B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20356, jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jintemmu dawn id-diskussjonijiet minħabba li kif jaf tajjeb l-istess Ministru, dawn ilhom għaddejjin mhux ħażin?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-diskussjonijiet dwar din il-materja mal-Unions jinsabu fi stadju avvanzat.
Kumpanniji barranin ta' l-informatika — Strategic Alliances
Question
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji tal-ftehim u arranġamenti kummerċjali li saru fir-rigward ta' l-istrategic alliances li għamel il-Ministeru tiegħu ma' diversi kumpanniji barranin ta' l-informatika bħall-Microsoft, Cisco, HP u oħrajn?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn id-dokumenti huma ta' natura kummerċjali u l-Gvern marbut li ma' jippublikahomx.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15618, jista' il-Ministru jagħti t-tweġiba mitluba minħabab li l-flus allokati huma flus li qed joħorġu minn fondi pubbliċi wara allokazzjoni fl-istess budget tal-Gvern?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għas-sena 2004/2005 il-Gvern għadda lill-PBS Ltd is-somma ta’ Lm500,000 bħala kontribuzzjoni għall-programmi ta’ Extended Public Service Obligation (EPSO). Qed nagħti taghrif dwar kif intefqu dawn il-flus fuq ġeneri differenti kemm fuq l-istazzjonijiet tar-radju kif wkoll fuq TVM. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista tal-programmi inklużi f’kull ġeneru (Appendici 1).
It-tagħrif li qed nagħti huwa ibbażat fuq ir-rapport verifikat magħmul mid-ditta KPMG.
Tabella 1
Programmi tat-TV
Kontribuzzjoni EPSO utilizzata
%
Total Tfal
28.99%*
Total Diskussjoni u Ġrajjiet Kurrenti
15%
Total Drama
- 6.4%
Total Għawdxin u Kommunitajiet Maltin Barra
10.98%
Total Karattru Nazzjonali
15.96%
Total Edukattiv, Kulturali u Informazzjoni Ġenerali
19.92%
Total Reli
ġjużi
7.49%
Mixellani
-0.18%
Total Kontinġenza
0.75%
Programmi tar-Radju
Kontribuzzjoni EPSO
Total Tfal
0.45 %
Total Diskussjoni u Ġrajjiet Kurrenti
0.48%
Total Edukattiv, Kulturali u Informazzjoni Ġenerali
5.5%
Total Reli
ġjużi
1.09%
Total Programmi tat-TV u tar-Radju EPSO
100%
* il-persentaggi huma a bażi tas-somma tas-somma’ Lm331,252 li kienet utilizzata mill-PBS Ltd u mhux a bażi tal-Kontribuzzjoni EPSO li kienet ta’ Lm500,000.
Ma’ l-ewwel daqqa ta’ għajn jidher li l-PBS ma utilizzatx is-somma ta’ Lm168,748 jew 33% mill-Kotribuzzjoni EPSO. Nixtieq nippreċiza li din is-somma l-awdituri waslu għaliha wara li mill-infieq dirett u indirett fuq il-programmi tnaqqsu l-flus kollha li l-PBS daħħlu mir-reklamar. Kien hemm diversi każi fejn dan id-dħul ġenerat b’inizjattiva tal-PBS kien kbir ħafna. Per eżempju: Komplessivament is-seba’ programmi ta’ drama ħallew il-qliegħ li mbagħad inqata’ kontra l-kontribuzzjoni EPSO. Fil-fatt il-programm EPSO huma finanzjati mill-kontibuzzjoni tal-Gvern u, fejn hu l-każ, mill-flus li jidħlu mir-reklamar miġbur mill-PBS.
