Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni miżmuma milli jidħlu Malta

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18982, jista' il-Viċi Prim Ministru jġħid jekk itteħdux passi kontra dawk li pprovaw jidħlu Malta b'xi dokument falz? Kemm kien hemm minn dawn il-każi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kien hemm 19-il persuna ta' nazzjonalita' barranija li mal-wasla tagħhom f'Malta instab li kellhom xi dokument falsifikat. Dawn kollha ntbagħtu lura immedjatament.

Postijiet ta' Divertiment — Tfal taħt l-Eta'

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18245, peress li l-pulizija għandha poteri li tgħalaq postijiet li jkunu ddaħħlu tfal taħt is-16-il sena f'postijiet ta' divertiment, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex dan ma jsirx speċjalmnet meta jkun hemm sidien li kontinwament jiksru din il-liġi? Kemm-il post ta' divertiment ingħalaq immedjatament mill-pulizija fl-2005 u s'issa din is-sena minħabba li ddaħħlu tfal taħt l-eta'? F'liema lokalitajiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond ir-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment, (Avviż Legali 124/95), meta tinsab xi persuna li ma tkunx għalqet is-sittax-il sena f'lokalita' ta' divertiment, u meta l-proprjetarju jinsab ħati, hija l-Qorti, fil-każ tat-tieni reat jew reat ieħor sussegwenti u fuq talba tal-prosekuzzjoni, li tista' tissospendi l-liċenzja relattiva. Infurmat ukoll illi matul is-sena 2005 kien hemm stabbiliment wieħed ġewwa Wied il-Għajn li kellu l-liċenzja hekk sospiża, filwaqt li matul din is-sena, s'issa, kien hemm tlett stabbilimenti, wieħed f'Wied il-Għajn u tnejn f'San Ġiljan.

Ċittadini Russi/Ukrejni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti informazzjoni kemm daħlu ċittadini ta' nazzjonalita' Russa u mill-Ukrajna f'Malta xahar b'xahar din is-sena? Kemm minnhom kienu nisa? Dawn daħlu kollha bħala turisti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni ta' nazzjonalita' Russa u Ukrajna li daħlu Malta matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kienu kif jidher hawn taħt: Xahar Russi Ukreni Jannar 859 173 Frar 1,347 141 Marzu 883 175 April 2,698 308 Infurmat ukoll illi tagħrif dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ma jinżammx taħt forma ta' statistika.

ETC — Impjegi Illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fl-ewwel erba' xhur tas-sena li nqabdu jaħdmu meta ma kellhomx permess jagħmlu dan? Kemm kienu barranin u minn fejn kienu? Liema xogħol kienu qed jagħmlu? Ittieħdu passi kontra min kien qed jimpjegahom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk: 2006 Haddiema li nstabu jahdmu minghajr ma nfurmaw l-E.T.C. Haddiema Barranin Tip ta' Xoghol / Nazzjonalita Jannar 373 28 14 – kostruzzjoni – Libja / Eritrea / Congo / Ivory Coast / Indja 3 – tindif u skart – Ukrajna / Somalia 3 – industrija – Egittu / 5 – kummerc – Ukrajna / Polonja 3 – catering – Bulgarija / Frar 237 14 11 – kostruzzjoni – Bulgarija / Libja / Nigerja 3 – catering – Marokk / Bulgarija Marzu 109 5 5 – kostruzzjoni – Bulgarija / Palestina April 173 16 10 – catering – Cina / Indja / Libja / Bulgarija / Ingilterra 5 – kostruzzjoni – Libja 1 – industrija - Eritrea Fil-każijiet fejn il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ issib persuni barranin jaħdmu mingħajr il-permess meħtieġ, il-Korporazzjoni tgħaddi l-informazzjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija u tieħu l-passi legali kontra min iħaddem. Fil-każijiet l-oħra, il-Korporazzjoni tinforza li timtela l-formola ta’ Bidu ta’ Impjieg u multa amminstrattiva ta’ Lm25. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Korporazzjoni tmexxi l-każ għall-Qorti.

