Legislature:
Category:
Reset
Active:

AFM — Immigranti Illegali

Question

Minħabba li fl-aħbarijiet fuq ir-RAI 2 nhar il-Ħadd 21 ta' Mejju, 2006 intqal li l-forzi armati Maltin ma tawx għajnuna lil grupp ta' immigranti illegali li għaddew minn ibħra territorjali tagħna u tħallew sejrin lejn Lampedusa, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ilment mill-awtoritajiet Taljani dwar dan u x'kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Malti għal dak li ntqal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li ma kien hemm l-ebda ilment min-naħa ta’ l-awtoritajiet Taljani rigward dak li ġie rraportat fuq l-istazzjon imsemmi.

Bini/monumenti grade 1

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema hu l-bini, monumenti eċċ. li huma skedati bħala ta' l-ogħla grad (grade 1)? F'dawn l-aħħar ħames snin, mill-1 ta' Jannar, 2001, kien hemm xi bini/monument eċċ. li ġie mneħħi minn grade 1? Jekk iva, liema kienu u għaliex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ta’ min jgħid li l-lista kompluta ta' proprjetajiet skedati hija aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit ta’ l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) : www.mepa.org.mt. Ma kien hemm l-ebda bini, monument, eċċ. li ġie mneħħi minn grade 1.

Bini/monumernti grade 2

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huwa l-bini/monumenti eċċ. li huwa skedat bħala grade 2? Mill-1 ta' Jannar, 2001 kien hemm minnhom li tneħħa minn din il-klassifikazzjoni? Jekk iva, liema u għaliex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ta’ min jgħid li l-lista kompluta ta' proprjetajiet skedati hija aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit ta’ l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) : www.mepa.org.mt. Mill-2001 ‘l hawn, l-unika proprjetá li ġiet descheduled hi Alcazar li kienet fi Triq il-Ponta ta' Dragut, Tas-Sliema, u li kienet skedata bħala Grade 2 minħabba l-valur arkitettoniku tagħha.

Skejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi skejjel tal-gvern, indipendenti u tal-knisja li huma b'xi mod skedati minħabba l-wirt storiku u/jew arkitettoniku jew għal xi raġuni oħra? Liema huma?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-iskejjel skedati f'Malta u Għawdex huma dawn li ġejjin: - Oriġinarjament mibnijin bħala skejjel: 1. L-iskola tal-Gvern ta' Tas-Sliema li qegħda fil-blokk iffurmat minn Triq Depiro, Triq Nicolo' Isouard, Triq Blanche Huber u Triq Melita bħala ta' Grad 2 minħabba l-valur arkitettoniku tagħha. 2. L-iskola tal-Gvern ta' Ħal Tarxien fi Triq l-Iskola bħala ta' Grad 2 minħabba l-valur arkitettoniku tagħha. 3. L-iskola u l-kwartieri ġenerali fi Triq id-Difiża Ċivili, l-Mosta, bħala ta' Grad 1 minħabba l-valur kuntestwali tagħha. Oriġinarjament mibnijin bħala djar jew barracks: 1. Alcazar Skola ta' Sbuħija (li issa tifforma parti mill-MCAST) fi Triq Rudolph tas-Sliema bħala ta' Grad 1 minħabba l-valur arkitettoniku (iddisinjata minn Sir Emm. Luigi Galizia u simili għall-proprjetajiet ta' maġenbha). Din il-binja kienet oriġinarjament dar. 2. Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Bajja ta' San Ġorġ, San Ġiljan, bħala ta' Grad 2 minħabba l-valur storiku, arkitettoniku u kuntestwali. Orinġinarjament dan il-bini kien Married Quarters Barracks tas-Servizzi Ingliżi. 3. St Andrews Army Children's School fi Triq Sant' Andrija kantuniera ma’ Triq Falaise f'Pembroke bħala ta’ Grad 1 minħabba l-valur storiku u kuntestwali tagħha. 4. Barrack Block A fi Triq Alamein f'Pembroke bħala ta' Grad 1 minħabba l-valur arkitettoniku, storiku u kuntestwali tagħha.

