Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tagħlim għall-Adulti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru klassijiet għat-tagħlim ta' l-adulti u fejn saru matul din is-sena skolastika li waslet biex tispiċċa? Kemm attendew adulti u kemm kienu nisa? X'kienu l-korsijiet li attendew għalihom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm 1383 klassi, b'8204 persuna adulta, li minnhom 5701 kienu nisa, f'edukazzjonijiet għall-adulti. It-tagħrif l-ieħor mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qrendi — Skola Primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-iskola primarja tal-Qrendi jinstabilha xi użu alternattiv ieħor jew inkella addizzjonali? Jekk fl-affermattiv, x'se jiġri mit-tfal li jattendu din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju l-iskola tal-Qrendi hi u ser tibqa' l-iskola primarja tal-lokalita'.

Kunsilli Lokali — Speed Cameras

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet mill-kunsilli lokali għall-introduzzjoni ta' speed cameras? Għal liema lokalita' u għal liema triq?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Speed Cameras — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jelenka kemm saru ċitazzjonijiet mill-ispeed cameras separatament mill-1 ta' Jannar sal-15 ta' Ġunju, 2006? Kif jinqasmu l-flus imħallsa wara dawn iċ-ċitazzjonijiet, bejn kunsilli, kumpanniji tal-gwardjani, eċċ.? Kemm tqassmu flus din is-sena s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Kalibrazzjoni ta' speed cameras

Question

Jista' il-Ministru jgħid min hu responsabbli biex jara li kull speed camera tkun kalibrata kif suppost? Kull meta jsir l-iċċekjar fuqhom? Meta saret l-aħħar kalibrazzjoni ta' kull speed camera li qed topera bħalissa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-kalibrazzjoni tar-radar unit ta' l-ispeed cameras issir f'isem min jipprovdi s-servizz minn laboratorji akkreditati Ewropej f'konformità sħiħa ma' l-aħjar prattiċi sostenuti mill-Kummissjoni Ewropea. Iċ-ċertifikati tal-kalibrazzjoni huma validi għal perjodu ta' 12-il xhar u l-Awtorità dwar it-Trasport bl-għajnuna ta' l-Awtorità Maltija għall-Istandards tivverifika ċ-ċertifikat ta' kalibrazzjoni qabel ma' speed camera tiġi stallata u tibda topera. L-aħħar kalibrazzjoni ta' kull speed camera saret kif gej: Triq is-Sebħ, Ħal Qormi (westbound): 7 ta' Novembru, 2005 Triq is-Sebħ, Ħal Qormi (eastbound): 22 ta' Novembru, 2005 Triq Reġjonali (in-naħa ta' San Ġiljan): 22 ta' Novembru, 2005 Triq Reġjonali (in-naħa ta' San Ġwann): 22 ta' Novembru, 2005 Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ (westbound): 10 ta' Mejju, 2006 Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ (eastbound): 22 ta' Novembru, 2005 Triq in-Nutar Zarb, Ħ'Attard: 10 ta' Mejju, 2006 Triq Burmarrad, San Pawl il-Baħar: 7 ta' Novembru, 2005 * * Din l-ispeed camera kienet trasferita dan l-aħħar mix-Xemxija għal Triq Burmarrad

MEPA — Mistra Village

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi applikazzjoni quddiem il-MEPA għal bini li qabel kien il-Mistra Village fix-Xemxija? Jekk fl-affermattiv, meta saret l-applikazzjoni, minn min u għalxiex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha żewġt applikazzjonijiet fuq is-sit okkupat mill-Mistra Village: PA 5538/04, applikazzjoni għal "redevelopment of Mistra Village" (żvilupp ġdid fuq is-sit li jinkludi bini t'appartamenti residenzjali). Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa fit-28 ta' Settembru 2004. PA 6351/04, applikazzjoni "to demolish existing structures at Mistra Village" (twaqqigħ tal-Mistra Village). Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa fit-8 ta’ Novembru 2004. L-applikazzjonjiet huma f'isem Gemxija Crown Limited.

Għaqdiet Sportivi

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li minħabba s-sħana tremenda li tagħmel fil-pajjiż matul ix-xhur tas-sajf, jingħata skont lil dawk l-għaqdiet sportivi li jorganizzaw attivitajiet sportivi filgħaxijiet taħt id-dawl artifiċjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Problemi ta' Alkaħol — Għajnuna Medika

