Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16722 u jgħid kemm-il student qed joqgħod għal kull suġġett fl-eżamijiet tas-SEC ta' Mejju/Ġunju li ġej? Jista' jgħid ukoll kemm-il student se jagħmel Paper A u kemm Paper B f'kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-isptar Sir Paul Boffa ġewwa l-Floriana huwiex skedat jew le? Jekk fl-affermattiv, taħt liema kategorija huwa skedat dan il-bini?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-bini illum magħruf bħala l-iSptar Sir Paul Boffa mhuwiex skedat.
Tista' il-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett li kellu jsir fl-iskola tas-Sannat ġewwa Għawdex għal tfal bi bżonnijiet speċjali? Tista' tgħid ukoll jekk kienx hemm taħditiet bejn il-ministeri konċernati jew le? Jekk fl-affermattiv, x'ġie deċiż wara dawn id-diskussjonijiet? Kemm hemm flus ivvutati sabiex dan il-proġett isir, jekk inhu l-każ? Meta huwa maħsub li dan il-proġett jinbeda u jitlesta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-Istrategic Masterplan tal-FTS, li jinkludi wkoll proposta dwar il-progett li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, għadu fil-fazi ta' diskussjoni .
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-ftuħ ta' striptease clubs? Jista' jgħid jekk ikun hemm applikazzjoni, huwiex possibbli li joħroġ il-permess skond il-liġijiet eżistenti ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tinvestiga kull informazzjoni li jkollha dwar xi operat tà striptease, u fejn dan jirriżulta jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll illi talbiet għall-permessi tà striptease ma jiġux milqugħa mill-Pulizija.
Jikkonferma l-Ministru li ftit ġimgħat qabel ma nsterqu l-karti ta' l-eżami mill-iskola Ġużeppi Despott saret serqa oħra ta' dokumenti personali ta' l-istudenti? Jista' jgħid x'kienu dawn id-dokumenti? Saret xi investigazzjoni? Jekk fl-affermattiv, min għamel din l-investigazzjoni u x'instab?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-investigazzjoni li saret irriżulta serq ta' report books ta' l-istudenti li nstabu għand wieħed mill-istudenti involut fis-serqa tal-karti ta' l-eżamijiet.
Jista' il-Ministru jgħid jekk id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għandhiex pjan biex tiġġieled il-ħxuna fl-iskejjel, kemm fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u anke dawk indipendenti? Jekk iva, jista' jgħid x'inhu u x'qed isir f'din is-sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni twettaq diversi ħidmiet li jiffokaw fuq il-ħarsien u ż-żamma tas-saħħa ta' l-individwu. Il-Kurrikulu Nazzjonali jagħraf ukoll din l-importanza.
Informat ukoll li l-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu fassal Policy Document li tolqot bl-iżjed mod ħolistiku rakkomandazzjonijiet fuq is-saħħa, l-ikel u n-nutriment fl-iskejjel tagħna. Hu mistenni li l-Policytkun ippreżentat fil-futur qarib bil-ħsieb li jinħadem pjan ta' azzjoni sabiex jikkumplimenta d-direzzjoni u l-ħidma li diġa' qed issir fl-iskejjel.
It-Tuck Shops fl-iskejjel għandhom struzzjonijiet dettaljati dwar il-kwalita' ta' ikel u xorb li hu permess jinbiegħ. Hi r-responsabbilta' tal-mexxejja ta' kull skola fejn hemm Tuck Shops li jesiġu li kollox jimxi skond il-parametri ta' din il-policy. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tissorvelja l-attivita' tat-Tuck Shops fl-iskejjel, minbarra spezzjonijiet li jsiru mill-Ispetturi tas-Saħħa u tad-Dipartiment tas-Saħħa.
It-tagħlim ta' suġġetti bħal P.E., Home Economics u P.S.D. hu mmirat li jolqtu b'modi dirett l-ħarsien u ż-żamma tas-saħħa ta' l-individwu. It-tagħlim tal-Home Economics fl-iskejjel jinkludi firxa ta' esperjenzi, inkluż hands-on, fuq it-tema ta' Saħħa, Ikel u Nutriment - kollox marbut mal-Linji ta' Gwida tad-Dieta Nazzjonali.
Id-Dipartiment tal-Kurrikulu qed jaħdem biex jikkrea aktar kuxjenza dwar il-problema tal-ħxuna. Inħarġu ċirkularitajiet għall-iskejjel kollha, kemm is-sena li għaddiet kif ukoll din is-sena. Uffiċjali Edukattivi jagħtu importanza lil din il-problema u fl-aħħar ta' Jannar saret attivita' għall-iskejjel mill-Uffiċjali Edukattivi tal-Franċiż, li kellha bħala tema l-ikel bnin u l-eżerċizzju. F'Għawdex inbeda proġett simili għal dak ta' Malta fejn l-istudenti jiġu mogħtija kolazzjon sustanzjuż.
