Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol aktar mit-tħawwil ta' siġar u tiswija ta' ħitan tas-sejjieħ fuq il-proġett ta' Xrobb l-Għaġin li matul din l-aħħar sena issemma aktar minn darba?
Liema għaqda jew għaqdiet huma involuti hemm f'dan il-proġett, u fiex se jkun jikkonsisti? Jista' jgħid ukoll kemm qed jiġi stmat dan il-proġett u kif se jiġi ffinanzjat?
Jista' il-Ministru jgħid ukoll jekk il-MEPA hux diġa' ħarġet il-permessi neċessarji u jekk iva x'tibdil se jsir fuq dan il-post? Jekk għadha ma ħarġitx il-permessi, x'qed iżommha milli tagħmel dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ restawr ambjentali u rranġar tal-bini tal-bini eżistenti sabiex iservi bħala ċentru edukattiv huwa ppjanat li jibda lejn l-aħħar ta' din is-sena. Bħalissa qed jiġi ffinalizzat il-management plan u ser jerġgħu jkunu sottomessi l-pjanti lill-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) wara konsultazzjoni u taħdidiet ma’ din l-entità. Hekk kif jiġu approvati, ix-xogħol ikun jista’ jibda.
L-għaqda involuta hija l-Fondazzjoni Natura (Nature Trust), flimkien ma’ l-International Oceanic Institute (Malta), li ser ikunu jieħdu ħsieb imexxu l-wildlife rehabilitation centre u l-istitut għar-riċerka marittima rispettivament.
Il-proġett għadu qed jiġi stmat u qed tittieħed in konsiderazzoni possibilità qawwija ta' finanzjament kemm mill-Unjoni Ewropea u kif ukoll min-Norwegian Funds. Huwa maħsub li parti sew mill-ispejjeż titħallas mill-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) stess taħt l-iskema tal-proġetti għal titjib ambjentali.
L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għadha ma ħarġet l-ebda permess għaliex il-management plan għadu qed jiġi diskuss magħha. It-tibdil ippjanat f'dan il-post hu r-restawr tal-bini dilapidat sabiex jerġa’ jiġi fl-istat oriġinali tiegħu. Il-permessi ma jistgħux jinħarġu qabel ma jkun hemm ftehim fuq il-management plan bejn il-partijiet kollha biex ikun żgurat li f'dan is-sit ta' importanza ekoloġika ma ssirx ħsara lill-flora u ’l-fauna. Dan il-ftehim issa huwa fi stadju avvanzat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17395 dwar tinda kbira f'Ta' Qali., jista' il-Ministru jgħid jekk il-konsultazzjoni hux lesta? Jekk fl-affermattiv, x'inhi d-deċiżjoni finali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-konsultazzjoni pubblika dwar it-tibdil fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Ta' Qali tas-sena 2000 għalqet fil-5 ta' April 2006. Bħalissa qed ikunu analizzati s-sottomissjonijiet tal-pubbliku u fil-ġimgħat li ġejjin għandha ssir rakkomandazzjoni lill-Bord ta’ l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fuq dawn is-sottomissjonijiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17277 dwar spezzjonijiet fl-iskejjel ta' l-Ingliż, jista' il-Ministru jgħid x'irriżulta mill-ispezzjonijiet uffiċjali li saru fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li meta l-Bord ta' Sorveljanza tat-Tagħlim ta' l-Ingliż bħala Lingwa Barranija għamel spezzjonijiet uffiċjali fl-iskejjel ġodda sab li dawn kienu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet mistennija minnhom, għalhekk ħarġilhom il-liċenzja sabiex joperaw.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huma mistennija li jiggradwaw B.Ed mill-Universita' din is-sena? F'liema suġġetti? Hemm vakanzi għalihom fl-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti mistennija li jiggradwaw B.Ed (Hons) din is-sena huwa ta' 186.It-tagħrif mitlub dwar f'liema suġġetti se jiggradwaw ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tagħrif dwar vakanzi fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ikun jista' jingħata aktar qrib il-bidu tas-sena skolastika.
Jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri mill-programm INT (Irrid Nagħżel Tajjeb)? Jikkonferma li dan il-programm se jitwaqqaf u l-għalliema ġew mogħtija parir sabiex isibu post ieħor? Jista' jgħid kemm hemm għalliema li qed jagħtu s-servizz tagħhom f'dan il-programm? Jista' jgħid ukoll kemm kienu l-istudenti li mill-2003 sas-sena 2006, sena b'sena separatament, attendew għal dan il-programm?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif diġa intqal fit-tweġiba għal Mistoqsija numru 19429, dawn is-seminars li huma parti mill-programm tal-PSD, ġew evalwati u d-Dipartiment tal-Kurrikulu iddeċieda li jkun ħafna aktar effettiv jekk dawn is-seminars ikunu organizzati fuq bażi ta' skola jew Kulleġġ. Kien hemm 8 għalliema jagħtu s-servizz tagħhom f'dawn is-seminars.
In-numru ta' studenti li attendew għal dan il-programm kien hekk :-
Sena Akkademika Subien Bniet Total
2003/04 1366 1664 3030
2004/05 1681 1589 3270
2005/06 1603 1606 3209
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hawn skejjel primarji u sekondarji tal-gvern li huma mingħajr kap minħabba li jew il-kap diġa' spiċċa jew inkella se jispiċċa qabel tibda s-sena skolastika li jmiss?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' vakanzi ta' kapijiet fl-iskejjel Primarji u Sekondarji ta' l-Istat sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss hu ta' 15 fl-iskejjel primarji, 8 fil-livell sekondarju, u 1 fil-livell post-sekondarju.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-ministeru u/jew mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni matul is-sena 2005 u s-sena 2006 separatament? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm xi arranġamenti speċjali ma' l-aġenti minn fejn ġew mixtrija dawn il-karozzi? Jekk fl-affermattiv, x'kienu dawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni nxtrat karozza waħda fl-2005 u oħra fl-2006 kif jipprovdi l-kuntratt għall-kariga ta' Segretarju Permanenti u ta' Direttur.
Informat ukoll li nxtraw 3 karozzi fl-2005 mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għall-istess raġuni u li ma nxtrat l-ebda karozza fl-2006.
Ma kien hemm l-ebda arranġament speċjali ma' l-aġenti minn fejn ġew mixtrija dawn il-karozzi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk iċ-ċentru tat-taħriġ tas-Swatar hux proprjeta' tal-gvern? Jista' jgħid ukoll min hu responsabbli mit-tmexxija tal-post u ċ-ċentru tas-Swatar?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l -Onor. Membru jirreferi l-l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jinvestiga jekk hux minnu jew le l-ilmenti ta' bosta studenti li fl-eżami li kien hemm fit-30 ta' Mejju, 2006 ta' tliet credits tal-psikoloġija fl-universita' li huma child, adolescence u adults, l-eżami li kien multiple choice kien jinkludi ħafna mistoqsijiet li ma ġewx koperti la fil-klassi u lanqas fil-kotba ta' dawn is-suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 19482, Seduta 394.
Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur tas-sena kemm mietu nies minħabba t-tipjip? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Jista' jagħti l-figuri xahar b'xahar u jgħid ukoll kif jikkompara ma' l-istess żmien is-sena li għaddiet?
Tinżamm statistika ta' kemm mietu minħabba dak li jissejjaħ second hand smoke jew passive smoking?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' każijiet ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet minn Jannar sa' April (il-figuri ta' Mejju għadhom ma nġabrux) ta' din is-sena u li huma meqjusa bħala li kienu kaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi, huwa ta' 133 mewt f'residenti ta' Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 89 irġiel u 44 nisa. Matul l-istess firxa ta' żmien fis-sena 2005 kien hemm 165 mewt li huma meqjusa bħala li kienu kaġunati minħabba t-tipjip. Minn dawn kien hemm 114 irġiel u 51 nisa.
Ma tinġabar l-ebda statistika fuq kemm mietu nies minħabba passive smoking.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna ngħatat għajnuna medika minħabba problemi ta' alkaħol fl-ewwel ħames xhur tas-sena? Kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm kienet l-iżgħar persuna? Jista' jgħid kif dawn il-figuri jikkomparaw ma' dawk tas-sena li għaddiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, Risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ladarba tkun lesta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm spiċċaw studenti mill-klassijiet tal-Form 5 din is-sena skolastika? Kemm kienu bniet u kemm kienu subien? Kemm spiċċaw mill-iskjjel ta' l-istat, tal-knisja u dawk indipendenti separtament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-figuri mistennija huma :
Subien Bniet Total
Skejjel ta' l-Istat 1784 1875 3659
Skejjel tal-Knisja 809 665 1474
Skejjel Indipendenti 246 205 451
TOTAL 5584
Jista' il-Ministru jgħid kemm huma l-istudenti li qed jattendu l-aħħar sena tal-primarja fl-iskejjel tal-gvern, tal-knisja u indipendenti separatament? Kemm huma subien u kemm huma bniet f'kull każ? Jista' jgħid f'kull każ kemm resqu għall-eżami tal-junior lyceum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk:
Studenti fl-aħħar sena tal-primarja:
Subien Bniet Total
Skejjel ta' l-Istat 1921 1617 3538
Skejjel tal-Knisja 532 739 1271
Skejjel Indipendenti 429 337 766
TOTAL 5575
In-numru ta' studenti li resqu għall-eżami tal-Junior Lyceum:
Skejjel ta' l-Istat 3214
Skejjel tal-Knisja 490
Skejjel Indipendenti 154
Applikanti privati 58
Peress li xi xhur ilu kien ħareġ avviż għal post ta' manager short courses fil-Malta University Services ta' l-universita', jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw, meta saru l-interviews u jekk ġiex magħżul xi ħadd? Jekk fl-affermattiv, min?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Malta University Services Ltd irċiviet 19 applikazzjoni għall-post ta' Manager Short Courses.