Impjegati Barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il permess inħareġ ta' xogħol f'dawn l-aħħar erba' xhur għall-barranin biex jaħdmu Malta? Għal liema xogħol? Ta' liema nazzjonalita' kienu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' permessi ta' xogħol li nħarġu bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' April lill-barranin biex jaħdmu f'Malta kien ta' 2226. Lista tan-nazzjonalita' u lista tat-tip ta' xogħol ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ETC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li nqabdu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel erba' xhur tas-sena? X'kien ix-xogħol li kienu qed jagħmlu? X'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta’ persuni li nqabdu jaħdmu minn Jannar sa April ta’ din is-sena, waqt li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol, kien ta' 80 li nqabdu jaħdmu fil-catering, kummerċ, industrija, kostruzzjoni, tindif u skart, trasport u servizzi. F’kull każ, il-persuna ġiet imwaqqfa immedjatament mir-reġistrar u benefiċċji soċjali, jekk kien il-każ, filwaqt li bdew jittieħdu passi kontra minn ħaddimhom, mingħajr ma nforma lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.

Importazzjoni ta' Petrol u Diesel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il litru petrol u diesel separatament ġew importati fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Kemm ġie kkonsmat mill-poplu Malti u Għawdxi fl-istess żmien? Kif jikkompara ma' l-istess xhur tas-sena li għaddiet?

Response (GATT, AUSTIN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta' natura kummerċjali, għaldaqstant ma tistax tingħata.

Wied il-Għajn — Engineered Landfill

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-istrateġija tal-gvern hija li f'Wied il-Għajn, mhux biss l-impjant tar-riċiklaġġ, se jinbena imma li wara ċertu sena se jinbena wkoll permezz ta' fondi mill-Unjoni Ewropea, inċineratur li se jaħraq aktar minn 130,000 tunnellata ta' dirty waste u engineered landfill li tibda tintuża wara li tingħalaq dik ta' l-Għallies fl-2013? F'każ li ma tikkonfermax dan, tista' tgħid x'qed jgħidu u xi jfissru dokumenti u rapporti li hemm quddiem l-Unjoni Ewropea u l-istess MEPA f'dan ir-rigward? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-gvern fil-futur qarib jew aktar 'il bogħod jieħu l-barriera ta' Wied iż-Żiju, limiti taż-Żejtun, sabiex din tintuża bħala engineered landfill?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Le, il-Gvern m’għandu l-ebda ħsieb li ġewwa Wied il-Għajn ikun hemm inċineratur u/jew engineered landfill. Għaldaqstant, mhux ċar għal liema rapporti l-Onor. Interpellant qed jirreferi. Le, il-Gvern m’għandu l-ebda ħsieb li jieħu l-barriera ta’ Wied iż-Żiju, limitri taż-Żejtun, sabiex din tintuża bħala engineered landfill. Ta’ min igħid li din il-barriera kienet ġiet identifikata minn konsorzju privat fl-2000 biex tiġi żviluppata f’landfill, iżda din il-proposta ma ġietx ikkunsidrata aktar għax il-Gvern identifika l-Għallies bħala s-sit preferut għal din il-faċilità.

Wied il-Għajn — Barriera ta' Wied iż-Żiju

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux minnu li l-gvern ħa jew qed jieħu passi biex jieħu f'idejh il-barriera ta' Wied iż-Żiju, f'Wied il-Għajn li tinsab qrib l-impjant ta' Sant'Antnin? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-iskop għal dan l-akkwist? Jikkonferma jekk fil-fatt il-permess tal-barriera msemmija ġiex estiż? Jekk fl-affermattiv, għal kemm-il sena ġie estiż u jekk il-kunisll lokali konċernat ġiex ikkonsultat qabel l-estensjoni? Fi kwalunkwe każ, jekk il-kunsill lokali konċernat ġiex ikkonsultat dwar il-ħsebijiet tal-gvern jew tal-Wasteserv dwar il-barriera msemmija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Gvern ma ħa, jew mhux qed jieħu l-ebda passi biex jieħu f'idejh il-barriera ta' Wied iż-Żiju, f'Wied il-Għajn li tinsab qrib l-impjant ta' Sant'Antnin. Din il-barriera kienet ġiet identifikata minn konsorzju privat biex tiġi żviluppata f'landfill, iżda din il-proposta ma ġietx ikkunsidrata aktar għax il-Gvern identifika l-Għallies bħala s-sit preferut għal din il-faċilità. Il-permess tal-estensjoni tal-barriera tal-qawwi HM 08 Wied iż-Żiju, Żejtun hu PA 3952/97, maħruġ nhar is-17 ta' Mejju, 2000. Hemm permess ieħor fuq il-fond mal-konfini tal-barriera kollha PA 5901/00 maħruġ nhar it-30 ta' Novembru, 2005 għal perjodu ta' sena u li jieħu post il-permessi li nħarġu fuq dan is-sit qabel din id-data. Il-Kunsill taż-Żejtun ġie kkonsultat rigward dan l-iżvilupp.

