Legislature:
Category:
Reset
Active:

Taxxa fuq is-safar

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena, kemm daħħal mit-taxxa ta' l-Lm10 imposta fuq is-safar? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm min ġie eżentat minn din it-taxxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, il-Gvern daħħal komplessivament u globalment Lm 579,654 mit-taxxa fuq is-safar. Ma ngħatawx eżenzjonijiet minn din it-taxxa.

Verdala Junior Lyceum

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17705, jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-provi li qed isemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija msemmija? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra evidenza dwar dawn l-istess provi li qed jgħid li hemm fil-konfront ta' numru ta' studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-involviment ta' l-istudenti konċernati irriżulta lill-Puluzija fil-kors ta' l-investigazzjoni tagħha ta' dan il-każ, inkluż bi stqarrijiet ta' ammissjoni mill-istudenti stess u minn provi evalwati mid-djar ta' uħud ta' l-istudenti konċernati. L-evidenza ma tistax titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — Facilitator

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid x'inhi r-raġuni li l-istudent li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minkejja li sentejn ilu (2004) l-istatementing board approva li jkollu facilitator dan baqa' mingħajru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn April 2006, l-għajnuna lit-tifel ser tiżdied b'assistenza individwali. Sena oħra, it-tifel ikollu one-to-one facilitator. L-iskola informatni li dan qed isir bi ftehim mal-ġenituri.

Ħaż-Żabbar — Bus Shelter

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15099 dwar bus shelter fi Triq l-Għakrux ġewwa Ħaż-Żabbar, jista' il-Ministru jgħid allura minn min tneħħa dan il-bus shelter?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn Triq l-Għakrux ma tneħħa l-ebda bus shelter peress li qatt ma kien hemm bus shelter installat f’din it-triq.

Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9760, jista' il-Ministru jgħid jekk ir-rapporti msemmija fit-tweġiba ġewx imqiegħda fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar l-ewwel mistoqsija, nirreferi lill-Onor.Membru għall-Mistoqsija numru 988 tat-30/06/2003 dwar l-istess tema. Saret Evalwazzjoni/case study dwar il-Klabb Ħilti ġewwa l-Isla li twettaq filgħodu bħala parti mill-Proġett iffinanzjat mill-EU Parent Empowerment for Family Literacy (PEFal). Dan sar mill-Prof. Sheila Wolfendale li għalih tħallset 1,000 lira sterlina. Kopja tar-rapport ser jingħata lill-Onor. Membru. Ninsab informat li l-Fondazzjoni kisbet Lm49,660 f'fondi marbuta ma' proġetti mill-Kummissjoni Ewropea matul dawn l-aħħar sentejn.

Nies illitterati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 831 dwar nies illitterati f'pajjiżna, jista' il-Ministru jgħid jekk l-istatistika ġietx imqiegħda fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 1171 f'Seduta 33 u għall Paper Laid numru 405.

Pixxina Nazzjonali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentiari 17227 dwar il-pixxina nazzjonali, jista' il-Ministru jgħid meta ma baqgħetx tissaħħan il-vaska ż-żgħira ta' l-istess pixxina?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Marzu ta' l-2004 ma baqgħetx tissaħħan il-vaska ż-żgħira tal-pixxina.

Dentisti u Tobba

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17269 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u jgħid kemm hemm tobba u dentisti li jservu speċifikament fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Dawn jaraw ukoll tfal fl-iskejjel tal-knisja u indipendenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment tal-Kura Primarja tas-Saħħa joffri servizz ta' prevenzjoni tas-saħħa fi skejjel tal-gvern, tal-knisja u indipendenti. Is-servizz huwa offrut minn 6 dental hygienist u 10 tobba.

Pixxina Nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 16586, 16833 u 17267 u jgħid min huma l-kuntratturi li ħadu x-xogħlijiet tal-pixxina nazzjonali, li skond il-Ministru swew Lm400,000, fl-aħħar sentejn? Jista’ jgħid ukoll jekk ħarġux sejħiet għall-offerti għax-xogħol konċernat? Jekk iva, jista’ ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kull offerta, min applika, min ħadha u jekk ix-xogħol sarx fi żmien stipulat?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jidhirlix li għandi inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba li hemm tagħrif ta' natura kummerċjali li jista' jippreġudika l-interessi ta' dawk imsemmija u li huma kompetituri ta' xulxin f'diversi oqsma. F'każ li l-Onor. Membru għandu xi diffikulta' partikolari jista' jirreferi lill-Uffiċċju ta' l-Awditur Nazzjonali.

