Legislature:
Category:
Reset
Active:

FTS — Strategic masterplan

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17716, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-istrategic masterplan tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada li ssemma fit-tweġiba tal-Ministru għal Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija numru 17716.

Skola Sekondarja Maria Goretti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li studenti li għażlu l-edukazzjoni fiżika u l-Ġermaniż fl-iskola sekondarja Maria Goretti ta' Ħal Tarxien ma tħallewx jieħdu dawn is-suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux minnu li studenti ma tħallewx jagħżlu l-Edukazzjoni Fiżika u l-Ġermaniż rispettivament bħala suġġetti 'optional' għas-sena d-dieħla fl-iskola msemmija. Informat li l-istudenti konċernati ntalbu sabiex jagħżlu suġġett ieħor bħala riserva. Dan sabiex fl-eventwalita' li, għal xi raġuni, s-suġġetti msemmija ma jkunux jistgħu jingħatawlhom għax ikunu ġew magħżula minn numru żgħir ħafna ta' studenti, il-proċess tal-klassifikazzjoni jkun jista' jitkompla mingħajr d-dewmien dovut sakemm joqogħdu jiġu kkuntattjati l-istudenti fi żmien il-vaganzi tas-sajf. Informat li l-probabilita' l-kbira hija li l-istudenti jkunu jistgħu jagħżlu s-suġġetti li jixtiequ.

Studenti Dyxlesic

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk issirx distinzjoni meta jiġu kkoreġuti l-karti ta' l-eżami ta' studenti li huma dyxlesic, inkluż l-eżami tal-junior lyceum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti bid-Dyslexia jingħataw arranġamenti speċjali waqt l-eżamijiet, inkluż dak tal-Junior Lyceum, biex dawn l-eżamijiet ikunu aktar aċċessibli għalihom. Waqt il-korrezzjoni tal-karti, dawn l-istudenti jiġu trattati bħal tfal normali.

Għotja ta' Kotba minn Belfast

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kenux inġiebu madwar 20,000 ktieb li ġew ġentilment offruti minn librerija f'Belfast? Jekk fl-affermattiv, meta nġibu u jekk le, x'inhi r-raġuni li dawn baqgħu ma nġibux?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li konsenja ta' kotba minn librerija f’Belfast waslu Malta u ġew imwassla l-Librerija Pubblika Ċentrali, l-Furjana, nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, 2 u 3 ta’ Marzu 2006. Il-kotba qed jiġu katalogati.

Għaqda Nazzjonali tar-Rugby

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienu t-talbiet li saru mill-Għaqda Nazzjonali tar-Rugby biex ikollhom faċilitajiet għat-taħriġ? Hemm ħsieb li jngħataw faċilitajiet biex ikomplu jibnu fuq is-suċċessi fil-kamp internazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport alloka ground wieħed fil-Marsa biex jintuża mill-Rugby Football Union kuljum bejn il-5.00p.m. u 10.30p.m.. Il-ħlas ta' dan il-ground qed ikun ssussidjat mill-KMS. Ir-RFU kienu talbu li jingħatw b'titolu legali ground 5 fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa biex jiġi żviluppat f' ground fuq livell Internazzjonali. Din it-talba għadha qed tiġi konsidrata.

Stadium tal-Marsa — Golf Grounds

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalxiex qed jintuża il-ground tal-ħaxix li hemm fl-istadium tal-Marsa? Hemm ħsieb li l-grounds tal-ħaxix tal-madwar jingħataw għat-tkabbir tal-korsa tal-golf?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ground tal-ħaxix li jinsab f'nofs il-Mathew Micallef Athletic Track jintuża waqt attivitajiet sportivi t' atletika organizzati mill-KMS jew għal field events organizzati mill-MAAA jew waqt attivitajiet sportivi ta' l-iskejjel. Informat li ma jirriżultax illi l-grounds tal-ħaxix tal-madwar ser jingħataw għat-tkabbir tal-korsa tal-golf.