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19505 u jgħid kemm-il persuna ngħatat għajnuna medika minħabba problemi ta' alkaħol fl-ewwel ħames xhur tas-sena? Kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm kienet l-iżgħar persuna? Jista' jgħid kif dawn il-figuri jikkomparaw ma' dawk tas-sena li għaddiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni miġbura tirrigwarda numru ta' pazjenti li ngħataw għajnuna medika minħabba problemi ta' alcohol fl-ewwel ħames xhur tas-snin 2005 u 2006. In-numri jirrapreżentaw pazjenti li ngħataw kura l-Isptar San Luqa u nstabilhom livel għoli ta' alcohol fid-demm. L-informazzjoni nġabret mid-domandi għat-test tal-blood alcohol li jsiru l-Emergency Lab u t-Toxicology Lab. Il-limitu ta' livell ta' alcohol fid-demm ittieħed sa 80mg/dL, li huwa l-limitu legali għas-sewqan. In-numri ġew maqsuma f'irġiel u nisa. Sena 2005 (Jannar-Mejju) Sena 2006 (Jannar-Mejju) Number> 80mg/100ml 87 144 Irġiel 60 92 Nisa 27 52 L-iżgħar eta' kienet kif jidher hawn taħt: Sena 2005 (Jannar-Mejju) Sena 2006 (Jannar-Mejju) Irġiel 15 -il sena 13 -il sena Nisa 15 -il sena 14 -il sena Ta min jinnota li dawn il-figuri ma jirrapreżentawx il-problema sħiħa relatata ma' l-alcohol iżda tirrapreżenta biss persuni li iddaħħlu d-dipartiment ta' l-emerġenza ġewwa l-Isptar San Luqa. Numru siġnifikanti ta' pazjenti jingħataw kura medika fil-Health Centres u organiżżazjonijiet tas-saħħa oħra fejn jingħataw għajnuna fit-tul kemm għall-kura tas-saħħa u mentali kif ukoll għajnuna soċjali minħabba l-abbuż ta' l-alcohol.

Malta Regional Innovation Strategy

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huwa inkarigat mill-Malta Regional Innovation Strategy (MARIS)? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra draft report ta' din l-istrateġija? Jista' jgħid min huma l-partners Maltin, Spanjoli u Taljani f'dan il-proġett tas-sitt framework?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-proġett MARIS qiegħed jiġi eżegwit mid-dipartiment 'Enterprise Support' fi ħdan il-Malta Enterprise Corporation. Il-proġett għadu ma wasalx fil-fażi li tiġi żviluppata l-istrateġija, proċess li għandu jibda matul is-sena li ġejja. Malta Enterprise Corporation hija l-unika 'partner' Malti f'dan il-proġett. It-tlett 'partners' barranin li qed jipparteċipaw f'dan il-proġett huma kif ġej: Istituto Andaluz de Tecnologija bażati fil-belt ta' Seville ġewwa Spanja. Agencia de Innovacion y Desarrollo de Andalucia bażati fil-belt ta' Seville ġewwa Spanja. META - Group s.r.l. bażati fil-belt ta' Terni ġewwa l-Italja.

FTS — Uffiċini

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19730 u jikkonferma li l-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada issa ttrasferit l-uffiċini tagħha fl-iskola Sir Adrian Dingli ta' Pembroke? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid minn meta beda jseħħ dan? Jista' jgħid ukoll jekk għadhiex tiġi mħallsa kera għall-uffiċini li kienet qed tuża l-istess fondazzjoni ġewwa Ta' Xbiex? Jekk fin-negattiv, sakemm tħallset kera? Fl-aħħarnett, jista' jgħid jekk il-fatt li l-FTS qed tagħmel użu minn skola, dan qed ikollu xi tip ta' impatt negattiv fuq l-andament ta' din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

L-FTS trasferiet l-uffiċini tagħha f'bini maqtugħ għalih fil-grawnds ta' l-iskola imsemmija b'effett mit-30 ta' Marzu, 2006. M'hemm l-ebda kera dovut jew xi kera ieħor li l-FTS qed tħallas fuq xi bini privat. Ma jirriżultalix li kien hemm xi impatt negattiv fuq l-iskola minħabba din ir-raġuni.

MCAST — BTEC National Diploma in Sport

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi misotqsija parlamentari 19727 u jgħid x'inhi l-pożizzjoni dwar placements li qed isiru ta' studenti ta' l-MCAST li qed isegwu kors tal-BTEC National Diploma in Sport (Sports Development and Fitness), speċjalment fid-dawl tal-punti li tqajjmu mill-Universita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Napprezza jekk l-Onor. Membru jispeċifika x'punti tqajjmu, minn min u b'liema mod mill-Universita'.

Skejjel primarji — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huma l-istudenti li jinsabu fis-sitt sena ta' l-iskejjel primarji tal-gvern, bniet u subien separatament? Kemm resqu għall-eżami tal-Junior Lyceum, bniet u subien separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti bniet u subien li jinsabu fis-sitt sena fl-iskejjel primarji tal-Gvern huwa hekk: Bniet Subien Year 6 1456 1711 Informat ukoll li n-numru ta' studenti bniet u subien li resqu għall-eżami tal-Junior Lyceum huwa hekk: Bniet 1785 Subien 2183

Skejjel — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-popolazzjoni ta' kull skola tal-gvern, kemm primarja kif ukoll sekondarja f'din is-sena skolastika? Jista' jagħti din l-informazzjoni separata għal kull skola u maqsuma fi bniet u subien?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel ta' l-istat — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi l-workings ta' l-istatistika li semma fid-diskors tal-ftuħ tiegħu meta ressaq l-abbozz li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni dwar l-infiq ras għal ras għal studenti fl-iskejjel ta' l-istat u dawk privati jew tal-knisja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-nefqa ras għal ras tal-Gvern fuq l-istudenti fl-iskejjel ta' l-Istat, tinħadem billi wieħed jara l-ispejjeż relatati ma' pagi/salarji, spejjeż rikorrenti oħra u nefqa kapitali konnessi ma' l-edukazzjoni obbligatorja diviża bin-numru ta' studenti f'dan il-livell. Fir-rigward ta' l-iskejjel tal-Knisja l-formola tinkludi l-ispejjeż rikorrenti.

