Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — HND

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari W215, jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri mit-tmien studenti li se jispiċċaw mill-kors f'Mejju jekk il-HND ma tinfetaħx? Wara li dawn l-istudenti daħlu għall-kors fl-MCAST, għax ħasbu li jistgħu jkomplu jibnu l-kwalifiki tagħhom, min kien responsabbli fl-MCAST li ħajjarhom jagħmlu dan il-kors u issa mhux se jkunu jistgħu jieħdu kwalifika li tippermettilhom li jaħdmu fid-dinja tax-xogħol skond l-istrateġija ta' Lisbona? X'alternattiva se jingħataw biex ikunu jistgħu jiġu mogħtija l-kors li jmiss fil-karriera tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti kollha jkunu jafu liema huma u sa liema livelli jaslu l-korsijiet li joffru l-MCAST permezz tal-PROSPECTUS pubblikat kull sena. F'dan l-istadju ta' żvilupp l-MCAST għad għandu diversi korsijiet li ma jwasslux sal-livell ta' l-HND.

EU — Ilsien Malta

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17412 u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16958, jaf il-Ministru li l-Gvern Malti ma talabx li l-Malti jkun il-lingwa uffiċjali, anzi talab li l-Ingliż ikun l-ilsien uffiċjali? Jaf li b'din id-deċiżjoni t-tfal ta' Maltin li qed jaħdmu fi Brussell jew f'xi istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, fil-Form 3 ikollhom jagħmlu l-eżamijiet tagħhom mhux bl-Ingliż, imma bil-Franċiż minħabba li l-Ingliż ikun meqjus bħala l-lingwa uffiċjali ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Gvern Malti talab li minħabba l-fatt li kemm il-lingwa Maltija kif ukoll dik Ingliża huma l-lingwi uffiċjali ta' Malta, ulied il-Maltin li qegħdin jattendu l-iskejjel Ewropej għandu jkollhom id-dritt li jitgħallmu ż-żewġ lingwi bħala l-ewwel lingwa tagħhom. L-istudenti kollha li qegħdin jattendu l-iskejjel Ewropej jagħżlu lingwa oħra minn fost l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż minbarra l-lingwa uffiċjali ta' art twelidhom sa mill-ewwel sena ta' l-iskola primarja. Din il-lingwa magħrufa bħala il-'vehicular language', jibqgħu jistudjawha tul il-primarja u s-sekondarja. L-eżamijiet ta' l-Istorja u l-Ġeografija isiru b'din it-tieni lingwa. L-istudenti li jkollhom bżonn, jiġu mgħotija għajnuna speċjali biex jitgħallmu din il-lingwa sew. Għaldaqstant, id-diffikulta' li xi eżamijiet iridu jsiru bil-'vehicular language' hi diffikulta' li jridu jiffaċċjawha l-istudenti kollha li jattendu l-iskejjel Ewropej. Fl-istess ħin, il-fatt li dawn l-istudenti jitgħallmu lingwa oħra hekk tajjeb għandu jkun meqjus bħala vantaġġ għalihom.

Sta Venera — Skola San Franġisk d'Assisi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-Kabinet kienx iddiskuta li jagħti kumpens lill-ġenituri ta' student ta' 14-il sena li ismu qed jintbagħat separatament, li kien miet traġikament fl-iskola San Franġisk d'Assisi ġewwa Sta Venera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jidhirlix li d-diskussjonijiet fil-Kabinet għandhom ikun materja ta’ mistoqsijiet parlamentari.

Pensjoni tal-Wens

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament hijiex intitolata għall-pensjoni tal-wens jew le, minħabba li din tieħu sħieb ommha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Ħaż-Żabbar — Triq is-Saqwi

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir bit-tarmac Triq is-Saqwi ġewwa Ħaż-Żabbar minħabba li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara program ta' xogħlijiet ta' toroq li jridu jsiru. Dawn it-toroq jinbnew skond il-prijoritatjiet li joħorġu minn dan il-program.

