Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #19354 Sitting 392 2006-05-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Eurovision song festival

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus sabiex Malta ħadet sehem fil-Eurovision song festival li sar f'Ateni, inkluż spejjeż li saru minn wara l-għażla tal-kanzunetta rebbieħa fil-festival li sar f'Malta sal-parteċipazzjoni f'Ateni? Jista' jagħti l-ispejjeż li ġew minfuqa separatament? Jista' jgħid ukoll min tela' ġewwa Ateni bħal parti mill-kontinġent Malti li akkumpanja lill-kantant tagħna? Min iddeċieda li jitla' u lil min kienu qed jirrappreżentaw?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

Għalliema — Abbuż fuq it-tfal

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema li matul dawn l-aħħar tlett snin instabu ħatja ta' abbuż fuq tfal? Jista' jgħid ukoll jekk dawn l-istess għalliema għadhomx igħallmu jew le? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid x'sar minnhom? Jista' jgħid jekk hemmx każi pendenti quddiem il-qrati ta' għalliema li huma akkużati fuq vjolenza jew abbuż fuq it-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'dawn l-aħħar 3 snin kien hemm 5 għalliema li nstabu ħatja ta' abbuż fuq tfal. Dawn l-għalliema m'għadhomx jgħallmu. Informat ukoll li l-ħames għalliema tneħħilhom il-Warrant Permanenti.

Każ dwar is-servizz ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta se ssir il-komunikazzjoni ġdida għas-servizz ta' l-ilma li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament minħabba li jidher li ilha pendenti għal madwar sitt xhur?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li din l-applikazzjoni kienet għal servizz ta' l-ilma f'kamra rurali barra mill-iskema tal-bini u għalhekk damet aktar mill-applikazzjonijiet normali biex tiġi pproċessata. It-talba għall-ilma issa ġiet milqugħa u s-servizz għandu jiġi nstallat fil-ġranet li ġejjin.

Adult Training Centres

Question

Tista' il-Ministru tinformana jekk iċ-ċentru tal-catering ta' l-ATCs li qiegħed f'Wied il-Għajn hux se jingħalaq meta l-ATCs jiġu parti mill-fondazzjoni għall-ħarsien soċjali? Jekk iva, x'arranġament se jsir minn din il-fondazzjoni biex il-persuni b'diżabilita' li jattendu fl-ATCs jibqgħu jingħataw is-servizz ta' platt sħun f'nofsinhar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-Dibattitu Parlamentari dwar l-Estimi tal-Ministeru tiegħi għal din is-sena, fejn jien esprimejt il-qbil tiegħi mas-suġġeriment tal-kelliemi minn naħa ta’ l-Oppożizzjoni fl-istess dibattitu li wasal iż-żmien li wieħed jaħseb dwar l-utilizzar tal-flus ivvutati għall-mid-day meals f’dawn iċ-Ċentri. Jiġifieri, li wieħed irid jara x’inhu l-aktar importanti, jekk hux il-provediment ta’ l-ikel jew l-użu ta’ dawn il-flus jew parti minnhom biex jingħata servizz ta’ professjonisti li iktar jagħmlu ġid lill-klijenti. F’dan ir-rigward, inħoss li l-preparazzjoni tal-kolazzjon għandu jifforma parti integrali mill-programm li jsegwu l-klijenti biex jagħtihom opportunita’ li jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw direttament fix-xiri tal-materjal u l-preparazzjoni ta’ l-ikel. Meta tiġi implimentata din is-sistema ma jkunx hemm aktar lok ta’ kċina ċentralizzata għaċ-Ċentri kollha, iżda kull Ċentru jkollu l-faċilita li l-kolazzjon jiġi preparat bil-parteċipazzjoni tal-klijenti rispettivi.

Skejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-istudenti matul dawn l-aħħar tliet snin, jiġifieri mis-sena skolastika 2002-2003 sal-lum separatament, li talbu li jispiċċaw mill-iskola qabel l-eta' obbligatorja? Kemm minn dawn it-talbiet ġew aċċettati? X'kienu r-raġunijiet għal dawn il-każi? X'kienu l-etajiet tagħhom u f'liema skejjel kienu jattendu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta’ studenti li talbu, u li ġew aċċettati, li jispiċċaw mill-iskola qabel għalqu l-età obbligatorja ta’ 16-il sena u li ma kienux spiċċaw l-iskola sekondarja, kien:- 2002/2003 64 (43 minnhom ta’ aktar minn 15 il-sena u 8 xhur) 2003/2004 52 (35 “ “ “ “ ) 2004/2005 43 (34 “ “ “ “ ) 2005/2006 (sat-22/05/06) 28 (20 “ “ “ “ ) Informat ukoll li fil-biċċa l-kbira r-raġunijiet kienu biex jaċċettaw opportunità tax-xogħol, u fi ftit każijiet għaliex kien hemm bżonn l-għajnuna tagħhom fid-dar. Kull każ ikun ġie investigat u assessjat individwalment mit-Taqsima tal-Ħaddiema Soċjali fl-iskejjel.
Leg 10 PQ #19229 Sitting 391 2006-05-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Organizzaturi

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18993 u jgħid kemm ingħataw flus lill-organizzaturi li ġabu xi kantant jew grupp matul is-sena 2005 minn xi struttura jew oħra li taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru, taħt xi nefqa jew oħra, b'isem jew ieħor?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li matul l-2005 l-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta tat dawn l-isponsorships: Lm 373. 97 lill-organizzatturi tal-kunċert ta' Andrew Lloyd Webber; Lm 500 lis-Sliema Band Club sabiex ġabu lis-soprano Taljana Eva Zampieron; Lm 3,500 lill-PRES li ġabu f'Malta lill-grupp Australian Pink Floyd .

Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18992 u jgħid kemm ħadet fondi mill-Unjoni Ewropea Malta f'dawn l-ewwel sentejn ta' sħubija fil-qasam ta' l-isport?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fejn jidħlu fondi, l-Unjoni Ewropea m'għandhiex programmi jew inizjattivi speċifiċi għall-isport. Fil-fatt il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja waqqfet il-programm 'Eurathlon', li kien qed jiġi attwat bejn l-1995 u l-1998, u li kien qed jagħti għajnuna lill-avvenimenti sportivi, għar-raġuni li ma kienx hemm bażi legali biex dan il-programm jiġi ffinanzjat mill-budget. Madankollu attivitajiet sportivi jistgħu jiġu indirettament finanzjati taħt proġett b'temi jew għanijiet li jaqgħu taħt xi wieħed mill-programmi diversi bħal: il-programm 'Leonardo da Vinci', li għandu l-għan li jħarreġ ċittadini fil-qasam vokazzjonali; il-programm 'Socrates', li huwa l-Programm Ewropew għall-Edukazzjoni u l-'Youth Programme' Organizzazzjoni sportiva Maltija bbenefikat minn fondi bħal dawn aktar kmieni din is-sena meta ntlaqgħet l-applikazzjoni tagħha biex tkopri spejjeż marbuta ma' taħriġ għall-'coaches' Maltin fl-Ingilterra u b'hekk ser tirċievi EUR 8,100. Ta' min isemmi wkoll li għaqdiet Maltin qegħdin jibbenefikaw minn inizjattivi mtella fuq bażi aktar wiesa minn organizzazzjonijiet f'pajjiżi membri oħra ta' l-Unjoni Ewropea. Qed nirreferi għall-organizzazzjonijiet bħall-Malta Volleyball Association' u l-Kumitat Olimpiku Malti li ġew inklużi f'inizjattivi mtella minn organizzazzjonijiet bbażati f'Reggio Calabria u Padova. L-EUPU iltaqa' wkoll mal-Kunsill Malti għall-Isport biex jagħrfu kif jista' jibbenefika minn dawn il-fondi.

Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18990 u jgħid ukoll kemm mhux se jintnefqu minnhom, anke bħala persentaġġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Malta ġiet allokata total ta’ 110.56 miljun Euro taħt diversi Fondi li jinkludu l-Fondi Strutturali, l-Fond ta’ Koeżjoni, l-Fond ta’ Transizzjoni u l-Fond ta’ Solidarjeta’. Il-Fondi kollha huma kollha kommessi fi proġetti u minn dawn intefqu s’issa 23 miljun Euro. Malta ġiet allokata 26. miljun Euro oħra taħt is-sezzjoni tal-Garanzija tal-Fond ta’ l-Agrikoltura. Minn dawn intefqu s’issa 9.16 miljun Euro. Malta ħadet ukoll 26.1 miljun Euro taħt diversi inizjattivi u programme Komunitarji (bħall-programmi ta’ l-edukazzjoni, tal-kultura, tar-riċerka u oħrajn). Minn dawn intefqu s’issa 7.2 miljun Euro. Il-perjodu ta’ implimentazzjoni tad-diversi Fondi u programme jvarja minn programm għall-ieħor u jestendi ta’ xi wħud mill-programmi sa l-2009. L-infiq li sar s’issa jirraprezenta l-ewwel fażi ta’ pagamenti ta’ xi wħud mill-programmi. Barra mill-ammonti li semmejt, Malta ħadet 261.23 miljun Euro oħra bħala lump sum/budgetary compensation li minnhom daħlu s’sisa 201.5 miljun Euro fil-Fond Konsolidat. Fil-perjodu konċernat daħlu wkoll 9.4 miljun Euro fil-Fond Konsolidat mill-Fondi ta’ Qabel is-Sħubija (Pre-Accession Funds). Dawn il-flus kienu allokati lil Malta fi proġetti qabel is-sbuħija fejn, pero’, il-pagamenti jibqgħu għaddejjin skond il-perjodu t’implimentazzjoni tal-programm. L-għan tal-Fondi Ewropej hu li l-flus jintefqu għall-iżvilupp tal-pajjiż. Għalkemm il-Fondi li ħadet Malta fl-aħħar sentejn u l-programmi u l-proġetti marbutin magħhom għadhom fi stadju ta’ implimentazzjoni, hu l-għan tal-Gvern u ta’ l-agenziji kollha (kemm dawk Governattivi kif ukoll dawk li ġejjin mis-soċjeta’ ċivili u privati) li l-flus jintefqu tajjeb u fil-ħin.
Leg 10 PQ #19232 Sitting 391 2006-05-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18991 dwar fondi mill-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Universita' ta' Cambridge — Eżamijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ċentri f'Malta li jorganizzaw l-eżamijiet ta' l-Universita' ta' Cambridge, magħrufa bħala IGCSE? Kemm hemm studenti, subien u bniet, li qed joqogħu għal dawn l-eżamijiet li qed isiru bħalissa? Jista' jgħid ukoll kemm qed joqogħdu għal kull suġġett offrut? Ikun hemm sorveljanza tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex ikun żgurat li kollox jimxi kif suppost?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kulleġġ St Edwards

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm spiċċaw ħaddiema mill-Kulleġġ St Edwards, kemm minħabba sensji, jew għax telqu minn jeddhom, jew għax irtiraw minħabba l-eta', u dan kemm fl-aħħar tas-sena skolastika 2004/05 u kemm s'issa matul din is-sena skolastika? Jista' jara għaliex qed jiġru dawn l-affarijiet? Jaf li kien hemm għalliema li din is-sena telqu wara biss ftit ġimgħat ta' tagħlim, bħalma kienu l-każi ta' għalliema tal-Malti u tal-matematika fit-taqsima sekondarja ta' l-iskola? Jaf li għalliema ngħata s-sensja minkejja li ftit xhur ilu ngħata l-kariga ta' kap tad-dipartiment ta' l-Ingliż fl-istess skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-sena 2004-2005 żewġ għalliema telqu mill-Kulleġġ St Edwards għax riedu jiċċaqalqu minn jeddhom fi skola oħra filwaqt li għalliem ieħor irtira minħabba li laħaq l-eta' tal-pensjoni. Tnax-il għalliem full-time ġew dikjarati 'redundant' u minn dawn, ħamsa ġew offruti xogħol fuq bażi part-time u tnejn minnhom irrifjutaw. F'din is-sena skolastika 2005-2006, ġew affettwati żewġ redundancies. Wieħed mill-għalliema ġie offrut xogħol part-time iżda dan irrifjutaħ. Għalliem ieħor intemmlu l-impjieg waqt il-probation period. F'din is-sena skolastika 2005-2006, numru ta' għalliema telqu mill-kulleġġ St Edwards wara ftit ġimgħat (tard Settembru 2005/bidu ta' Ottubru 2005) għaliex għażlu li jmorru jaħdmu fl-iskejjel statali peress li xi placements ta' l-għalliema ħarġu ftit wara li bdiet is-sena skolastika. Informat ukoll li l-persuna li qed tokkupa l-kariga ta' Kap tad-Dipartiment ta' l-Ingliż għadha ma ngħatatx sensja iżda ġiet infurmata li x-xogħol tagħha ser jintemm fuq bażi ta' redundancy fl-aħħar ta' din is-sena skolastika (2005-2006).