Pulizija — Traffikar ta' Droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni u x'kien l-ammont ta' droga li nqabdet mill-pulizija s'issa matul din is-sena? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm żgħażagħ taħt it-18-il sena li nqabdu fil-pussess ta' droga? Kemm kienu akkużati wkoll bit-traffikar ta' droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Jannar u Marzu 2006, kien hemm 106 persuna li ġew investigati mill-Iskwadra ta' kontra d-Droga tal-Pulizija, li minnhom kien hemm 13 taħt l-eta' ta' 18 il-sena, filwaqt li 23 persuna kienu dwar traffikar ta' droga. Infurmat ukoll illi l-ammont u tip ta' droga maqbuda fl-istess perijodu huwa kif ġej: TipAmmont Cocaine993.7grms Heroin1kg 688.3grms Cannabis resin30kg 187.85grms Ecstacy132.5 tablets Valium2 tablets DHC68 tablets BZP70.5 tablets

Skejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid s'issa matul din is-sena skolastika kemm ingħataw permessi biex tfal jitilqu mill-iskola qabel ma jkunu għalqu s-16-il sena? Kemm kienu subien u kemm kienu bniet? X'kienu r-raġunijiet prinċipali għall-għoti tal-permessi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'din is-sena skolastika (15/09/2005 sa 26/04/2006) in-numru ta' studenti taħt is-16-il sena li ġew eżentati mill-iskola u li ma spiċċawx il-kors skolastiku kien 33. Informat li r-raġuni ewlenija hija biex l-istudenti jkunu jistgħu jaħdmu. Kien każ wieħed (tfajla) għal raġunijiet umanitarji.

Entratura tal-Belt Valletta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jittieħdu xi passi biex tissebbah l-entratura tal-Belt Valletta biex tidher aktar attraenti kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

AFM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm se jidħlu suldati ġodda wara l-eżamijiet u testijiet li saru dan l-aħħar? Minn liema lokalitajiet huma? Kemm minnhom huma taħt il-25 sena? Jista' jgħid jekk kienx hemm suldati li ma għaddewx mit-test fiżiku iżda xorta tħallew ikomplu joqogħdu għal testijiet oħra? Kemm? Għaliex tħalla jsir dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-proċess ta’ l-għażla tas-suldati l-ġodda għadu għaddej u ma ġiex finalizzat mid-Direttur ta’ l-Eżamijiet.

Skejjel ta' l-Istat — Tħawwil ta' Siġar

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika dwar tħawwil ta' siġar, pjanti, eċċ fl-iskejjel ta' l-Istat? Kif qed iħajjar l-istudenti biex ikunu aktar konxji li dan jgħin biex ikollna ambjent aktar sabiħ? Fejn u f'liema skejjel tħawwlu siġar, pjanti eċċ. fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li tħawwil ta' siġar, pjanti, eċċ, fl-iskejjel ta' l-Istat isir mis-sezzjoni tal-ġardinara fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li regolarment jagħtu servizz lill-iskejjel statali kollha. L-istudenti jiġu mħajjra mill-iskejjel biex ikunu aktar konxji li s-siġar u l-pjanti huma importanti biex ikollna ambjent aktar sabiħ, bi programmi bħal 'Arbor' u wkoll 'Ekoskola'.

Proġett Ekoskola

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu u kemm hu l-kontribut tal-ministeru u tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni separatament, lejn il-proġett EkoSkola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-proġett ta' l-Ekoskola d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tgħin b'mod dirett għaliex tħallas is-salarji ta' numru ta' għalliema li jagħtu s-servizz tagħhom f'dan il-qasam. Informat ukoll li d-Dipartiment tal-Kurrikulu jgħin billi l-għalliema peripatetiċi tax-xjenza jgħinu lill-iskejjel f'dan il-programm, għaliex il-miri tal-programm Ekoskola huma ukoll miri kurrikulari.

Universita" — Doctorate in Business Administration

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kors tad-Doctorate in Business Administration fl-Universita' ta' Malta hux se jiġi offrut is-sena d-dieħla, jiġifieri mis-sena akkademika li ġejja? Kemm se jiswa dan il-kors u x'inhuma l-entry requirements għalih?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-Tweġiba għal-Mistoqsija numru 17863, f'Seduta 368.