Ħaż-Żabbar — Triq iċ-Ċimiterju

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir bit-tarmac Triq iċ-Ċimiterju ġewwa Ħaż-Żabbar minħabba li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara program ta' xogħlijiet ta' toroq li jridu jsiru. Dawn it-toroq jinbnew skond il-prijoritatjiet li joħorġu minn dan il-program.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Droga

Question

Wara x-xhieda mogħtija fil-qorti minn Joseph Fenech dwar l-ammont ta' droga fil-ħabs, u anke kif ġie rrapportat li xehed li qed isir negozju tad-droga fil-ħabs, jista' il-Viċi Prim Ministrui jgħid jekk hux ser jordna investigazzjoni biex jara x'qed isir fil-ħabs biex kif inhu allegat qed tidħol tant droga fil-ħabs? Ma jaħsibx li kulħadd, iżda speċjalment iż-żgħażagħ fil-ħabs, għandhom jiġu protetti mid-droga?

Response (BORG, TONIO)

L-awtoritajiet tal-ħabs jagħmlu investigazzjonijiet kontinwi dwar il-presenza ta' droga fil-ħabs; dawn il-kontrolli wkoll iħallu frott kif jidher mir-riżultati miksuba u persuni mressqa l-Qorti.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm priġunieri fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin li qed jattendu kors ta' riabilitazzjoni mid-droga? Kemm hemm persuni fil-ħabs li għad m'humiex ikkundannati li qed jattendu xi kors simili? Kemm hemm persuni sentenzjati u anke dawk li mhumiex li qed jingħataw il-methadone fil-ħabs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm disa u għoxrin (29) priġunier li qegħdin jattendu kors ta' riabilitazzjoni mid-droga. Infurmat ukoll li ma hemm l-ebda priġunier li jinsab taħt arrest preventiv li qiegħed jattendi xi kors simili u li fil-preżent hemm ħdax-il priġunier li jingħataw il-methadone fil-ħabs.

Eżamijiet tal-Matsec/SEC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kandidati għall-eżamijiet tal-Matsec u s-SEC, separatament, li applikaw għal dawn l-eżamijiet bħala studenti privati u mhux taħt xi skola? Għal liema suġġetti se joqogħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba numru 17720, f'Seduta 369.

Visa għall-istudenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk f'pajjiżna għandniex il-possibbilta' ta' visa għall-istudenti? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din il-visa tidħol ħalli jkun hemm anqas problemi għal studenti barranin li jkunu għażlu lil Malta sabiex ikomplu l-istudji tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent studenti minn pajjiżi fejn hija meħtieġa l-visa, li jkunu jridu jiġu jistudjaw Malta, diġa' jistgħu japplikaw sabiex jingħataw permess jiġu Malta sabiex isegwu l-kors ta' studju fl-istess ħin qed jittieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-ħruġ ta' tali visas.

Wied il-Għajn — Park

Question

Jista' il-Ministru jgħid min ippubblika l-artiklu fuq "The Times" mifrux fuq żewġ paġni dwar il-park f'Wied il-Għajn ħdejn l-impjant tar-riċiklaġġ? X'kienet l-ispiża għal dan u minn liema vot tħallsu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif jixhed l-artiklu nnifsu, dan ir-rapport sar fuq inizjattiva tal-gurnal innifsu u ma kienx riklam tal-Ministeru. Għaldaqstant, il-Ministeru ma daħal f'ebda spiża.

MCAST

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15834, jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jinħatar manager amministrattiv? Jekk dan ġie konkluż, jista' jgħid min ġie magħżul?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-materja ser tiġi diskussa fil-futur qarib mill-Bord tal-Gvernaturi ta' l-MCAST.

Eżamijiet tal-Matsec

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16715 u jgħid x'inhu n-numru ta' studenti, maqsumin bħala bniet u subien, li se joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC f'Mejju/Ġunju li ġej? Kemm minnhom huma minn skejjel ta' l-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?

Response (GALEA, LOUIS)

In-numru ta' studenti li ser joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC fis-sessjoni ta' Mejju 2006, maqsumin bħala bniet u subien, u mill-liema tip ta' skola huma kif jidhru fit-tlett tabelli li ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Tabella 1 turi n-numru ta' kandidati mill-iskejjel ta' l-Istat, li jinkludu l-iskejjel post-sekondarji tal-Gvern, L-MCAST u l-Junior College. Tabella 2 turi n-numru ta' kandidati mill-iskejjel tal-Knisja u skejjel Indipendenti. Tabella 3 turi n-numru ta' kandidati privati.