Studenti Barranin — Għalliema ta' l-Ingliż

Question

Skond it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19409 il-Ministru qal li din is-sena applikaw seba' skejjel biex jorganizzaw korsijiet għal dawk li xtaqu jgħallmu l-Ingliż lil barranin. Peress li kien hemm avviżi fil-gazzetti minn ferm aktar skejjel biex jorganizzaw korsijiet simili, jista' il-Ministru jinvestiga u jara jekk dawn fil-fatt applikawx u jekk le għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull skola, mis-seba' skejjel li applikaw biex jorganizzaw korsijiet għal dawk li xtaqu jgħallmu l-Ingliż lill-barranin, organizzat diversi korsijiet matul din is-sena għalhekk kien hemm avviżi fil-gazzetti ferm aktar minn numru ta' skejjel li organizzaw korsijiet simili.

Swatar — Ċentru ta' taħriġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19514 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tgħid jekk iċ-ċentru tat-taħriġ tas-Swatar hux proprjeta' tal-gvern? Tista' tgħid ukoll min hu responsabbli mit-tmexxija tal-post u ċ-ċentru tas-Swatar?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-post huwa tal-Gvern u f'idejn il-MITTS.

Studenti Barranin — Għalliema ta; l-Ingliż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19409, jista' il-Ministru jgħid jekk id-79 persuna li għaddew biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin kollha applikaw lil EFL teaching permit? Kemm huwa t-total ta' persuni li għandhom permess li jgħallmu l-Ingliż b'teaching permit minn dan il-bord?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux id-79 persuna kollha li għaddew sabiex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin, applikaw lill-EFL Monitoring Board għall-EFL Teaching Permit. Hemm b'kollox 1,978 għalliem li għandhom l-EFL Teaching Permit maħruġ mill-EFL Monitoring Board.

Skejjel li jgħallmu l-Ingliż

Question

Peress li jidher li qed isiru wisq korsijiet minn skejjel li jgħallmu l-Ingliż biex ikollhom persuna fil-klassi għal ma' l-istudenti, jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' kontroll, bħal spezzjonijeit għall-għarrieda, isiru f'dawn l-iskejjel? Kemm saru spezzjonijet mill-1 ta' Jannar sal-lum? F'liema skejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-korsijiet minn skejjel li jgħallmu l-Ingliż biex ikollhom persuni fil-klassijiet sabiex jgħallmu lill-istudenti, huma kkontrollati mill-Monitoring Board permezz tal-linji gwida u l-ħtieġa ta' l-iskejjel li japplikaw lill-Monitoring Board għall-permess ħalli jorganizzaw dawn il-korsijiet. M'hix il-prattika s'issa li jsiru spezzjonijiet waqt dawn il-korsijiet.

Eżamijiet tas-Sec/Matsec

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi deċiżjoni dwar jekk u meta se tiġi introdotta s-sistema ġdida ta' l-eżamijiet tas-Sec/Matsec li l-eżamijiet jibdew isiru f'Ġunju u r-resits f'Novembru? Ma' min saru konsultazzjonijiet wara li ħareġ ir-rapport tal-kumitat maħtur apposta?

Response (GALEA, LOUIS)

Id-deċiżjoni fuq meta ser tidħol is-sistema l-ġdida li l-eżamijiet tas-SEC u taċ-Ċertifikat tal-Matrikola jibdew isiru f'Ġunju u r-resits f'Novembru għad trid tittieħed. Dan iseħħ wara li jintemmu l-konsultazzjonijiet ma' rappreżentanti ta' min hu kkonċernat.

Eżamijiet tal-Junior Lyceum

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed isiru konsultazzjonijiet ma' rappreżentanti ta' l-iskejjel tal-knisja dwar il-possibbilta' li jkun hemm eżami wieħed għad-dħul fil-Form 1 tal-Junior Lyceums? Ma jaħsibx li eżami nazzjonali wieħed ikun ta' benefiċċju għall-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni dwar it-twaqqif ta' Grupp ta' Ħidma sabiex jeżamina b'lenti kritika l-eżamijiet li jsiru fl-aħħar tal-kors primarju li jinkludi kemm l-eżamijiet tal-Junior Lyceum u kemm dawk tal-Common Entrance.