Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Venera — Skola San Franġisk d'Assisi

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jintbagħat għalliem ieħor tax-xjenza fl-iskola San Franġisk t'Assisi ġewwa Santa Venera minħabba li ilu nieqes għal żmien mhux ħażin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma hemm ebda nuqqas ta' għalliem tax-Xjenza fl-iskola San Franġisk t'Assisi. Kien hemm nuqqas ta' għalliem għal tliet lezzjonijiet tal-Bioloġija, liema nuqqas ġie rimedjat.

Sistema ta' l-Abacus

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet jew x'kienu r-raġunijiet għalfejn iddaħħlet is-sistema ta' l-Abacus? Kemm ġew minfuqa flus f'taħriġ u f'riżorsi separatament sabiex iddaħħlet din is-sistema? Mingħand min ġew mixtrija dawn l-istess riżorsi? F'liema pajjiżi Ewropej jagħmlu użu mis-sistema ta' l-Abacus li daħlet f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li m'huwiex korrett li wieħed jiddeskrivi l-metodi ġodda fis-sillabu l-ġdid tal-Matematika bħala s-'sistema ta' l-Abacus'. Abacus huwa l-isem ta' l-iskema li ntagħżlet minn fost skemi oħrajn li wkoll jużaw l-istess 'approaches'. Dan minħabba l-fatt li l-iskemi li qed jiġu ppublikati issa huma kollha bbażati fuq riċerka internazzjonali li tisħaq fuq l-aħjar metodoloġiji li għandhom jiġu wżati għat-tagħlim tal-matematika. Dawn il-metodoloġiji huma konformi mal-prinċipji mħaddna fid-dokument 'Inwelldu l-Ġejjieni Flimkien' (2000) u jisħqu fuq 'fehem' u mhux fuq tagħlim bl-amment. Tajjeb li wieħed jirrealizza wkoll li l-kotba preċedenti (edizzjonijiet 1980) ma kienux qed jirriflettu l-bżonnijiet tal-lum, fosthom metodoloġiji aġġornati, appoġġ għal tfal b'firxa wiesgħa ta' ħiliet, kif ukoll appoġġ b'riżorsi għall-għalliema. It-taħriġ għall-għalliema ġie mħallas mill-pubblikaturi tal-kotba, li kull sena bagħatu esperti tagħhom biex jagħtu tagħrif lill-għalliema. Is-sena l-oħra, id-Dipartiment organizza taħriġ addizzjonali, b'esperti barranin, għall-Kapijiet u Assistenti Kapijiet ta' l-iskejjel u dan sewa Lm 1,691. Biex tiddaħħal din is-sistema tal-Ginn intefqu Lm 240,000, u l-proċess għadu għaddej. Ix-xiri tar-riżorsi, li jinkludu kotba u photocopy masters, isir bi ħruġ ta' tenders. Is-sillabu l-ġdid, mgħejjun bl-iskema Abacus, jgħin lit-tfal jiżviluppaw number sense, mental calculation strategies, problem solving skills u communication skills. Dawn il-ħiliet qed jingħataw importanza kbira mhux biss f'pajjiżi ewropej imma anke f'pajjiżi oħrajn, fosthom fl-Ingilterra u fl-Amerika.

Peripatetic Service

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-kumplament ta' mistoqsija parlamentari 16985? Barra minn dan, jista' il-Ministru jagħti aktar dettalji dwar il-ħsieb tal-gvern u d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni dwar il-peripatetic service?

Response (GALEA, LOUIS)

B'żieda mat-tagħrif diġa' mogħti fit-tweġiba għall-Mistoqsija numru 16985, ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif ieħor li ġie mgħoddi lili mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.

Skejjel privati tad-drama

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16989, jista' il-Ministru jagħti lista ta' l-iskejjel privati tad-drama li huma liċenzjati mad-dipartiment ta' l-istudji ogħla u edukazzjoni għall-adulti? Jista' jgħid min huwa s-sid f'kull każ, l-isem tal-kap ta' l-iskola, x'qed jiġi mgħallem u kemm hemm staff impjegati ma' kull skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-unika skola privata tad-drama liċenzjata (bħala Tuition Centre) mid-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hi: Isem: The Playhouse Suġġetti Mgħallma: Drama, Dance, Music. Numru ta' Staff: 4 li jinkludu s-sid u l-kap ta' l-iskola.