Skejjel — Tuck shops/canteens

Question

Għalkemm jeżistu xi regolamenti dwar dak li għandu jinbiegħ u dak li m'għandux fit-tuck shops u l-canteens ta' l-iskejjel, jista' il-Ministru jgħid kif isir l-enforcement biex jiġi żgurat li r-regolamenti qed jiġu osservati u b'hekk qed jiġu protetti t-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-kuntratt li jsir għall-kiri ta' Tuck Shop fi skola statali hemm sensiela ta' kundizzjonijiet li jinkludu x'għandu u x'mgħandux jinbiegħ mit-Tuck Shop ta' l-iskejjel. L-ewwel 'enforcement' isir mill-istess skola li tissorvelja dak li qed jinbiegħ. Jekk hemm ksur ra' regolamenti jiġi avżat id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u jittieħdu l-passi skond il-ftehim tal-kuntratti.

Skejjel — Tuck shops/canteens

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-regolamenti dwar dak li għandu jinbiegħ fit-tuck shops u l-canteens fl-iskejjel japplikax biss għal dawk fl-iskejjel ta' l-Istat jew anke għal dawk tal-Knisja u indipendneti? Kemm saru żjajjar minn uffiċjali tad-diviżjoni f'din is-sena skolastika biex jiġi żgurat li dawn ir-regolamenti qed jiġu osservati? F'liema skejjel saru? Kemm instab li kien hemm bejgħ mhux skond ir-regolamenti? X'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kundizzjonijiet tal-Kuntratt għall-kiri ta' tuck shop japplika għall-iskejjel statali. Bejn Ottubru u Diċembru ta' din is-sena skolastika saru tliet żjarat fl-iskejjel. Ma kien hemm l-ebda rapport mill-uffiċjali sanitarji ta' xi naqqasijiet. Lanqas ma kien hemm rapporti minn uffiċjali tat-Taqsima tal-Kontroll tal-Prezzijiet tad-Dipartiment tal-Kummerċ.

Ħal-Lija — Football Pitch fl-iskola

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jsir mini pitch tal-football fl-iskola ta' Ħal-Lija? Jista' jgħid f'liema skejjel diġa' saru minn dawn il-pitches u fejn diġa' hemm il-ftehim li jsiru oħrajn? Min qed jiffinanzja dawn il-pitches?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-dewmien fil-kostruzzjoni ta' mini pitch fl-iskola primarja ta' Ħal Lija huwa dovut għal raġunijiet ta' natura legali li għandhom x'jaqsmu mal-kuntratt relattiv. Informat ukoll li sa issa ma ġie finalizzat ebda ftehim ieħor. Informat li l-Kapijiet ta' l-iskejjel kienu ġew imħeġġa b'Letter Circular Ops/92/2004, datata 9 ta' Novembru 2004, taħt it-titlu 'UEFA Jubilee Mini Pitches Project' (Kopja tagħha ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra).

Sport għal Kulħadd

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed isir biex jiġi żviluppat l-isport għal kulħadd? Jista' jgħid ukoll jekk Malta hux ser tkun rappreżentata fil-laqgħa dinjija li se ssir f'Kuba aktar tard din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat illi l-Kunsill Malti Għall-Sports jorganizza diversi attivitajiet direttament ma' l-iskejjel u indirettament ma' entittajiet oħra, li minn żmien għal żmien jorganizzaw attivitajiet ta' Sports For All. Informat ukoll li l-Ministeru u l-Kunsill Malti Għall-Sports jirċievu ħafna inviti għall konferenzi fuq temi diversi, f'dan il-kas, ma nħassx il-bżonn ta' delegazzjoni Maltija .
Leg 10 PQ #17855 Sitting 369 2006-03-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Studji Turistiċi

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol infrastrutturali għall-proġett ta' faċilita' ġdida għal taħriġ fl-istudji turistiċi f'Għawdex u preċiżament fil-Qala? Min rebaħ il-kuntratt għal dan ix-xogħol? Meta hu stmat li se jitlesta x-xogħol? Kemm intefgħu offerti għall-bini ta' din l-istess faċilita' ġdida għall-istudji turistiċi fil-Qala? Min kienu? Kemm kienet kull offerta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ix-xogħol infrastrutturali fuq il-proġett beda fit-18 ta' Marzu 2006. Il-kuntratt intrebaħ mill-konsorzju Kerc JV. Il-proġett għandu jkun komplut sa Marzu 2007. Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsijiet dwar l-offerti lill-Ministru konċernat.