiċjali fl- iskejjel ġodda sabiex jiġi assigurat li dawn jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-liċenzji.

Reserved Parking għal persuni b'diżabilita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew approvati reserved parking, kemm għall-persuni b'diżabilita' u oħrajn separatament, f'dawn l-aħħar sentejn? Min huma l-membri tal-bord li jiddeċiedu dawn l-applikazzjonijiet tar-reserved parking? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal diversi reserved parking f'dawn l-aħħar sentejn separatament? Jista' jgħid ukoll kemm kienu dawk il-każi li minkejja li l-applikazzjoni tagħhom għal xi reserved parking ġiet rifjutata, xorta waħda dawn ġew mogħtija reserved parking?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar sentejn mis-sena 2004 sal-lum ġew approvati total ta’ erba’ mija u erbgħa u sebgħin (474) Reserved Parking Bays għal persuni b’diżabilita’ u erbgħa u tmenin (84) 1.5m Keep Clear Bays għal aċċess aħjar. Il-membri tal-Bord tar-Reserved Parking għal Persuni b’Diżabilita’ huma ħamsa. Mis-sena 2004 sal-lum kien hemm madwar tmien mija u sebgħin (870) applikazzjonijiet għal Reserved Parking tal-Persuni b’Diżabilita’. Minn dawk l-applikazzjonijiet li ġew ipproċessati u mhux approvati mill-Bord għal Reserved Parking għal Persuni b’Diżabilita’, kien hemm total ta’ mija u għoxrin (120) każ li ġew approvati mir-Review Panel ta’ Reserved Parking (Bord ta’ l-Appell) għal Reserved Parking Persuni b’Diżabilita’ u ħamsa li ġew approvati mill-Uffiċċju Eżekuttiv ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta.

Pixxina Nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 16586 u 16833 u jgħid min huma l-kuntratturi li ħadu x-xogħlijiet tal-pixxina nazzjonali, li skond il-Ministru swew Lm400,000, fl-aħħar sentejn? Jista’ jgħid ukoll jekk ħarġux sejħiet għall-offerti għax-xogħol konċernat? Jekk iva, jista’ ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kull offerta, min applika, min ħadha u jekk ix-xogħol sarx fi żmien stipulat?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub dwar it-Tenders ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bormla — Skola sekondarja

Question

Jikkonferma l-Ministru li fil-Milied li għadda l-iskola sekondarja ta' Bormla organizzat disco għal forms 3, 4 u 5 ġewwa s-Suncrest hotel? Jista' jgħid jekk kienx hemm rapporti li nsteraq xi alkoħol ukoll waqt dan il-party?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li fl-aħħar jum ta' l-iskola qabel il-vakanzi tal-Milied, 22 ta' Diċembru, 2005, ġie organizzat disco, kif ilu jsir għal mill-inqas seba' snin għall-istudenti tfajliet tal-Forms 3, 4 u 5. Għat-tieni sena konsekuttiva d-disco sar fil-lukanda Suncrest. L-istudenti kienu taħt is-superviżjoni ta' l-għalliema. Skond il-ftehim bejn l-iskola u il-proprjetarju tal-bar, l-istudenti ingħataw żewġ soft drinks imħallsa mat-ticket. Ġie konfermat li xi studenti ħadu ammont żgħir ta' alkohol mill-bar biex ħalltuh mas-soft drinks li xorbu. L-iskola ħadet passi dixxiplinarji kontrihom.

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Tobba u Dentisti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16728 u jgħid kemm hemm tobba u dentisti li jservu speċifikament fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Dawn jaraw ukoll tfal fl-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' tobba u dentisti li jservu speċifikament fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u d-dettalji kollha jaqgħu taħt il-Ministeru tas-Saħħa.