Informat ukoll li l-interviews ma sarux minħabba li l-vakanza li ġiet irriklamata qegħdha tiġi riveduta mill-ġdid.
Jista' il-Ministru jelenka dawk ix-xogħlijiet li diġa' ġew approvati li jsiru fl-iskejjel ta' l-istat matul il-vaganzi tas-sajf li ġej? Jista' f'kull każ jgħid x'inhu x-xogħol, lil min ingħata l-kuntratt u kemm huwa maħsub li ġej jiswa?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ikun jista' jingħata hekk kif kull biċċa xogħol tkun ġiet assenjata u mibdija.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskola Our Lady Immaculate tal-Hamrun għandhiex faċilita' jew possibbilta' li f'każ li facilitator ma tiġix, l-istudent/a ma tiġix mġiegħla tmur id-dar bħalma ġara fil-każ riċenti ta' studenta li tinsab fil-Form 4?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li m'hemmx faċilita' fl-iskejjel tal-Knisja li, f'każ li facilitator tfalli mill-iskola, li tintbagħat facilitator oħra minflokha. F'każ bħal dan hi l-Kap ta' l-iskola li tieħu d-deċiżjoni skond in-natura tal-każ individwali, jekk iżżommx it-tifla l-iskola jew titlobha tibqa' d-dar.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li applikazzjoni PA02695/05 ġiet deferred mill-MEPA u dan minkejja li r-residenti qed ibatu inkonvenjent kbir b'karozzi tal-linja li qed jibqgħu jiddaħħlu f'garage f'zona residenzjali u l-aktar meta m'hemmx spazju fejn dawn il-vetturi kbar iduru?
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li mis-sena skolastika li jmiss kull tip ta' ċikkulata u xorb minerali (fizzy drinks) jiġu mneħħija mill-prodotti mibjugħa fil-canteens/tuck shops ta' l-iskejjel biex b'hekk it-tfal tagħna jiġu protetti minn dawk l-affarijiet li jħaxxnu? X'inhuma eżattament dawk il-prodotti li llum ma jistgħux jinbigħu minħabba l-obesita' u li jagħmlu ħsara lil min jikkunsmahom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Kurrikulu, fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, għadu kif ħareġ lista-gwida ta' ikel u xorb li jiġbor tagħrif fuq l-għazliet ta' ikel u xorb għat-tfal ta' l-iskejjel. Din il-lista ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u tagħti direzzjoni kontra l-konsum ta' zokkor u ħelu.
Informat ukoll li għal dawn l-aħħar xhur, sar xogħol intensiv minn Task Force for Appropriate School Nutrition Environments li ġie kkommissjonat mid-Dipartiment tal-Kurrikulu.
Fil-futur qrib, din it-Task Force ser tressaq dokument komprensiv fuq l-istess suġġett u li ser jinkludi Draft Food Policy, bil-għan li tkompli tħares fis-sod saħħet it-tfal fl-iskejjel, inkluż li tqanqal kuxjenza u tagħlim dwar il-ħidma li kull persuna trid tagħmel biex tnaqqas u tipprevjeni l-obesita'.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi kuntatti mill-pulizija Taljana dwar logħob illegali li seta sar minn Malta minn players tal-football Taljan? X'kontroll lokali hemm fuq logħob li jsir minn Malta minn siti reġistrati f'pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma kien hemm ebda talba għall-assistenza lill-Pulizija Maltija mill-Awtoritajiet Taljani dwar is-suġġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-aħħar parti tal-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.