Studenti Barranin

Question

Issa li dalwaqt wasal is-sajf u b'hekk ikollna influss akbar ta' studenti barranin fosthom ta' studenti li jiġu biex jitgħallmu l-Ingliż, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux se ssir xi ħaġa mill-awtoritajiet biex jissaħħaħ il-kontroll fil-postijiet tad-divertiment? Hemm xi ħsieb li l-kumitat li twaqqaf ħames xhur ilu biex jara fost l-oħrajn li jirrivedu ċerti liġijiet ta' divertiment wasalx fi tmiem tax-xogħol tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet f'postijiet ta' divertiment sabiex ma jkunx hemm abbużi, inkluż dak ta' dħul ta' persuni taħt is-sittax il-sena, kemm Maltin kif ukoll barranin, f'dawn il-postijiet. Il-Kumitat presjedut minn Dr J. Micallef-Stafrace għadu għaddej bl-inkarigu tiegħu.

Russi/Ukrajni

Question

Wara t-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 19105, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn dawk il-mijiet ta' Russi u Ukrajni li ġew Malta din is-sena u li applikaw għal visa ġew biex jitgħallmu f'pajjiżna? Kemm minnhom applikaw u ngħataw visa biex jaħdmu f'Malta? Fil-każ ta' dan ta' l-aħħar, kemm ġew rifjutati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena ġew rifjutati 35 talba għall-visa minn persuni ta' nazzjonalita' Russa u 20 talba għall-visa minn persuni ta' nazzjonalita' Ukrena. Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ngħid fi Tweġibiet preċedenti, ir-raġunijiet mogħtija għal talba ta' visa, ma tinżammx taħt forma kompjuterizzata.

Bulgari — Visa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew Bulgari f'pajjiżna fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Kemm minnhom applikaw u ngħataw visa bħala studenti u kemm biex jaħdmu hawn? Kemm-il visa ġiet rifjutata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena daħlu Malta 1,557 persuna ta' nazzjonalita' Bulgara. Infurmat ukoll illi persuni ta' nazzjonalita' Bulgara m'għandhomx bżonn ta' visa sabiex jidħlu Malta, pero' kien hemm 8 li ġew rifjutati milli jidħlu Malta.

Marsa Sports Ground

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet ittieħdu nhar it-Tnejn 22 ta' Mejju, 2006 meta ġiet organizzata Sports Day fil-Marsa sports ground għall-klassijiet tal-year 5 u year 6 ta' l-iskejjel primarji tal-gvern, minħabba s-sħana kbira li għamlet? X'għajnuna ngħataw dawk li kellhom bżonn? Jista' jgħid ukoll min kien preżenti mill-ministeru jew mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għal din l-attivita'? Minn min kienet organizzata din l-attivita'? Filwaqt li wieħed iħeġġeġ li jsiru aktar attivitajiet marbuta ma' l-isports, jista' wieħed jikkonsidra li f'ċirkostanzi bħal dawn, dawn l-attivitajiet isiru f'xi kumpless sportiv ġewwa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħala prekawzjoni, l-għalliema u t-tfal ġew mitluba minn qabel biex għall-iSports Day li saret it-Tnejn 22 ta' Mejju l-Marsa Sports Ground jiġu bi kpiepel/brieret għax-xemx, nuċċalijiet tax-xemx u ilma biex jixorbu. Bħal ma jsir drabi oħra ambulanza kienet preżenti, mgħammra b'nies kwalifikati. Dakinhar ma kienx hemm każi fejn kien meħtieġ l-użu tagħha. Kien hemm ukoll żewġ pulizija tat-traffiku kif ukoll żewġ pulizija tad-distrett biex jissorveljaw. Preżenti għal din l-attivita' kien hemm għalliema organizzaturi ta' l-Isports u l-Education Officer tad-Diviżjoni Din l-attivita' kienet organizzata mis-Sezzjoni Sportiva tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Ta' min ifakkar illi dan il-jum partikolari nzerta wieħed mill-aktar sħan f'Mejju għal dan l-aħħar snin.