NSO — Statistika ta' l-Impjiegi f'Għawdex

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16970, jista' il-Prim Ministru jgħid xi jfisser u x'jinkludi taħt it-titlu education bħala attivita' ekonomika? Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li mis-sena 2004 għas-sena 2005 kien hemm tnaqqis? Fiex kien jikkonsisti dan it-tnaqqis fil-livell ta' impjiegi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi ‘Education’ jew is-settur ta’ l-edukazzjoni bħala attivita’ ekonomika jinkludi l-iskejjel kollha primarji u sekondarji (privati u ta’ l-istat), dawk post-sekondarji (privati u ta’ l-istat) inklużi l-MCAST, l-ITS kif ukoll l-Universita’. Dan is-settur jinkludi ukoll English for Foreign Language Schools, School of Arts/Craft, The Adult Training Centre kif ukoll lezzjonijiet tal-privat. It-tnaqqis li rreferha għalih l-Onor Interpellant bejn is-snin 2004 u 2005 mhu sinifikanti statistikament minħabba li l-kampjun hu kemmxejn żgħir. Meta kampjun ikun żgħir, ikun suġġett għall-varjbbilta’ akbar u għalhekk irid jiġi interpretat b’aktar kawtela. Irid jingħad ukoll li l-figuri li qed jingħataw għall-2005 huma bbażati fuq kampjun ta’ 9 xhur filwaqt li d-data għal 2002 sa 2004 hija għal 12-il xahar. Għaldaqstant meta l-kampjun tal-2005 jitkabbar fuq sena l-istampa għandha tiċċara. It-tagħrif fuq is-sena 2005 sħiħa għandu jkun disponibbli fil-ġimgħat li ġejjin.

Peripatetic Science Teachers

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm daqshekk dewmien fil-pubblikazzjoni tar-riżultati ta' l-intervisti li saru f'nofs Ottubru 2005 biex jintela/jimtlew il-post/postijiet vakanti bħala għalliema fil-peripatetic science? Meta beħsiebu d-dipartiment jippubblika dawn ir-riżultati? Meta l-għalliema magħżula se jibdew fix-xogħol il-ġdid tagħhom bħala peripatetic science teachers? Possibbli jagħti indikazzjoni kemm-il post vakanti hemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-postijiet fil-Peripatetic Service jimtlew fil-bidu tas-sena skolastika. Jekk ikun possibli li jimtlew matul is-sena hekk isir. Id-Diviżjoni ma tappuntax għalliema matul is-sena għax dan ifisser li tkun qiegħda tnaqqas l-għalliema regolari, peress li l-Peripateic Teachers jiġu appuntati minn fost l-għalliema regolari. Informat ukoll li fil-preżent, in-numru ta' vakanzi ta' Peripatetic Science Teachers huwa wieħed. Huwa maħsub li f'April li ġej tiżdied vakanza oħra peress li hemm għalliema li se toħroġ bil-maternity leave.

Skola primarja ta' l-Għarb — Għalliema

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16252, jista' il-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu issa, anke minħabba l-fatt li l-istess għalliema li tgħallem fil-year 2 fl-iskola primarja ta' l-Għarb, f'Għawdex u li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, reġgħet għal darb'oħra ħarġet bis-sick leave u dan mill-vaganzi tal-karnival 'il hawn? Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li dak li ntqal fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari msemmija hawn fuq ma ġarax mu ma ntbagħtitx għalliema oħra minflokha? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li filwaqt li hemm min qed iħares l-interessi ta' din l-għalliema li ilha snin toħroġ bis-sick, donnu mhux qed tingħata attenzjoni xierqa lill-istudenti nfushom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ntbagħtet għalliema oħra minflok l-għalliema li qed tirraporta bis-Sick Leave u din ser tibqa' mat-tfal tal-Year 2 sa l-aħħar tas-sena skolastika 2005-2006.