Għawdex — Studji Turistiċi

Question

B'riferenza għall-mistoqisija parlamentari 17855 li saret lill-Ministru għal Għawdex u cioe': Tista' tgħid meta se jibda x-xogħol infrastrutturali għall-proġett ta' faċilita' ġdida għal taħriġ fl-istudji turistiċi f'Għawdex u preċiżament fil-Qala? Min rebaħ il-kuntratt għal dan ix-xogħol? Meta hu stmat li se jitlesta x-xogħol? Kemm intefgħu offerti għall-bini ta' din l-istess faċilita' ġdida għall-istudji turistiċi fil-Qala? Min kienu? Kemm kienet kull offerta?, Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet li ma ġewx imwieġba mill-Ministru għal Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li l-Ministeru tiegħi mhux il-Ministeru konċernat. Dwar ir-raba', il-ħames u s-sitt partijiet tal-Mistoqsija l-Onor. Membru hu mistieden jindirizza l-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Kuntratti.

Ħaż-Żabbar — Triq iċ-Ċimiterju

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 17709 u 17711, jista' il-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ħames snin l-Awtorita' dwar it-Trasport kemm-il programm ta' xogħlijiet għamlet, minħabba li din it-tweġiba kemm-il darba ġiet mogħtija u qisu li mhemmx programm wieħed li jsegwi minn sena għal oħra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq iċ-Ċimiterju Żabbar hija nkluża fil-lista ta' toroq li jridu jinbnew mill-Awtorita' dwar it-Trasport. L-ADT qegħda tfassal strateġija kif toroq bħal din imsemmija jsiru fis-sentejn li ġejjin.

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Fit-tieni term ta' din is-sena skolastika, jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-persentaġġ ta' assenteiżmu mill-iskejjel ta' l-istat, primarji u sekondarji? Jista' jgħid ukoll liema skola tal-bniet u tas-subien li l-aktar kien hemm persentaġġ għoli ta' studenti assenti? F'liema skejjel kien l-aktar baxx?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif għadu qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Postijiet ta' Divertiment — Tfal taħt l-eta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena kemm kien hemm tfal taħt is-16-il sena li nqabdu f'bars u postijiet oħra ta' divertiment kontra l-liġi? F'liema lokalitajiet? Jista' jgħid ukoll kemm mis-sidien ta' dawn il-postijiet diġa' kienu nqabdu li ħallew tfal taħt l-eta' jidħlu fil-post tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tlett xhur ta' din is-sena il-pulizija sabet 35 persuna taħt is-sittax il-sena f'postijiet ta' divertiment ġewwa Paċeville u Wied il-Għajn. B'konnessjoni ma dan inbdew proċeduri quddiem il-Qorti kontra seba' persuni responsabbli minn dawn il-postijiet, li tlieta minnhom kienu diġa' nstabu ħatja mill-Qorti dwar dan ir-reat.

MEPA — Sptar Sir Paul Boffa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17715, jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dan il-bini mhuwiex skedat? Jista' jgħid jekk saritx xi evalwazzjoni ta' dan il-post mill-MEPA minn meta twaqqfet fl-1992 'il hawn? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja ta' dawn id-dokumenti fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-bini ta' l-Isptar Sir Paul Boffa għadu ma ġiex skedat iżda dan il-proċess ser jibda dalwaqt. Ta’ min iżid, però, li studji fuq dan il-bini nnifsu għadhom qatt ma saru mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) minħabba li s'issa għad ma kienx hemm talba għall-iskedar. F'każ li dan il-bini jiġi propost għall-iskedar, ikun hemm bżonn li jsiru studji u ġbir ta' informazzjoni qabel jitressaq quddiem il-bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-aprovazzjoni.

Liġijiet tad-Divertiment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li jitlesta r-rapport tal-kumitat maħtur apposta biex jirrevedi l-liġijiet tad-divertiment? Kemm-il darba ltaqa' s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Kien hemm tliet darbiet li fihom iltaqa' il-Kumitat iżda kull membru ħa mpenn li qed jiżvolġieh f'kuntatt mac-Chairman. Barra dan ic-Chairman kellu laqgħat oħra. Fil-jiem li ġejjin kull min hu nteressat in ġenerali ser jiġi mistieden iressaq il-veduti li jista' jkollu jew bil-miktub jew f'laqgħa skond ma jkun jidher l-aħjar. Dana barra li l-Kumitat ser javviċina lil xi nies hu stess. Il-Kumitat ma jistax jintrabat ma' data biex ilesti r-rapport tiegħu iżda dan ikun lest fl-iqsar żmien possibli.