Studenti Barranin — Tgħalim ta' l-Ingliż

Question

Peress li ta' kuljum fil-gazzetti qed jidhru reklami magħmula mill-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin li qed jorganizzaw korsijiet għal dawk li jixtiequ jsiru għalliema ta' l-Ingliż, jista' il-Ministru jgħid x'kontroll hemm mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex ikun żgurat li l-lecturers huma ta' livell għoli u li dawk li applikaw għandhom il-kwalifiki meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta skola liċenzjata tapplika, lill-Bord ta' Sorveljanza għat-Tagħlim tal-Lingwa Barranija, ħalli tagħmel kors għall-għalliema prospettivi, trid tibgħat kopja ta' programm, dwar il-kors, li fih tinkludi lil min ikun sejjer imexxi u jgħallem dak il-kors. Kull Lecturer irid ikollu l-kwalifiki meħtieġa. Il-Bord iħalli f'idejn l-iskejjel liċenzjati sabiex jagħżlu lil min jidhrilhom ħalli jsegwi l-kors.

Studenti Barranin — Għalliema ta' l-Ingliż

Question

Jista' il-Ministru jgħid s'issa matul din is-sena kemm-il skola li tgħallem l-Ingliż lill-barranin organizzaw xi kors għall-għalliema? Kemm qgħadu u kemm għaddew għall-kors? Dawn jingħataw xi forma ta' rikonoxximent mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex b'hekk ikunu jistgħu jgħallmu l-Ingliż lill-barranin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li seba' skejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin organizzaw xi kors għall-għalliema prospettivi matul din is-sena. 93 qagħdu għal kors li minnu għaddew 79. Fi tmiem kull kors, l-iskola liċenzjata li torganizzah toħroġ ċertifikat lil kull għalliem prospettiv li jirnexxilu jtemm b'suċċess il-kors. Dan iċ-ċertifikat jiġi riferut għall-konsiderazzjoni tal-Bord ta' Sorveljanza għat-Tagħlim tal-Lingwa Ingliża bħala Lingwa Barranija mill-għalliem prospettiv meta dan japplika għall-EFL Teaching Permit.

Skola Primarja ta' Ħad-Dingli

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fis-sala ta' l-iskola primarja ta' Ħad-Dingli ħalli b'hekk din l-istess tkun tista' tibda tiġi wżata mingħajr ma jkun hemm periklu u riskju għal min jagħmel użu minnha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sala qiegħdha tintuża u x-xogħol li kien fadal ser jitlesta fi żmien qasir.

Marsaxlokk — Librerija Pubblika

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi ffirmat management agreement bejn id-dipartiment tal-libreriji u l-kunsill lokali ta' Marsaxlokk dwar librerija pubblika? Jekk fl-affermattiv, meta se jsir dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed isiru diskussjonijiet dwar dan il-ftehim.

Fgura/Wied il-Għajn — Libreriji

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-libreriji tal-Fgura u ta' Wied il-Għajn se jsiru online?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kompjuterizzazzjoni tal-libreriji friegħi li jlaħħqu 50 kienet maqsuma fi tliet fażijiet. L-ewwel żewġ fażijiet tlestew. Ser jibda x-xogħol ta’ kompjuterizzazzjoni ta’ l-aħħar fażi ta’ 17-il librerija. Fost dawn il-libreriji hemm dawk tal-Fgura u Marsaskala. Parti mill-istokk tal-kotba f’dawn is-17-il librerija, speċjalment il-kotba ġodda li ġew ipproċessati, huma diġa barcoded u l-katalogar tagħhom jinsab online fuq il-katalgu integrat tad-Dipartiment tal-Libreriji.