Awtorita' tax-Xandir — Tazza tad-Dinja

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorita' tax-Xandir investigatx dak li għaddej fil-preżent fuq ix-xandir ta' bosta logħbiet tal-football kif ukoll tat-tazza tad-dinja li se ssir aktar tard din is-sena, u dan fir-rispett tal-liġijiet tal-pajjiż, inkluż il-liġi tax-xandir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita’ tax-Xandir tirregola logħob tal-futbol biss fil-każ limitat ta’ dawk il-partiti li huma meqjusa bħala ġrajjiet prinċipali skond in-Notifikazzjoni tal-Gvern Numru 900 ta’ l-2001. F’din in-Notifikazzjoni jissemmew il-partiti li ġejjin: a) il-partiti li jilgħab it-tim nazzjonali ta’ Malta, kemm f’Malta u kemm barra minn Malta ; b) il-finali tat-Trofew ta’ l-F.A. lokali ; c) il-finali ta’ kull kompetizzjoni tal-clubs tal-futbol tal-UEFA; d) il-partiti kollha fl-istadji tal-kampjonat Ewropej tal-futbol nazzjonali u tat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol. Dwar il-partiti tat-Tazza tad-Dinja, l-Awtorita’ għadha qed tiġbor l-informazzjoni relattiva sabiex fi żmien qasir tkun tista’ toħrog stqarrija u tħabbar id-deċiżjoniji tagħha dwar ix-xandir ta’ dawn il-partiti. Dwar partiti oħra li jissemmewx fil-lista tal-ġrajjiet prinċipali, l-Att dwar ix-Xandir ma jimpni l-ebda obbligu fuq l-Awtorita’ tax-Xandir. Għalkemm l-Onorevoli Interpellant ma jirreferi għal ebda każ speċifiku ta’ logħob li mhux qed jiġi trasmess fuq il-cable u pjattaforma diġitali, nifhem li huwa qed jirreferi għal każijiet fejn dawn iż-żewġ operaturi ma jxandrux logħob tal-futbol li jixxandar ukoll minn stazzjonijiet ta’ xandir Taljani. Jien infurmat li dawn il-materji mhumiex regolati bl-Att dwar ix-Xandir. Mhux il-kompitu ta’ l-Awtorita’ tax-Xandir li tinvestiga kwistjonijiet li ma jaqgħux fit-termini tal-liġi li jirregolaw l-operat tagħha.

Skejjel tad-Drama

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16988, jista' il-Ministru jgħid jekk in-numru ta' 15-il għalliem tad-drama hux biżżejjed jew le meta wieħed iqis li dawn iridu jlaħħqu kemm ma' l-iskejjel primarji kif ukoll ma' skejjel sekondarji? Jikkonferma li hemm skejjel li m'għandhomx is-servizz ta' għalliem tad-drama minħabba li l-għalliema diġa' għandhom full load? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawn l-iskejjel? F'dawn iċ-ċirkostanzi, x'inhi r-raġuni li dawn l-għalliema tad-drama dejjem qed jonqsu jew jintbagħtu postijiet oħra mingħajr ma jiġu sostitwiti? Jikkonferma li xi ħadd minn kumpannija privata tad-drama avviċina lill-ministeru, anke b'mod informali, sabiex jibda jagħti hu dan is-servizz fl-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' għalliema tad-Drama, li fil-preżent huwa ħmistax, għandu jiżdied biex l-iskejjel ikollhom aktar possibilta' biex jiżviluppaw il-ħiliet ta' l-istudenti. L-iskejjel li m'għandhomx servizz ta' għalliema tad-Drama huma erbgħa primarji u sebgħa sekondarji. Ma jirriżultalix li xi ħadd minn kumpanija privata avviċina lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jagħti servizz ta' Theatre in Education (T.I.E.) fl-iskejjel.