Paceville — Persuni taħt l-eta'

Question

Wara li rċevejt numru ta' ilmenti minn nies adulti li jmorru Paceville tard filgħaxija fi tmiem il-ġimgħa, kif il-pulizija m'hu qed tagħmel xejn meta tara numru ta' żgħażagħ ta' l-etajiet ta' 14 u 15-il sena mitfugħa fis-sakra fl-art, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'għandu jkun ix-xogħol tal-pulizija f'każi bħal dawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għalkemm il-bejgħ ta' alkoħol lill-persuni taħt is-sittax il-sena huwa reat, il-konsum ta' alkoħol minn persuni ta' din l-eta' mhux. Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed tagħmel ħilitha sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm tali konsum, speċjalment f'lokalitajiet fejn ikun hemm konċentrazzjoni ta' żagħżagħ, billi fejn jiġu osservati żagħżagħ li jkunu qed jixorbu l-alkoħol, dawn ikunu mitkellma sabiex isir magħruf minn fejn ikun inkiseb l-alkoħol. Jekk ikun il-każ, tingħata wkoll assistenza meħtieġa. Pero' bħal ma naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija trid topera fil-parametri tal-liġi.

Studenti tal-Form 5 — Parties

Question

Issa li waslet biex tispiċċa s-sena skolastika, jista' il-Viċi Prim Minstru jgħid x'jista' isir ħalli l-pulizija tkun tista' tagħmel sorveljanza fejn se jsiru l-parties organizzati minn studenti tal-Form 5, ħafna drabi mhux taħt l-awspiċi ta' l-iskola konċernata? X'jista' isir ħalli ma jsirx konsum ta' alkaħol fejn mhux suppost u li anke ma jkunx hemm konsum ta' droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kull disco, ballu, żfin jew xi attivita' oħra bħal dik li jsiru f'postijiet mhux liċenzjati bħala post ta' divertiment, jinħtieġu il-permess mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija. Il-kondizzjonijiet li marbuta ma' dawn il-liċenzji, jinkludu wkoll li jrid ikun hemm preżenza ta' membri tal-Korp tal-Pulizija, sabiex jissorveljaw l-andament ta' l-attivita'. Infurmat ukoll illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet f'postijiet meta tkun taf li ser isiru xi parties bħal dawn f'postijiet liċenzjati bħala lokalitajiet ta' divertiment u għaldaqstant ma jkunx meħtieġ permess espressament għal dik l-attivita'.

Adult Training Centres

Question

Tista' il-Ministru tinformana kemm kienu dawk l-impjegati li ma baqgħux jaħdmu fl-adult training centres matul is-sena l-oħra minħabba raġunijiet differenti? X'kienu l-grades tagħhom, ngħidu aħna care workers, support workers, etc.? Kemm daħlu mpjegati ġodda fl-ATCs minflokhom is-sena l-oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li matul l-2005 kien hemm 12 il-ħaddiema li ma baqgħux jaħdmu fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum għal Persuni b'diżabilita'. Il-gradi tagħhom kienu: 5 Care Workers 3 Support Workers 2 Watchmen 1 Senior Tradesman 1 Braille instructor Ninsab infurmata wkoll li matul l-istess sena ma daħal ebda mpjegat ieħor flokhom, iżda din is-sena mtela l-post ta' braille instructor fuq bażi part-time.