Sa mill-2004, meta xxandret il-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir il-Gvern ippreveda li minħabba l-inizjattiva tal-PBS fil-ġbir tar-reklami jista’ jiġri li l-kontribuzzjoni EPSO ma tintefaqx kollha. Il-Gvern irid li jinkoraġixxi din l-inizjattiva minn naħa tal-PBS u għalhekk fil-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir (pagna 18) stabillixa formula biex jikkalkula jekk ikollux jieħu flus lura għax ma ntefqux. Meta inħadmet din il-formula jirrizulta li l-flus li jibqa’ “mhux minfuqa” jammontaw għal Lm61,852. Dan ġara għax f’dan l-istadju jittieħed in konsiderazzjoni nofs id-dħul mir-reklamar u mhux id-dħul kollu. Fil-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir il-Gvern kien iddetermina li dawn il-flus jitqassmu b’dan il-mod: nofshom jeħduhom il-PBS, kwart jeħodhom il-Gvern u kwart jingħaddu mas-somma għall-programmi ta’ EPSO għas-sena ta’ wara.
Is-sehem tal-Gvern kien ta’ ftit aktar minn Lm15,463. Fid-dawl ta’ l-ispejjeż li kollhom isiru biex isir dan l-ewwel rapport ta’ l-awdituri l-Gvern iddeċieda li jgħaddi dawn il-flus lill-PBS. Il-Gvern iddeċieda wkoll li s-sehem ta’ Lm15,463 li kellu jingħadd mal-kontribuzzjoni EPSO tas-sena ta’ wara jmorru għall-fondi tal-PBS ghas-sena 2004/2005. Din hija deċizjoni ta’ darba meħuda mill-Gvern biex juri l-apprezzament tiegħu ghall-ħidma li għamlet il-PBS quddiem d-diffikultajiet mhux zgħar li kellha tiffaċċja tul din l-ewwel sena li tulha tħadmet is-sistema ġdida ta’ finanzjament tal-PBS.
Nixtieq nirringrazzja lill-PBS u lil dawk kollha li ħadmu biex dan ir-rapport jitlesta
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta se jsir servizz ġdid għall-provvitsta ta' l-ilma ta' applikazzjoni numru 169749 li saret fit-3 ta' Lulju, 2006 wara li l-applikanti ntqal lilhom li dan is-servizz jingħata fi żmien 15-il ġurnata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li f'ċirkostanzi normali il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tagħti servizz ġdid ta' ilma f'mhux aktar minn 28 ġurnata minn meta ssir l-applikazzjoni.
Fil-fatt, dan is-servizz ingħata xi jumejn qabel ma skada dan il-perjodu.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inġabret taxxa tal-VAT fl-ewwel sitt xhur tas-sena? Jista' jagħti l-figuri xahar b'xahar? Kemm kien l-ammont totali li nġabar fl-istess xhur is-sena li għaddiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija f’Seduta 370 fis-27 ta’ Marzu 2006 għall-mistoqsija parlamentari numru 17884.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm sidien li ma ħallsux il-kontribuzzjoni tagħhom tal-VAT fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Kemm kien l-ammont totali dovut? Kemm hemm li ilhom aktar minn dawn is-sitt xhur ma jħallsu din it-taxxa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor Interpellant jispjegali eżattament x’irid ifisser bil-kelma ‘kontribuzzjoni tal-VAT’.
Jista' il-Ministru jikkonferma li f'dan l-aħħar żmien qed jiġi mitlub mill-istudenti universitarji li jiktbu isimhom u dettalji oħra wkoll u mhux biss l-index number kif kien isir qabel? X'inhi r-raġuni għal din il-prattika ġdida li mid-dehra daħlet dan l-aħħar, jekk mhux ukoll matul is-sena li għaddiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-eżamijiet formali għadha tintuża s-sistema ta' 'blind marking', jiġifieri li l-eżaminatur ma jkunx jaf il-karta ta' liema student hi. Dan japplika wkoll meta l-istudent ikun mitlub jikteb ismu u/jew l-I.D. tiegħu peress li dik il-parti tal-karta tkun maqtugħa wara li tingħata 'office number' li jkun miżmum biss mill-amministrazzjoni. Dan l-office number la jkun magħruf mill-istudenti u lanqas mill-eżaminatur.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ir-rapporti annwali tad-dipartimenti tal-gvern għas-snin 2004 u 2005 ġewx ippubblikati? Jekk fl-affermattiv, meta ġew impoġġija fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onor Membru li r-rapporti annwali tad-dipartimenti tal-gvern għas-snin 2004 u 2005 ġew ippublikati fis-27 ta’ Diċembru 2005 u l-15 ta’ Mejju 2006 rispettivament. Nirreferi lill-Onor Interpellant għaċ-ċirkularijiet Nru 49 ta’ l-2005 u Nru 17 ta’ l-2006 maħruġa mis-Segretarju Permanenti Ewlieni.