Ħamrun — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jara li jsiru xi xogħlijiet fl-iskola primarja B Dun Gorg Preca tal-Ħamrun minħabba li hemm xi ħsara fil-bini, bħal konsenturi u problemi oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed isir ix-xogħol meħtieġ u s-sitwazzjoni qed tinżamm taħt attenzjoni.

EU — Ilsien Malti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16958, jaf il-Ministru li l-Gvern Malti ma talabx li l-Malti jkun il-lingwa uffiċjali, anzi talab li l-Ingliż ikun l-ilsien uffiċjali? Jaf li b'din id-deċiżjoni t-tfal ta' Maltin li qed jaħdmu fi Brussell jew f'xi istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, fil-Form 3 ikollhom jagħmlu l-eżamijiet tagħhom mhux bl-Ingliż, imma bil-Franċiż minħabba li l-Ingliż ikun meqjus bħala l-lingwa uffiċjali ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Marsaskala — Triq in-Nadur

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda jew jitkompla x-xogħol fi Triq in-Nadur ġewwa Marsaskala minħabba li tinsab fi stat diżastruż? Japprezza li kien hemm commitment li din it-triq issir snin ilu u għalhekk huwa ġust li issa titlesta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ħaż-Żabbar — Skola Primarja

Question

Jikkonferma l-Ministru li fl-iskola primarja Santa Klara ta' Ħaż-Żabbar ttieħdet deċiżjoni minħabba nuqqas ta' fondi adegwati, li jinqata' il-ħalib li jingħataw it-tfal ħalli jkunu jistgħu jinxtraw xi kotba?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola Santa Klara Primarja 'A', Żabbar, kienet ittieħdet deċiżjoni li mis-7 ta' Novembru 2005, kien reġa' beda jingħata l-ħalib.

Xorb alkoħoliku fost iż-żgħażagħ

Question

Minħabba li jidher li l-maġġoranza tal-poplu matur qiegħed jitlob li minbarra kampanja edukattiva qawwija kontra x-xorb alkoħoliku fost iż-żgħażagħ, l-eta' għandha wkoll titla' għal 18-il sena, l-eta' li fiha jistgħu jixorbu u/jew jidħlu f'postijiet ta' divertiment, tista' il-Ministru tgħid x'inhuma l-pariri mogħtija mill-esperti dwar dan speċjalment wara r-riżultati ferm ħżiena dwar il-kwantita' ta' xorb li jinxtorob minn żgħażagħ Maltin meta mqabbel ma' dawk Ewropej? Dwar il-kampanja edukattiva, tista' tgħid x'qed isir flimkien mal-ministeru ta' l-edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif naħseb li jaf l-Onor. Interpellant, f’Jannar 2006, il-Gvern waqqaf kummissjoni biex teżamina u tirrevedi l-liġijiet kollha relatati mal-postijiet tad-divertiment, b’mod partikolari dawk il-partijiet tal-Liġi li jistgħu jipprevjenu iktar l-abbuż mill-alkoħoliżmu, id-droga u vizzji oħra, kif ukoll teżamina kull kwistjoni oħra relatata. F’dan l-istadju wieħed irid jistenna r-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-kummissjoni. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmata li l-Aġenzija Sedqa tagħmel programmi ta’ prevenzjoni fl-iskejjel dwar l-abbuż minn sustanzi tossiċi, u edukazzjoni favur il-ħajja. Parti minn dawn il-programmi jitmexxew minn erba’ għalliema tal-PSD mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, bi ftehim bejn id-Diviżjoni u l-Aġenzija Sedqa.