Protezzjoni Ċivili — Army Surplus

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-protezzjoni ċivili għand l-Army Surplus tal-Mosta matul dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid ukoll kemm minn dan ix-xiri sar b'direct order u kemm sar b'purchase order normali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-flus li ntefqu għand l-Army Surplus fuq materjal li inxtara mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili matul is-sena 2005 u l-2006 kienu hekk:- 2005 - Lm5,123.40 (ħamest elef, mija u tlieta u għoxrin lira, u erbgħin ċenteżmu). 2006 - Lm1,111.25 (elf, mija u ħdax il-lira u ħamsa u għoxrin ċenteżmu). Kull ħlas sar permezz ta' Local Purchase Order.

Eżamijiet tas-SEC

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fl-eżami tas-SEC ta' l-Ingliż, Paper 2A fit-tieni comprehension jidher li kien hemm żball li seta' ħawwad l-istudenti? Jikkonferma li fit-tieni mistoqsija ta' TRUE or FALSE hemm miktub The Prince is next to the throne meta jidher li suppost hija The Prince is next in line to the throne? Jekk dan huwa żball, dawk li jikkoreġu se jagħtu kas ta' dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-eżami ta' l-Ingliż Paper 2A it-tieni comprehension kienet fuq il-Prinċep William ta' l-Ingilterra u t-tieni sentenza hija, "The 23-year-old Prince, who is second in line to the British throne, is at Sandhurst on a 44-week course." Il-mistoqsija 2(b) ta' True or False hija, "Prince William is next to the throne. ( ) .......". F'dan il-kuntest, l-istudenti ma tħawwdux bil-mistoqsija u ħadd mill-eżaminaturi, li s'issa mmarkaw mijiet ta' karti, ma rraporta li xi student ħasbu li next to qed tintuża bħala preposition of place. F'każ li jiġri dan, l-eżaminaturi ntalbu biex jikkonsidraw it-tweġiba bħala korretta.

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18243 u jgħid: Fit-tieni term ta' din is-sena skolastika, jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-persentaġġ ta' assenteiżmu mill-iskejjel ta' l-istat, primarji u sekondarji? Jista' jgħid ukoll liema skola tal-bniet u tas-subien li l-aktar kien hemm persentaġġ għoli ta' studenti assenti? F'liema skejjel kien l-aktar baxx?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li kienu assenti f'xi ġurnata jew aktar mit-tieni term ta' din is-sena skolastika mill-iskejjel ta' l-Istat, primarji u sekondarji hu kif ġej:- Primarji Bniet u Subien - 846 (Total ta' studenti 17,934) Sekondarji Bniet - 1,236 (Total ta' studenti 9,079) Subien - 1,886 (Total ta' studenti 8,970) Ma jidhirlix li jkun ta' xi ġid li nisvela l-iskejjel fejn kien hemm l-akbar jew l-anqas numru ta' studenti li assentaw ruħhom minn dawn l-iskejjel, għalkemm m'għandix diffikulta' ninforma l-Onor. Membru kunfidenzjalment.