Adult Training Centres

Question

Tista' il-Ministru tindika jekk hux se jiġi mpjegat support worker ieħor fl-ATC ta' Swatar wara li rriżenjat support worker minn dan iċ-ċentru? Jekk le, għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif kelli okkazzjoni ngħid fi Tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti, bħalissa għaddej proċess biex ir-responsabbilta' taċ-Ċentri għal Matul il-Jum għal persuni b'diżabilita' tgħaddi taħt il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali. Parti minn dan il-proċess ser jinkludi eżercizzju biex jiġu determinati l-ħtiġijiet ta' dawn iċ-Ċentri, inkluż ir-riżorsi umani. Għalhekk mhux il-waqt li jiġu rimpjazzati mpjegati b'mod awtomatiku.

Persuni Homeless

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk tinżammx statistika ta' kemm-il persuna hija kklassifikata bħala mingħajr dar (homeless) u li qed tgħix barra t-triq? Jekk iva, tista' tagħti l-informazzjoni rilevanti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ebda Dipartiment jew entita’ li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi ma jżommu statistika li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.

Djar Substandard

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk tinżammx statistika dwar kemm-il dar hija kkonsidrata bħala substandard? Kemm-il familja qed tgħix f'din it-tip ta' dar? F'liema lokalitajiet jinsabu? X'għajnuna tingħata mill-Awtorita' tad-Djar biex dawn il-postijiet jitqiegħdu fi stat aktar diċenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għalkemm ebda Dipartiment jew entita’ li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi ma jżommu statistika kif mitluba fl-Ewwel Parti tal-Mistoqsija ta’ l-Onor. Interpellant, ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 108 applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva minn persuni f’postijiet substandard. Ninsab infurmata wkoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #19112 Sitting 389 2006-05-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Timeshare

Question

Minħabba li ta' sikwit qed jidhru fil-gazzetti bl-Ingliż dwar imġieba xejn dekoruża ta' nies li jbigħu t-timeshare, jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa, u dan wara li xi xhur ilu għedt li kont se tieħu l-passi meħtieġa biex tikkontrolla l-mod kif joperaw? Fil-fatt x'sar? Kemm daħlu lmenti l-ministeru minn Ġunju, 2005 sal-lum dwar dawk li jbigħu t-timeshare? Ittieħdu xi passi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li minn Ġunju 2005 sa nofs Mejju 2006 daħlu l-Ministeru u għand l-Awtorita' tat-Turiżmu 77 ilment fuq l-imġieba ta' min jippromovi t-timeshare. Fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu ppublikati ir-regolamenti neċessarji sabiex isir aktar kontroll fuq dawk li qed jikkaġunaw dawn l-ilmenti.

Entratura tal-Belt Valletta

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18642 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jittieħdu xi passi biex tissebbah l-entratura tal-Belt Valletta biex tidher aktar attraenti kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħol fuq l-entratura tal-Belt Valletta jifforma parti mill-proġett tas-sit tat-Teatru Irjal, liema proġett għadu qiegħed jiġi kkunsidrat mill-Gvern. Sakemm dan isir m'hemm l-ebda ħsieb li jsiru xi spejjeż kbar fuq dan is-sit jew madwaru. Dan ma jfissirx iżda li m'hemmx skop ta' titjib fl-inħawi li wieħed jista’ jagħmel.

Għawdex — Studji Turistiċi

Question

Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18288 dwar xogħlijiet f'Għawdex marbuta ma' l-istudji turistiċi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 17855, ngħarraf lill-Onor Interpellant illi ntefgħu tliet offerti għall-proġett imsemmi. Dawn l-offerti kienu hekk: KERC JV Lm173,990.02 Gatt Tarmac Ltd Lm182,761.93 Vella Bros Ready Mix Ltd Lm172,469.55