Furjana — Skola Lorenza Manche

Question

Jista' il-Ministru jara x'jista' isir ħalli rapporti li wasluli fejn qed jingħad li fl-iskola Lorenza Manche li tinsab fil-Furjana hemm numru sostanzjali ta' ġrieden, tinsab soluzzjoni għal din il-problema? Jikkonferma li hemm xi għalliem/a li qed jirrifjutaw li jidħlu f'ċerti klassijiet minħabba din l-istess problema?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jirriżultax li hemm problema ta' ġrieden fl-iskola. Informat li nqabad ġurdien f'nassa f'workshopu facilitator irrifjutat li tidħol fil-workshop sakemm tneħħa l-ġurdien għax tibża mill-ġrieden. Ma hemm l-ebda għalliem li rrifjuta li jidħol fil-klassijiet.

Stabilimenti ta' Divertiment

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19104, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huwa dak l-istabiliment li ngħalaq f'Wied il-Għajn fl-2005 u dawk f'Wied il-Għajn u f'San Ġiljan li kellhom il-liċenzja sospiża din is-sena talli daħħlu tfal taħt l-eta' fl-istabilimenti tagħhom? Għal kemm żmien kienet sospiża l-liċenzja f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sena l-oħra l-istabbiliment Oblivion f'Wied il-Għajn kellu l-liċenzja sospiża għal sitt xhur, filwaqt li matul din is-sena kien hemm l-istabbiliment Tequila ġewwa San Ġiljan li kellu l-liċenzja sospiża għal xahar u l-istabbiliment Vertigo ukoll ġewwa San Ġiljan li kellu l-liċenzja sospiża għal tlett xhur, pero' dawn iż-żewġ Sentenzi qegħdin fi stadju ta' l-Appell. Dwar l-istabbiliment l-ieħor ġewwa Wied il-Għajn imsemmi fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19104, ninsab infurmat illi bi żvista kien ġie indikat li kellu l-liċenzja sospiża, meta fil-fatt dan kien ġie ordnat jagħlaq għal tnax il-siegħa mill-Pulizija skond kif previst fir-Regolamenti ta' l-2006 dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ (A.L. 1/2006).

Servizz Pubbliku

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18184, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi regola jew direttiva ta' l-Unjoni Ewropea fejn tgħid li tkun xi tkun ir-raġuni, la jgħaddu l-erba' snin dawn il-ħaddiema jridu jsiru tal-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M’hemm l-ebda direttiva jew regola tal-Unjoni Ewropea li tesiġi kif qed jingħad f’din il-mistoqsija parlamentari. Id-direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea tesiġi li ma jkunx hemm diskriminazzjoni ma’ impjegati fuq kuntratt definit.

Universita' ta' Malta — Awditjar

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-awditjar li sar ftit taż-żmien ilu fl-Universita' ta' Malta dwar il-fakultajiet u d-dipartimenti tagħha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'numru ta' Universitajiet, rapporti bħal dawn ikunu interni u allura ta' natura kunfidenzjali. Għaldaqstant ser ngħaddi, b'mod konfidenzjali, CD ta' dawn ir-rapporti lill-Onor. Membru.

Ftehim Kollettiv

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18985, jista' il-Ministru jgħid meta se jkun konkluż u jidħol fis-seħħ il-ftehim kollettiv? Jista' jgħid ukoll meta skada dan l-istess ftehim kollettiv? X'importanza qed tingħata sabiex malajr kemm jista' ikun jintlaħaq ftehim?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-aħħar ftehim kollettiv bejn l-Awtorità dwar it-Trasport u l-Union Ħaddiema Magħqudin skada fil-31 ta’ Diċembru, 2004. Hemm tama li dan il-ftehim jista' jiġi konkluż u iffirmat fil-ġimgħat li ġejjin.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid fiex waslet applikazzjoni H1314 fejn l-isem tal-persuna qed jingħata separatament wara li din ilha snin twal li applikat u sal-lum mingħajr suċċess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.