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18244 u jagħti l-figuri ta' studenti li kienu assenti mingħajr raġuni valida mill-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti separatament? Jista' jgħid ukoll liema kienu l-aktar skejjel fejn kien hemm assenteiżmu u fejn kien lanqas?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li kienu assenti f'ġurnata jew aktar mill-Iskejjel tal-Knisja kien hekk :- Skejjel Primarji - 3092 Skejjel Sekondarji - 3701 Informat ukoll li n-numru ta' studenti li kienu assenti mill-Iskejjel Indipendeti kien hekk :- Skejjel Primarji - 763 Skejjel Sekondarji - 532 Ma jidhirlix li jkun ta' xi ġid li nisvela l-iskejjel fejn kien hemm l-aktar jew l-anqas numru ta' studenti li assentaw ruħhom minn dawn l-iskejjel, għalkemm m'għandix diffikolta' ninforma l-Onor. Membru kunfidenzjalment.

Wied il-Għajn — Studenti universitarji - servizz ta' trasport

Question

Jista' il-MInistru jara li tiġi rranġata s-sitwazzjoni tat-trasport li jiġi provdut lill-istudenti li jattendu l-Universita' ta' Malta u li joqogħdu Wied il-Għajn, minħabba li dawn għandhom karozza waħda biss li tinżel għalihom Wied il-Għajn u li hija l-ewwel waħda, u lura mill-Universita' it-trasport provdut qed iwaqqafhom f'Ħaż-Żabbar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi huwa minnu li l-karozza tal-linja li tkun ġejja mill-Universita' lejn Ħaż Żabbar iwaqqaf il-passiġieri li jridu jmorru Wied il-Għajn f'Ħaż Żabbar. Wieħed iżda għandu jinnota li hemmhekk ikun hemm karozza oħra tistenna biex tieħu l-passiġieri Wied il-Għajn u dan bl-istess biljett tal-karozza ta' Ħaż Żabbar jiġifieri il-passiġieri jħallsu noll wieħed.
Leg 10 PQ #18994 Sitting 384 2006-05-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Attivitajiet kulturali

Question

Filwaqt li l-gvern għandu jgħin lil min jorganizza attivitajiet kulturali, inkluż lil dawk l-enti li jġibu kantanti u gruppi hawn Malta, jista' il-Ministru jgħid jekk teżistix xi policy dwar dan u kif jingħataw dawn l-għajnuniet? Jekk le, jaħsibx li wasal iż-żmien, ħalli anke ninċentivaw lil dawn il-kumpanniji jkomplu jorganizzaw dawn it-tip ta' attivitajiet, li jkollna policy ċara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jikkonsidra kull talba li ssirlu għall-għajnuna minn entitajiet li jġibu kantanti u gruppi barranin. Il-politika tal-Gvern hi li fil-limiti ta' l-budget available u skond in-natura tal-attivita' proposta jgħin lill-dawn l-entitajiet sakemm l-attivita' tgħin lit-turiżmu jew tkun ta' valur kulturali.

Skejjel — Spejjeż

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-ispejjeż il-ġodda li għaddew għand l-iskejjel u ma kienux qed iħallsuhom l-iskejjel matul din l-aħħar sena? Jista' jgħid ukoll kemm żdied il-budget allokat għall-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul l-aħħar sena ma kienx hemm spejjes ġodda li għaddew għand l-iskejjel. Il-budget mgħoddi lill-iskejjel għal materjal, provvisti, tiswija u manteniment ordinarju ta' kuljum din is-sena huwa ta' LM 908,000.

Billboards

Question

Jista' il-Minsitru jgħid kemm saru billboards mill-ministeru jew minn xi ente jew dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' ġentilment jagħti din l-informazzjoni separata għal kull ente u skond is-sena? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa għalihom u x'kien l-iskop fil-qosor għat-twaħħil ta' dawn il-billboards?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Prim Ministru, anke bħala Kap tal-Gvern, jgħid kemm ħadet flus Malta mill-Unjoni Ewropea f'dawn l-ewwel sentejn tas-sħubija u kemm ġew minfuqa minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #18991 Sitting 383 2006-05-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħadet fondi mill-Unjoni Ewropea Malta f'dawn l-ewwel sentejn ta' sħubija għall-Kultura

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.