Marsaxlokk — Skola Primarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17235 dwar is-sala ta' l-iskola primarja ta' Marsaxlokk, jista' il-Ministru jgħid f'liema sens u kif qed jiġu riveduti l-pjanti u meta hemm ħsieb li x-xogħol jinbeda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sala qiegħdha tiġi ri-dimensjonata biex tirrifletti l-bżonnijiet tal-popolazzjoni attwali ta' l-iskola kif ukoll il-proporzjonalita' tan-nefqa. Xogħolijiet fuq dan il-proġett jinbdew fil-mument opportun.

Attivitajiet Kulturali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17234 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16844, peress li kien hemm anke intervisti fil-gazzetti minn persuni li għandhom ċertu responsabbilta' fil-qasam kulturali li ssuġġerew tnaqqis jew it-tneħħija tal-VAT minn fuq il-biljetti tad-dħul ta' attivitajiet kulturali, jikkonsidra l-gvern li jieħu dan is-suġġeriment, anke jekk m'hemmx talba formali, ħalli jgħin biex aktar nies u familji jersqu lejn dawn l-attivitajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf l-Onorevoli Interpellant illi dawn l-attivitajiet ma jistgħux ikunu eżenti mill-VAT. Imma skond paragrafu 7 ta’ Annex H tas-6th VAT Directive, r-rata tal-VAT tista’ tkun imnaqqsa għal 5%.

OPM — Konsulenza

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17571, jista' il-Prim Ministru jagħti dettalji dwar x'tip ta' konsulenza taw u fuq xiex dawk l-esperti dwar il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija għamel użu minn sittax-il Espert barrani (Evaluators) fuq Programm ta’ Riċerka, Teknoloġija, Żvilupp u Innovazzjoni (RTDI Programme). Dawn l-Evaluators għamlu l-għażla tal-Proposals fuq dan il-Programm.

Marsascala — Triq in-Nadur

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17413 u jgħid meta se jibda jew jitkompla x-xogħol fi Triq in-Nadur ġewwa Marsaskala minħabba li tinsab fi stat diżastruż? Japprezza li kien hemm commitment li din it-triq issir snin ilu u għalhekk huwa ġust li issa titlesta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Persuni taħt l-Influwenza tax-Xorb

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17398 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk daħlux fis-seħħ dak li ġie rrapportat fil-gazzetti li l-kabinett iddeċieda li dawk taħt is-16-il sena li jinsabu taħt l-influwenza tax-xorb jiġu mmultati? Jekk iva, jista' jispjega kif se topera?

Response (BORG, TONIO)

Ir-Regolamenti għadhom ma daħlux fis-seħħ.

Skejjel li jgħallmu l-Ingliż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17277, jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar kemm-il skola ġiet spezzjonata minn uffiċjali tal-monitoring board? Liema kienu? Instabu xi skejjel li ma kenux għal kollox konformi mal-liġi? X'passi ttieħdu jekk l-affarijiet ma ġewx irranġati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord ta' Sorveljanza tat-tagħlim ta' l-Ingliż bħala Lingwa Barranija jorganizza programm sħiħ ta' żjajjar fl-iskejjel liċenzjati bejn April u Awissu ta' kull sena meta l-biċċa l-kbira ta' l-istudenti barranin jiġu fil-ġżejjer Maltin sabiex jitgħallmu l-Ingliż. Fix-xhur l-oħra ta' matul is-sena, diversi skejjel liċenzjati jkunu magħluqin u l-oħrajn li jiftħu ikollhom numru żgħir ta' studenti. Matul is-sena kollha, jekk ikun hemm applikazzjonijiet għal ftuh ta' skejjel ġodda, dan il-Bord jispezzjona dawn l-iskejjel mill-ewwel.

Skejjel ta' l-Ingliż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17276, jista' il-Ministru jagħti d-dettalji mitluba dwar l-applikazzjoni pendenti għal ftuħ ta' skola biex jiġi mgħallem l-Ingliż u cioe' min daħħal l-applikazzjoni, meta u f'liema lokalita?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjoni li hemm pendenti għal skola ġdida, saret mis-Sur G. Axisa fit-28 ta' Novembru 2005, għall-użu ta' parti mill-Kulleġġ De La Salle - Kottonera għat-tagħlim ta' l-Ingliż bħala lingwa barranija.

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 14494 u 14976 u jgħid x’kien il-persentaġġ ta’studenti fl-iskejjel ta’ l-Istat li fis-sena skolastika li għaddiet ma attendewx l-iskola mingħajr raġuni ? Jista’ jagħti l-figuri għall-primarji, sekondarji u l-kumplament separatament? Meta mqassmin bejn studenti subien u bniet, liema kienet l-ogħla?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba 15108, f'Seduta 313.