Għal dawn l-aħħar erbatax-il sena ilu mwaqqaf ukoll, fi ħdan id-Dipartiment tal-Kurrikulu, il-Home Economics Seminar Centre. Dan iċ-ċentru jorganizza seminars fuq is-Saħħa, l-Ikel u n-Nutriment lit-tfal ta' l-iskejjel Primarji u Sekondarji, kemm ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti. Għal xi seminars jiġu mistiedna wkoll ġenituri tat-tfal sabiex jitkabbar l-għarfien u l-prattika fuq dan il-qasam. Riżultati ekwivalenti ta' din il-ħidma jikkumplimentaw kemm hu siewi li l-ġernituri jipparteċipaw. Fl-istess waqt, isiru wkoll taħditiet ta' tagħlim fuq l-istess suġġett fl-iskejjel.
L-istess Ċentru qed joffri kull għajnuna sabiex jikber in-numru ta' skejjel, bil-għan li f'firxa ta' żmien qasir, naslu wkoll sabiex KULL skola jkollha inkluż fl-iSchool Development Plan tagħha, l-Food School Policy. B'kull responsabbilta' li kull skola tagħraf is-sehem siewi li tista' tagħti biex tħares is-saħħa ta' l-istudenti - is-saħħa tan-nazzjoni Malti.
Jista' il-Ministru jew id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni jikkonsidraw li fl-għażliet tas-suġġetti għat-tielet sena jibda jkun possibbli li t-technical design u l-business studies ikunu fl-istess kaxxa u għalhekk jistgħu jiġi magħżula t-tnejn? Jekk fl-affermattiv, tista' din l-option tidħol fis-seħħ b'mod immedjat, jiġifieri sa mis-sena skolastika li ġejja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat l-għażliet tas-suġġetti għall-Form III huma fil-kaxxi kif inhuma skond kriterji mogħtija mid-Dipartiment tal-Kurrikulu. L-aħħar tibdiliet saru madwar 4 snin ilu meta ddaħlu l-P.E. u l-Computer Studies f'kull kaxxa.
Informat li jekk it-Technical Design jew Graphical Communication jiġu mdaħħla fl-istess kaxxa, mall-Business Studies, l-għażla tkun waħda stramba. Il-Business Studies huwa dirett lejn karrieri, fis-Settur Finanzjarju u Kummerċjali bħal xogħol fil-Bank, fl-Insurance u Retail Industry, waqt li t-Technical Design jew Graphical Communication huwa dirett lejn karrieri li għandhom x'jaqsmu ma' l-Inġinerija Ċivili u xogħol ta' Disinn Industrijali. Dawn ta' l-aħħar ikollhom bżonn il-Physics u l-Mathematics, li huma suġġetti obbligatorji waqt li l-Arti jkun ta' għajnuna.
Jikkonferma l-Ministru li xi xhur ilu l-PBS kienet ikkuntattjata minn persuna fl-MFA dwar il-possibbilta' ta' kuntatt dwar il-logħob tat-tazza tad-dinja? Jekk fl-affermattiv, x'kienet ir-reazzjoni dak iż-żmien tal-PBS?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li skond ir-rekords tal-Kumpanija m'hemm xejn x'jindika li sar xi kuntatt bejn il-PBS u persuna mill-MFA dwar il-logħob tat-tazza tad-dinja.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-kunsill lokali taż-Żejtun sabiex il-librerija li tinsab fl-iskola primarja tkun tista' tiftaħ anke nhar ta' Sibt? Jista' jgħid jekk id-diviżjoni għadhiex tinsisti li jkun hemm watchman preżenti li jitħallas mill-kunsill anke jekk hemm aċċess ieħor għal-librerija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress li l-librerija m'għandhiex aċċess dirett minn barra iżda trid tidħol fiha wara li tkun dħalt fl-iskola, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni rat li mhux possibli li l-librerija tiftaħ is-Sibt bla ma jkun hemm sigurta' adegwata. Ser nerġa nkellem il-partijiet konċernati biex tiġi esplorata xi soluzzjoni.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16716 u jgħid kemm-il student se joqgħod għal kull suġġett fl-eżamijiet tal-MATSEC li se jsiru fix-xhur li ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li ser jersqu għall-eżami f'kull suġġett taċ-Ċertifikat tal-Matrikola fis-sessjoni ta' Mejju 2006 huwa kif jidher fit-tabella 1 li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. In-numri jinkludu studenti li ser jersqu għall-eżami taċ-Ċertifikat f'sitt suġġetti, dawk li ser jersqu għal xi eżami jew eżamijiet fil-Livell Avvanzat biss, u oħrajn li qed jersqu għal xi eżami fil-Livell Intermedju biss.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16717 u jgħid kemm hemm studenti mill-iskejjel ta' l-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti li se joqogħdu għall-eżamijiet tas-SEC f'Mejju/Ġunju li ġej?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk:
Tip ta' Skola Numru ta' Studenti
Stat 2,849
Knisja 1,482
Indipendenti 379
Post-Sekondarji 1,064
L-iskejjel ta' l-Istat jinkludu l-Junior Lyceums u Area Secondary. L-iskejjel Post-Sekondarji jinkludu l-iskejjel post-sekondarji kollha ta' l-istat, l-istitut ta' l-MCAST, l-ITS u l-Junior College.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-iskola Furtu Selvatiku ġewwa n-Naxxar se titwaqqa' kompletament meta jidher li din m'ilhiex wisq mibnija? Jista' jgħid ukoll jekk saritx applikazzjoni quddiem il-MEPA biex dan isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola Furtu Selvatico ġewwa n-Naxxar inbniet iżjed minn erbgħin sena ilu. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ssottomettiet applikkazzjoni quddiem il-MEPA f'Settembru tas-sena l-oħra.