Skejjel — Teħid ta' droga/konsum ta' alkoħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi studju dwar jekk it-teħid ta' droga u/jew il-konsum ta' l-alkoħol humiex kontributorji għan-nuqqas ta' dixxiplina fost l-istudenti fl-iskejjel? Jekk le, x'inhi l-opinjoni ta' l-esperti tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni dwar dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studju speċifiku tal-korelazzjoni bejn it-teħid ta' droga u/jew il-konsum ta' l-alkoħol u n-nuqqas ta' dixxiplina ma sarx mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni peress li l-fenomenu irid jiġi rriċerkat minn angolu aktar wiesgħa. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni approvat, b'fondi tal-Kunsill tal-Kurrikulu Nazzjonali, proġett ta' riċerka dwar studenti b'diffikultajiet soċjali, emozzjonali u ta' mġieba. Dan l-istudju huwa nazzjonali, epidemjoloġiku u fuq firxa ta' żmien. L-istudju ser jesplora in-natura, u d-distribuzzjoni ta' dawn l-istudenti kif ukoll il-prevalenza ta' dawn id-diffikultajiet, kemm fis-settur primarju kif ukoll dak sekondarju. Se jiġu esplorati ukoll il-konnessjonijiet bejn il-prevalenza, id-distribuzzjoni u fatturi soċjali biex jiġu identifikati fatturi li jistgħu jipproteġu jew ipoggu aktar f'riskju tfal u żgħażagħ li jiżviluppaw diffikultajiet soċjali, emozzjonali u ta' imġieba li jistgħu ukoll iwasslu għall-esklużjoni soċjali, delinkwenza, abbuż ta' sustanzi illegali u diffikultajiet psikoloġiċi. Din ir-riċerka bdiet fl-2005 u ir-riżultati jiġu ppublikati fl-2008.

Skejjel — Studenti li jabbużaw mid-droga u alkoħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'jiġri minn dawk l-istudenti li jinqabdu jabbużaw mid-droga jew konsum eċċessiv ta' l-alkoħol? Minbarra għajnuna marbuta mal-vizzju li jkunu qed jabbużaw minnu, jingħataw xi appoġġ ieħor, bħal ngħidu aħna, sabiex fl-iskola jibqgħu jieħdu t-tagħlim mingħajr ma jkollhom konsegwenzi billi jitilfu xi lezzjonijiet? Jista' jgħid jekk l-iskejjel tal-privat u tal-Knisja jimxux bl-istess mod ma' dawn l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Anti Substance Abuse Unit tas-Safe Schools Programme fid-Dipartiment tas-Servizzi għall-Istudent u Relazzjonijiet Internazzjonali jsegwu l-policy 'Tackling Substance Abuse', maħruġ mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni fl-2001. Din il-policy, prinċiparjament hija bbażata fuq l-abbuż ta' sustanzi llegali, imma s-servizzi jingħataw ukoll meta jkun hemm każijiet ta' użu eċċessiv ta' alkoħol. F'każijiet riferuti lil din il-Unit, jiġu mplimentati l-proċeduri stabbiliti u jsir xogħol ma' aġenziji oħra fil-qasam fosthom is-Sedqa. Il-ġenituri jiġu konsultati u fejn ikun hemm bżonn jiġu rakkomandati programmi ta' riabilitazzjoni. L-istudenti jibqgħu jattendu l-iskola regolarment. Il-policy hija applikata għal każijiet kollha li jiġu riferuti mill-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja kif ukoll dawk Indipendenti.

FTS — Direct orders

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel t'Għada fis-sena 2004 u fis-sena 2005? Jista' jgħid ukoll kull direct order ta' kemm kienet, x'kien ix-xogħol u lil min ingħatat?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

PBS — Tazza tad-Dinja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-PBS mhux se xxandar il-logħbiet tat-tazza tad-dinja li se ssir din is-sena? Jista' jgħid ukoll kemm kien ħallas, jekk kien il-każ, l-istazzjon nazzjonali erba' snin ilu sabiex xandar il-logħbiet tat-tazza tad-dinja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni biex il-PBS ixxandar il-logħobiet tat-Tazza tad-Dinja għad trid tittieħed u erba' snin ilu l-PBS ħallset Lm120,000 għad-drittijiet biex ixxandar il-logħobiet tat-Tazza tad-Dinja ta' l-2002. Dan barra ħlas ieħor, ta' madwar Lm30,000 għall-faċilitajiet tekniċi u ta' produzzjoni.