Mis-sena 2003 ‘l hawn, ir-rapporti annwali tad-dipartimenti tal-Gvern qed jitpoġġew fis-sezzjoni Liberija ta’ l-Internet għas-Servizz Pubbliku http://intra.gov.mt. Sabiex jinqatgħa l-ispejjeż żejda ta’ l-istampar tal-pubblikazzjoni u bħala parti mill-inizjattivi meħuda mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru favur l-ambjent, f’Diċembru ta’ l-2005 ġie deċiż li dawn il-pubblikazzjonijiet ma jibqgħux jiġu stampati imma jinħarġu biss f’forma elettronika – kemm fuq l-Intranet kif ukoll fuq CD li tinsab għall-bejgħ mid-Dipartiment ta’ lnformazzjoni.
Mhix il-prassi li dawn il-pubblikazzjonijiet jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra statistika dwar in-nefqa li saret mill-2002 sa l-2005 f'kull skola primarja tal-gvern f'Malta fejn jidħol maintenance, materials & supplies, equipment, refurbishment programme u construction? Jista' jagħti din l-informazzjoni separatament għal kull skola u għal kull sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li n-nefqa fuq l-iskejjel primarji tal-Gvern f'Malta għas-snin imsemmija fil-Mistoqsija sal-31 ta' Marzu, 2006, tammonta għal Lm 5,881,436. Breakdown kif mitlub mill-Onor. Membru jirrikjedi ħafna xogħol u żmien.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi rapport ieħor dwar l-assenteiżmu fl-iskejjel sekondarji tal-gvern wara dak li kien sar għall-1997/98 mill-Education Welfare Section? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Wara r-rapport li sar fl-1997/98 mill-Education Welfare Section dwar l-assenteiżmu, f'Ottubru 2005 ħareġ ir-rapport 'School Attendance Improvement' li diġa' ġie ppublikat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19970 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jistax jikkonsidra li minħabba s-sħana tremenda li tagħmel fil-pajjiż matul ix-xhur tas-sajf, jingħata skont lil dawk l-għaqdiet sportivi li jorganizzaw attivitajiet sportivi filgħaxijiet taħt id-dawl artifiċjali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li m’hiex il-funzjoni ta’ l-Awtorita` ta’ Malta dwar ir-Riżorsi li tagħti skont lill-konsumaturi, inklużi għaqdiet sportivi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huma l-iskejjel li fil-preżent huma mingħajr kap ta' l-iskola? Jista' jagħti l-ismijiet ta' l-iskejjel u jgħid kemm ilhom mingħajr kap?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-bidu ta' din is-sena skolastika (2006 - 2007), l-iskejjel kollha f'Malta u f'Għawdex għandhom min imexxihom bħala Kap. L-iskejjel kollha f'Malta u f'Għawdex għandhom Kap, ħlief tlett skejjel f'Malta u erbgħa skejjel f'Għawdex fejn hemm Aġent Kap li qed jieħu r-responsabbilta' għat-tmexxija ta' l-iskola. Dawn l-iskejjel huma Rabat 'B', Lorenzo Gafa' u Ġuze Galea f'Malta, San Lawrenz, Xagħra, Xewkija u Zebbuġ f'Għawdex.