L-ispazju kollu f'din il-parti tan-Naxxar hu dedikat għal bini edukattiv u beda x-xogħol biex isir użu ħafna aħjar ta' dan l-ispazju bħala parti mill-pjan tal-Gvern li jkollna l-iskejjel ġodda li hawn bżonn.
Minn eżami tal-bini u l-faċilitajiet ta' l-Iskola Furtu Selvatico jirriżulta li jkun aktar effettiv minn kull lat li din tinbena mill-ġdid milli jsir intervent ta' tiswija u mmodernizzar.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa riklam ta' paġna sħiħa dwar l-iskejjel li deher fil-ħarġa 16 ta' "Flimkien" ta' Marzu 2006? Jista' jgħid minn liema vot tħallas dan ir-riklam u x'kien l-iskop li riklam bħal dan isir f'pubblikazzjoni li titqassam fil-parroċċi kollha? Jista' jgħid ukoll jekk din kenitx l-ewwel darba li saret ħaġa bħal din?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-riklam ta’ paġna li deher fil-ħarġa ta’ Marzu 2006 numru 16 ta ‘flimkien’ sewa Lm330.40 u jinkludi l-VAT.
Is-somma tħallset mill-fondi tal-vot rikorrenti numru 28 tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi Account 2940 – Riklamar
Ir-riklam sar f’din il-pubblikazzjoni biex jinforma lill-pubbliku dwar il-ħidma li qed iwettaq il-Gvern biex l-iskejjel ta’ l-Istat jiġu mmodernizzati b’investiment ta’ miljuni ta’ liri.
Din hi it-tieni darba li sar riklam bħal dan u ġejt assigurat li r-reklam joffri valur tajjeb.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15099, jista' il-Ministru jgħid jekk għadux ta' l-istess opinjoni li l-Awtorita' dwar it-Trasport ma neħħiet l-ebda bus shelter jew bus stop minn Triq l-Għakrux ġewwa Ħaż-Żabbar? Allura f'dan il-każ jista' jgħid min kien responsabbli li tneħħa dan il-bus stop/bus shelter? F'każ li dan tneħħa minn min ma kienx awtorizzat, x'passi ttieħdu fir-rigward ta' din il-persuna/i?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari li qed jirreferi għaliha hu stess.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16830, jista' il-Ministru jgħid kemm ilha tintuża din l-istess karozza li għandha n-numru EAK 554? Jista' ikun li ilha tintuża aktar minn sena? Jista' jgħid ukoll jekk il-karozza l-oħra imsemmija Skoda GVN127 għadhiex bil-ħsara jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din il-karozza ilha tintuża fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni minn Mejju 2002. Informat ukoll li l-karozza Skoda GVN 127 m'għadiex bil-ħsara.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-kap ta' l-iskola tal-junior lyceum ta' Verdala ddeċieda li ma jagħtix il-marki lil ċerti studenti f'ċerti suġġetti? Liema huma dawn is-suġġetti u għaliex, u kemm kienu dawn l-istudenti? Huwa minnu li dan l-istess kap ta' l-iskola xi żmien ilu nstema' jgħid anke kliem dispreġjattiv jew inkella kliem li ried jagħmel vendikazzjoni mill-istudenti, jew inkella ċerti studenti, li jattendu f'dik l-iskola? Jista' il-Ministru jgħid jekk irċeviex ilmenti fuq dan l-istess kap minn xi studenti, ġenituri jew għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti ma ngħatawx marki fis-suġġetti kollha ta' l-eżamijiet għaliex kien hemm provi li dawn l-istudenti kienu infurmati dwar il-kontenut tal-karti qabel ma ħareġ l-eżami.
In-numru ta' studenti kien 12.
Is-suġġetti kienu kollha.
Is-surmast jiċħad kategorikament l-allegazzjoni imsemmija fil-mistoqsija.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija il-Ministru ma kellux ilmenti kif imsemmi.