Fil-kaz ta' l-iskejjel f'Għawdex l-applikazzjoni għas-sejħa ta' kapijiet ħarġet u għalqet, u l-applikanti eleġibbli qed jiġu intervistati.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-aħħar ħames rapporti dwar il-junior lyceum exam li saru mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni wara kull sessjoni ta' eżamijiet li saru hekk kif ġew ippubblikati r-riżultati?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser ngħaddi kopja tar-rapporti ta' l-eżami tal-Junior Lyceum mis-sena 2001 sa l-2005 lill-Onor. Interpellant. Ir-rapport ta' l-2006 se jkun lest f'Settembru li ġej.
Jista' il-Ministru jgħid minn meta daħlet fis-seħħ l-iskema ta' self ma' l-APS Bank sal-lum, kemm tħallsu lura lill-istess bank bħala parti mill-ftehim eżistenti? Kemm ġew mehuda flus s'issa mill-istess ftehim sabiex jintużaw għal xogħlijiet meħtieġa fl-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'kulleġġi oħra se jiġu mwaqqfa? Meta se jsir dan u xi kriterji se jintużaw biex jinġabru skejjel flimkien?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa għaddej eżerċizzju biex jiġu komposti l-Kulleġġi li se jibdew joperaw f’Settembru li ġej. Diversi kriterji se jintużaw fosthom iż-żona ġeografika, bżonnijiet edukattivi ta’ l-iskejjel konċernati, karatteristiċi partikolari ta’ l-iskejjel u anke karatteristiċi kulturali u soċjali.
Jista' il-Ministru jgħid fejn se jkunu allokati l-istudenti tal-Junior Lyceum tal-Verdala waqt li jkun qed isir ix-xogħol? Jista' jgħid ukoll x'se jiġri milll-istudenti ta' l-ewwel sena tal-Liceo Vassalli li huma wkoll matul din l-aħħar sena kienu fi skola oħra minħabba xogħlijiet li qed isiru fl-iskola tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti tal-Junior Lyceum Giuseppi Despot Bormla se jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fl-iskola Adelaide Cini Ħamrun waqt li tkun qed tinbena l-iskola msemmija. L-istudenti tat-tieni sena tal-Liċeo Vassalli li matul l-aħħar sena kienu fl-iskola Adelaide Cini se jibdew jattendu l-Liċeo Vassalli f'Ħal Qormi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20188, jista' il-Ministru jgħid l-eżaminaturi kif se jkunu jafu min huma l-istudenti tal-year 7 meta dan suppost ikun hemm index number u mhux l-isem fuq il-karta ta' l-eżami?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-eżaminaturi m'għandhomx għalfejn ikunu jafu min huma t-tfal tal-Year 7. L-eżaminaturi ser jiltaqgħu ma' metodi ġodda użati mit-tfal tal-Year 6, kif ukoll ma' metodi oħrajn użati mit-tfal tal-Year 7. Naturalment, l-eżaminaturi ser jaċċettaw dawn ta' l-aħħar ukoll.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19978 u jgħid:
Kemm kienet l-ispiża totali maħruġa mill-gvern u/jew mill-enti kollha konċernati biex l-iskart kollu jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antnin matul il-perijodu 2002-2005;
Kemm kienet l-ispiża mill-istess gvern u/jew enti biex il-fdalijiet (rejects) ta' l-istess skart jinġarr mill-impjant ta' Sant'Antnin lejn bnadi oħra tul l-istess perijodu;
It-tip ta' skart li nġarr lejn u mill-impjant ta' Sant'Antin matul l-istess perijodu;
Il-volum ta' kull xorta ta' skart;
Jekk l-iskart ta' Għawdex tul dan l-istess perijodu kienx qed jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antin u l-ispiża involuta, inkluż tar-rejects mill-impjant lejn bnadi oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 20349 li huwa stess għadu kif għamel.